Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Id-Dritt għall-Mistrieħ

Id-Dritt għall-Mistrieħ


It-Tnejn 1 ta’ Mejju 2017: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech fil-Knisja Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

Honthorst, Childhood of Christ c1620.jpgTgħid San Ġużepp, il-mastrudaxxa minn Nazaret, kellu problema biex isib ħin għall-mistrieħ? Jekk kien ikollu x-xogħol garantit u għalhekk kellu żgurat il-ħobż ta’ kuljum, Ġużeppi kien jippermetti li jkollu ħin għar-rikreazzjoni. Min ikollu l-impjieg mhedded jew ma jkollux xogħol faċli, ma jirnexxilux jagħmel ħin għall-mistrieħ. Ħafna drabi l-ħin liberu huwa razzjonat meta l-bniedem jinduna li b’ħatba waħda ma jistax isajjar u għalhekk jgħaddi minn xogħol għal ieħor. Għalhekk il-prinċipju hu li bniedem isib ħin għar-rikreazzjoni jekk ikun żgur mill-istabbiltà ta’ xogħlu. Għall-grazzja ta’ Alla fis-soċjetà tagħna l-qgħad mhux problema mifruxa, u għandna għalfejn inkunu tassew grati li kemm bil-ħila personali ta’ ħafna (self employed) u kemm bil-ħila tas-settur pubbliku u dak privat, ħafna għandhom rashom mistrieħa mix-xogħol u għalhekk għandhom il-ħin liberu.

Hu fatt ukoll li ħafna ma jafux jistrieħu – ħafna jaħsbu li l-ħin li ma jkunx investit f’ħidma li tħalli l-qligħ, huwa ħin moħli. Għalhekk għandna min hu kelb għax-xogħol għax mhux kuntent b’ħobża waħda imma jrid ħbiżtejn. Imma nafu wkoll li l-bniedem mhux biss għandu bżonn ix-xogħol biex ikun jista’ jagħti lilu nnifsu ħin liberu, imma jeħtieġlu l-mistrieħ biex ikun jista’ jaħdem aħjar. Anki magna li taħdem bla waqfien tegħja u tieqaf – aħseb u ara l-bniedem. Jekk ma jirnexxilniex nistrieħu ftit, lanqas ix-xogħol tagħna ma jkun sew. L-esperjenza tgħallimina li meta wara ġurnata xogħol il-batterija taqa’ flat, ma nibqgħux nipproduċu daqs meta tkun għadha full. Biex il-bniedem ikun jista’ jaħdem sew, hu jrid jifhem il-ħtieġa tal-mistrieħ. Min-naħa l-oħra s-soċjetà ma tridx tnaqqarlu l-ħin tal-mistrieħ. Fil-fatt, xi drabi ma jiddependix milll-individwu waħdu jekk ikollux ħin ta’ mistrieħ jew le. Hekk, ngħidu aħna, jekk min iħaddem jordna lill-impjegati tiegħu jidħlu jaħdmu l-Ħadd u forsi jheddidhom jekk ma jaċċettawx, dan ikun qed jisraq lill-ħaddiem mill-ħin ħieles tiegħu. Huwa wkoll abbuż fuq il-ħaddiem meta dan jiġi mġiegħel jagħmel xogħol overtime, u jekk jirrifjuta li jagħmlu, jitkeċċa. Għalhekk is-soċjetà għandha tgħasses fuqha nfisha biex il-ħin prezzjuż tal-mistrieħ ma jittifisx.

Il-ħin liberu huwa prezzjuż għall-individwu nnifsu. Huwa importanti li wieħed jieqaf ftit mir-ritmu tal-ħajja biex jisma’ u jifhem lilu nnifsu. Ħasra li hawn min tant hu mikul bix-xogħol li lanqas jintebaħ li x-xemx tkun telgħet u niżlet. Il-ħin liberu nistgħu nużawh għall-qari personali, passatempi, attività sportiva, u tant aktar.

Il-ħin liberu huwa prezzjuż għall-familja. Ma humiex ftit dawk li jilmentaw li ma għandhomx ħin biex igawdu l-wens u l-għożża tal-familja. Wieħed missier qalli li wliedu tfarfru sew, imma billi hu kien ikun dejjem fuq xogħlu, ma rahomx jikbru! Issagrifika ruħu għall-familja imma ma gawdihiex. Ħafna mid-diffikutajiet tal-familji jinħolqu proprju għax ma għandniex ħin għal xulxin.

Il-ħin prezzjuż huwa meħtieġ ukoll għal oqsma tal-volontarjat. Kemm is-soċjetà ċivili u kemm il-Knisja għandhom ħafna ħidmiet ta’ volontarjat; imma naf li dawn l-għaqdiet qed jilmentaw li llum ftit huma dawk il-persuni li għandhom ħin għal din l-attività.

Imbagħad il-ħin tal-mistrieħ mix-xogħol neħtiġuh biex f’ħajjitna noħolqu spazju għal Alla kemm bit-talb personali u kemm bit-talb mal-miġemgħa. B’xorti ħażina x-xogħol tant qed jirkibna li lanqas f’Jum il-Mulej ma għadna nsibu ħin għal quddiesa!

Għalhekk, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, għandna bżonn nirriflettu kemm dwar id-dritt tal-ħaddiema għax-xogħol u kemm dwar id-dritt għall-mistrieħ. Nitolbu lil San Ġużepp Ħaddiem jgħinna biex fil-ħajja nsibu l-ekwilibriju bejn ix-xogħol u l-mistrieħ.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: