Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Għal Alla ħadd ma hu kelb

Għal Alla ħadd ma hu kelb


It-Sibt 19 ta’ Awwissu 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Festa ta’ Kemmuna, Knisja tar-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu.

Kemm hija esperjenza kerha meta wieħed ikun irrifjutat, imwarrab jew mogħti l-ġenb! Fil-ħajja jistgħu jfaqqsu diversi motivi għaliex persuna tista’ tiġi eskluża, bħalma huwa minħabba għażliet li tkun għamlet fil-ħajja, minħabba l-karattru tagħha, minħabba r-razza jew kulur ta’ ġildha, minħabba twemmin politiku jew reliġjuż tagħha, jew minħabba raġunijiet ekonomiċi. L-emarġinazzjoni hija realtà kattiva u toħloq weġgħat kbar.

Bħalma aħna nistgħu nbatu għax xi ħadd iwarrabna, aħna nafu nkunu wkoll minn dawk

li nitfgħu lill-oħrajn f’xi miżbla.

Anki l-komunità Nisranija trid toqgħod attenta li ma twaddab lil ħadd ’il barra – għaliex faċli nkunu ħfief biex nuru l-bieb ta’ barra lil dawk li skont il-kriterji tagħna ma jkunux laħqu l-grad mixtieq.

Imma l-agħar tbatija li jgħaddi minnha l-bniedem hija meta jidħollu fellus f’moħħu u jibda jaħseb li Alla jkun tah dahru u telqu!

Il-mara Kangħanija li jsemmi l-Vanġelu (Mt 15:23-28) għaddiet minn din l-esperjenza kiebja. Billi din il-mara kienet barranija u ta’ twemmin reliġjuż differenti, hija kienet imkeċċija u ddisprezzata mil-Lhud. Razzitha tant kienet mistkerrha li lill-Kangħanin il-Lhud kienu jsejħulhom “klieb”. Kelma iebsa li tfieri l-qalb. B’xorti ħażina, anki llum ġieli nsejħu lil xulxin “klieb”. Kliem bħal żibel, ruffjana u qaħba huma ftit fost l-appellattivi famużi li jintużaw illum biex inbaxxu u neskludu.

Fil-Vanġelu, Ġesù bħal donnu jipprova ma jikkalkulahiex lil din il-mara li resqet titolbu jfejjaq lil bintha. Fil-fatt jgħidilha li hu kien mibgħut għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael biss u li ma kienx sew li hi tieħu l-ħobż tal-ulied biex titma’ lill-klieb! Imma Ġesù ma setax jieħu din l-attitudni. Kif jista’ jkun li Alla jbarri lil xi ħadd? Jekk Alla jagħmel dan, allura mhux Alla! Imma Ġesù għamel hekk biex juri kemm kienet żbaljata l-attitudni tal-Lhud.

IMG_1750

Interessanti li l-karba tal-mara barranija kellha l-qawwa li ddewweb il-qalb ta’ Alla! Mara li kienet meqjusa “kelba” tasal biex tibdel il-qalb ta’ Alla. Il-vuċi tal-fqir tikkonverti lil Alla! Din il-mara pagana kienet kawża biex Ġesù jibdel il-pjan tiegħu. Hija twasslu biex jespandi l-konfini tal-ministeru tiegħu u jiftaħ għan-nagħaġ li ma kinux mill-merħla ta’ Iżrael. Kienet din il-mara li qanqlitu biex il-ħobż ma jkunx irriservat biss għall-magħżulin, imma jingħata wkoll lil dawk li ma kinux ta’ ġewwa.

Din il-mara ma kinitx tmur it-Tempju u anqas ma kienet midħla ta’ x’qalu l-profeti; imma Ġesù xorta jfaħħar il-fidi tagħha. Għax il-fidi qabel kollox mhix frott tal-moħħ, imma kif jgħid San Pawl, “wieħed jemmen f’qalbu” (Rum 10:10). Din il-mara ma kellhiex għarfien ta’ x’tgħid il-Bibbja jew il-Katekiżmu dwar Alla, imma kienet temmen bis-sħiħ li fil-qalb ta’ Alla ma hemmx “ulied” u “klieb”, għax Alla jħoss ma’ kull bniedem; hija kienet temmen li Alla jimpurtah aktar mit-tbatija tal-bniedem milli mir-reliġjon tiegħu.

Għalhekk nagħmel il-qalb lil dawk li llum huma sajmin minn dak li jgħid il-Vanġelu u minn dak li hemm fil-Katekiżmu, u forsi wkoll ma jmorrux għall-quddiesa tal-Ħadd; għalkemm intom tħossukom fiż-żarbun ta’ dik il-mara barranija u pagana, ftakru li m’intomx irrifjutati minn Alla. Huwa biss meta niskopru kemm il-Mulej huwa twajjeb u ħanin magħna li nitħeġġu biex insiru nafu l-Vanġelu, jibda jinteressana t-tagħim tal-Katekiżmu u nibdew niggustaw is-sehem tagħna fl-Ewkaristija.

B’dan l-atteġġjament tiegħu Ġesù wera li ħadd ma huwa rrifjutat, lanqas il-pagani jew dawk li jaduraw alla differenti bħalma kienet tagħmel din il-mara. Għal Alla aħna lkoll ulied, sew jekk aħna nagħmlu parti mill-poplu l-magħżul u sew jekk ġejjin minn formazzjoni oħra. Dak li jolqot il-qalb ta’ Alla huwa l-fatt li l-bniedem huwa bil-ġuħ (mhux għall-ħobż imma għall-imħabba). Il-ġuħ jgħakkes lil kulħadd, sew jekk wieħed ikun Nisrani tajjeb u sew jekk ma jkunx! Għal Alla ħadd ma hu “kelb”, imma lkoll uliedu, ħadd eskluż.

Nistħajjel li meta qed nitkellem hekk jista’ jkun hawn xi ħadd jgħid li l-Isqof qed ikun “populista” – li l-Isqof irid jintgħoġob man-nies! Niżgurakom li dan mhux minnu. Jien konxju li għad irrid nagħti kont ta’ għemili lil Alla; proprju għax irrid inwieġeb quddiem Alla, inħossni fid-dmir li nurikom il-qalb miftuħa ta’ Alla li tħaddan lil kulħadd.

Jekk dik il-mara/omm kienet daqshekk qawwija li qanqlet il-qalb ta’ Alla u qalgħet il-fejqan ta’ bintha, kemm għandu jkollna fiduċja f’Marija, Omm Alla u Omm tagħna, li tidħol għalina quddiem Binha Ġesù! Nagħmlu l-qalb, konvinti li fid-dar ta’ Alla hemm wisa’ għalina lkoll, anki jekk pagani u barranin, u nersqu bit-tama għand il-Madonna nitolbuha tinterċedi għalina biex ħadd ma jibqa’ bi stonku vojt.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: