Diżażtru!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Din il-kelma qed tintuża ħafna fil-vokabularju tagħna. Hija kelma li turi diżappunt. Jew forsi stmerrija wkoll. Għal xi ħaġa. Jew xi ħadd. It-Taljani, li huma biss pass ‘il bogħod minna, jħobbu jużaw il-frażi: È un disastro! “Dan diżażtru!”

Diżażtru! Kollox sew! Forsi it-tali ħaġa mhux tajba. Jew dak jew dik mhux tajbin. Inkella din il-ħaġa ma ħadmitx. Imma, u qabel kollox, qabel naqtgħu l-verdett, ejja niftakru li l-kelma “diżażtru” tnitten. U tnitten bil-bosta. Il-kelma “diżażtru” iġġib xi ħaġa li int u jien, anki jekk nagħmlu ta’ bir-ruħna li aħna cool minnha, inkella li sirna moderni iżżejjed, u l-affarijiet spiritwali saru tal-bużnaniet, aqta’ kemm twerwrina! L-aktar jekk induquha! Is-saħta! Il-kelma “diżażtru” iġġib swied il-qalb fuq min jismagħha jew jaqraha. U, jaf ukoll, iġġib l-istess sentimenti f’min jgħidha inkella f’min jiktibha wkoll.

Hemm fattur li, irridu jew ma rridux, ikollna nammettuh f’ħajjitna: aħna jew niġu mbierka mill-kliem li joħroġ minn fomma jew mill-pinna ta’ jdejna. Inkella misħuta mill-istess kelma li ngħiduha jew li niktbuha. Hija rejaltà li, anki jekk insibuha iebsa u ġġagħlna negħrqu l-għaraq tad-demm, il-kliem li ngħidu jibqa’ idur magħna. U jmur iva fejn immorru aħna. Anki jekk nifflittjalu xorta jibda’ idur miegħi, bħan-nemus tas-sajf! Dan l-għaliex il-kliem li joħroġ minn fommi jew jimlieni bil-barkiet, li joħorġu direttament mis-Saltna tad-Dawl. Inkella jitfagħni ‘l isfel u ‘l isfel fis-saltna tad-dlamijiet. L-ebda kelma għalhekk m’hi newtrali, kif jaħsbu xi wħud. Jew ‘l hawn inkella ‘l hemm. Kollox sintendi huwa pilotat minn liema intenzjoni jiena qed nitħaddet inkella nikteb.

Prova ta’ dan li qed ngħid hu dak li, fil-qalba ta’ qalbi nħoss, wara li nkun tħadditt ċertu diskors. Inkella ktibtu biex ħaddieħor ikun jista’ jaqrah. Jekk dan id-diskors kien wieħed ġej minn spirtu ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, allura dak id-diskors, waħdu, iberikni. Jimlini bil-kuraġġ. Iferraħħni. Jagħtini l-qawwa. Jagħmilni ħaddiem u ħaddiema tal-paċi. Iżda, jekk dak id-diskors li ngħid jew li nikteb ikun ġej minn spirtu ħażin ta’ mibegħda, tpattija, gideb, u vendetta allura jinżel fuqi u jkissirni bla ħniena ta’ xejn. Jispiċċa jgħaffiġni. U jgħattanni. U qatt aktar f’ħajti ma nkun nista’ inkun persuna ferħana. Jekk ma nirranġax dak li għedt jew ktibt. Prova ta’ dan hija l-bixra li jieħu wiċċi. Biżżejjed tħares lejh u tintebaħ minn dak li nkun għaddej u għaddejja f’ruħi biex tintebaħ.

Il-kliem għandu jitqies qabel jingħad jew jinkiteb. L-għaliex, l-effetti tiegħu, jkunu kbar. Il-kelma hija bħall-vleġġa li ma tiġix lura. La toħroġ araha li se twettaq xogħlha. Fil-verità se twettaq il-mandat tal-ispirtu li jkun qalha jew kitibha. Li jista’ ikun l-ispirtu tal-Mulej inkella l-ispirtu tan-naħa l-oħra. U, ngħid jien, l-għaliex kliem Ġesù għadu tant qawwi? Anki wara elfejn sena ta’ storja? L-għaliex kien ġej mill-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj. Dak l-Ispirtu li jimliena bil-ħajja. L-għaliex bih aħna nistgħu ngħixu. U mingħajru, int u jien, nemmnu jew ma nemmnux, Insara ferventi inkella xettiċi bil-bruda jew għax qrajna l-kotba, immutu ilkoll xorta waħda.

Hu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li kelmet Ġesu għadha tinfiltra fi qlub ta’ tant nies. Nies li għandhom l-għatx għall-Kelma tiegħu li mhux le se ssawwathom, tħaġġarhom, tixlihom, tkissirhom, twarrabhom u tittimbrahom. Dawn huma nies li għandhom bżonn kelma ta’ ħniena, mogħdrija, fejqan, maħfra, direzzjoni u, fuq kollox, tama. Hawn ħafna nies fostna li, għal xi raġuni jew oħra, m’għandhomx tama f’ħajjithom. Ippruvaw kollox u mhux talli ma swielhom xejn talli marru għall-agħar (ara Mk 5:26). Għalhekk, għall-megħka tal-art, dawn in-nies iduru fuqna biex ngħinuhom. Niftħulhom għajnejhom bil-ġentilezza. Nuruhom it-triq. Ħa jindmu.
Ġesù miet għal kull persuna! M’hemm ħadd li hu eskluż. Ejjew f’ħajjitna ma neskludu lil ħadd! Inkella huwa aħna li nidħlu fid-diżażtru li daħlu fih dawk li qalulu biex iħaġġarha. U meta staqsiehom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:8), huma “qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ” (Ġw 8:9).

X’diżażtru!

Leave a Reply

%d bloggers like this: