Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Il-Pulizija: Għodda ta’ Rikonċiljazzjoni

Il-Pulizija: Għodda ta’ Rikonċiljazzjoni


Il-Ħamis, 13 ta’ Lulju 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fil-Quddiesa tal-203 anniversarju tal-Korp tal-Pulizija f’Għawdex, ċimiterju ta’ Santa Marija, ix-Xewkija.

Meta nisma’ lil Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten” (Mt 10:7), nifhem li kien qed jgħidilhom li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin, li dak li huwa pożittiv għad jegħleb in-negattiv. Fi kliem ieħor, Ġesù qiegħed jagħmlilhom kuraġġ biex ma jaqtgħux qalbhom quddiem kull xorta ta’ manifestazzjoni tal-ħażen.

Għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija, il-ħidma tagħkom ħafna drabi ġġibkom wiċċ imb wiċċ mal-kuntrarju! Bħala gwardjani tal-buon ordni fis-soċjetà tagħna, intom tintervienu fejn jolqot il-ħażin li xi drabi tant ikun qawwi li jaf iweġġagħkom. Bil-ħidma għaqlija tagħkom, intom mhux biss tippruvaw twaqqfu mill-ġdid l-ordni li jkun tħarbat, imma tippruvaw ukoll toffru għajnuna korrettiva lil min ikun ħalla lilu nnifsu jinħakem mill-ħażin. Jien konxju li din mhix ħidma ħafifa u nifhimkom meta taħbtu taqtgħu qalbkom; imma nixtieqkom tiftakru f’dak li Ġesù qed jgħidilna: agħmlu l-qalb, għax it-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Il-fidi tagħna f’Alla li jmexxina (Domine dirige nos) tgħinna nikkonvinċu ruħna li l-aħħar kelma mhix tal-ħażin imma tat-tajjeb.

IMG_1589

Fl-Ewwel Qari, il-Kelma ta’ Alla kellmitna dwar il-laqgħa rikonċiljattiva li kien hemm bejn Ġużeppi u ħutu. Ġużeppi tant kien imweġġa’ minħabba l-firda li kien hemm bejnu u ħutu li meta ġietu l-opportunità li jħaddanhom miegħu tant “għajjat u beka” li “semgħuh l-Eġizzjani u semgħuh ukoll in-nies kollha ta’ dar il-Fargħun” (Ġen 45:2). Il-ġlied u l-firda huma manifestazzjoni tal-ħażin li semmejt aktar ’il fuq. Għalhekk nappellalkom biex fis-servizz tkomplu tkunu strumenti ta’ rikonċiljazzjoni. Ngħid “tkomplu” għax naf membri tal-Korp li għandhom għal qalbhom dan ix-xogħol – bis-sabar u b’ħafna sens komun, jirnexxilhom iħitu tiċrit fir-relazzjonijiet bejn koppji miżżewġa, bejn familji, bejn individwi u bejn gruppi. Din il-ħidma ssir fis-satra. Mhix ħidma li tinteressa lill-midja u lanqas ma ser tiġi rikonoxxuta bl-għoti ta’ medalji; imma intom tafu daqsi kemm hija ħidma importanti u ttaffi ħafna weġgħat. Kieku Ġuzeppi mexa bil-liġi, kien ikollu elf raġun li lil ħutu jitfagħhom ġewwa talli biegħuh; imma minflok, ġab ir-rikonċiljazzjoni. Hekk ukoll intom il-pulizija, għalkemm xogħolkom huwa li taraw li l-liġi tiġi mħarsa, konxji mill-fatt li summum ius summa iniuria, għandkom dehen biżżejjed biex fejn tistgħu, tiksbu l-effetti mixtieqa mil-liġi mingħajr ma tapplikaw l-ittra tal-liġi. Għal ħafna miċ-ċittadini tagħna, effett tal-fiduċja u r-rispett li tgawdu, qabel ma intom uffiċċjali li tridu d-dixxiplina, intom ħbieb li toffru l-ewwel għajnuna.

Għalhekk, filwaqt li nippruvaw ma naqtgħux qalbna quddiem kull xorta ta’ ħażen, inħeġġiġkom tkomplu tkunu għodda ta’ rikonċiljazzjoni u għaqda, u nirringrazzjakom tad-dedikazzjoni u l-ħidma tagħkom.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: