Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 3 Ħadd Tar-Randan Sena A

Lectio Divina: 3 Ħadd Tar-Randan Sena A


Vanġelu:  Sikar kienet belt li minnha  jgħaddi kull min mit-Tramuntana ried jaqsam għan-Nofs-in-Nhar ta’ Israel u viċi-versa.  Fl-antik kienet magħrufa bħala Sikem u kellha rabtiet ma’ ġrajjiet fuq Abram u Ġakobb.  Ġużeppi bin Ġakobb huwa midfun hemm. Anki Ġożwe’, kif daħħal il-poplu Lhudi fl-Art Imwiegħda, ġabarhom fil-pjanura ta’ Sikem, u talabhom jagħżlu bejn Alla u l-allat foloz tal-post. Il-poplu wiegħdu li se jaduraw lil Alla biss.

Ġesu kien sejjer lejn il-Galilea. Minn flok imur dritt matul ix-xmara Ġordan, jieħu triq itwal. Kellu bżonn jiltaqa’ mas-Samaritana.  Ta’ min jinnota li f’Kap 1 Ġwanni jikteb fuq ir-risposta li l-Battista ta lill-Fariżej:  “M’inix l-għarus imma l-ħabib tiegħu. Jien lestejtlu kollox, u issa ferħan għax l-għarus wasal.”  Wara dan għandna r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana.  U llum Ġesu se jiltaqa’ ma’ mara li kellha ħafna maħbubin.  Ġesu se jgħidilha li, qabel ma ssib l-għarus, se tibqa’ dejjem bil-għatx.  Hosea kien introduċa l-idea ta’ Alla bħala Għarus u Israel (bl-Ebrajk din kelma femminili),  l-għarusa.  Hosea kien iżżewweġ prostituta. Wara li kellhom tlitt itfal telqitu għall-ħajja l-antika.  Imma bl-imħabba li kellu għaliha reġa’ rebaħha lura.

  1. Il-bir ta’ Ġakobb għadu jeżisti sal-lum. Ħafna rgħajja kieni jieqfu hemm biex jisqu l-merħliet.  Kien xogħol in-nisa li jtellgħu l-ilma mill-bir għalihom u għal xi vjaġġaturi li jkunu għaddejjin minn hemm.  Kien il-post fejn wieħed jiltaqa’ ma’ xi ħabib jew xi namrat ġdid.  Mhux ta’ b’xejn li l-mara minn Sikem kienet timxi 900 metru biex iġġib l-ilma. Żgur kien hemm minn fejn iġġib l-ilma aktar mill-qrib.  Niftakru li Abraham ukoll kien bagħat qaddej ħdejn dan il-bir biex isiblu tfajla għal ibnu Iżakk, u dan sablu lil Rebekka.  Ħdejn dal-bir iltaqgħu ukoll Ġakob u Rakele, Mose’ u Żippora (Sefora).  Il-laqgħa tal-Għarus ma’ mara infidila lejn żewġha isir ħdejn dan il-bir bi skop: biex tikkonverti u terġa’ lura u tgħix il-fedelta tagħha.
  2. Ġesu jasal ħdejn il-bir għajjien. Din hi l-unika darba li naqraw li Ġesu kien għajjien.  L-Għarus ġie jfittex lill-għarusa għax ma jistax jgħaddi mingħajrha. Jiġifieri, il-midneb, waħdu jew m’oħrajn, jinkwieta lil Ġesu u għalhekk Ġesu jara kif jagħmel biex il-bniedem jeħles mid-dnub u  b’hekk jerġa’ jikseb il-ferħ u l-paċi tal-qalb.
  3. “F’nofs in-nhar”. Ħad ma kien imur għall-ilma dal-ħin imħabba s-sħana. Kienu jmorru filgħodu jew qrib inżul ix-xemx.  Kien ukoll f’nofs in-nhar li Pilatu ppreżenta lil Ġesu lill-poplu bil-kliem: “Ecce Homo”.
  4. “Samaritana”: m’għandiex isem għax qed tirrapreżenta kull min jagħmel għażliet ħżiena bħal tagħha.
  5. Meta wieħed kien jitlob “Agħtini nixrob!” ikun qed jittallab mhux biss l-ilma imma wkoll li jkun aċċettat u milqgħuh id-dar. L-Għarus jittallab “Tini nixrob!” għax għandu dan l-għatx li jerġa’ jirbaħ lura l-għarusa infidila. Dan huwa għatx għall-imħabba tal-għarus għall-għarusa, u viċi-versa.  Ħafna minna jistqarru li ma jgħaddux mingħajr l-imħabba t’Alla, imma xorta waħda jpoġġu ħafna fiduċja f’ xi idolu, f’xi lucky charm, eċċ.  F’Salm 63 insibu:  “Alla tiegħi, ruħi għatxana għalik; donni f’deżert bla ilma, f’art niexfa.”
  6. “Kif! Int Lhudi titlob lili Samaritana nagħtik tixrob?” Jekk naħsbu li Alla għandu bżonn il-qaddisin biss, sejrin żmerċ.  Ġesu, fil-qilla tax-xemx, jieħu triq twila, isir għarqan xraba, jgħeja; dan kollu biex jitlob lura l-imħabba minn għand midinba.  “Kieku taf id-don t’Alla… jagħtik ilma ħaj.”  Mela hawn għaddejna mill-ilma tal-bir għall-Ilma tal-Ħajja.  Dan m’hu xejn aktar mill-Imħabba t’Alla.  Ġesu qed jgħid lill-mara (u lilna):  “Int ukoll għandek dan l-għatx għall-Imħabba t’Alla.  Għal xejn tipprova taqta’ dan l-għatx bi kwalunkwe ilma ieħor.  Anki aħna kemm-il darba nidħku bina nfusna għax mingħalina se naqtgħu dan l-għatx mod ieħor.  Dan l-għatx naqtgħuh biss meta naċċettaw id-don tal-Imħabba t’Alla, għax Hu biss jista’ jtina dan ir-rigal tal-Imħabba tiegħu għax aħna maħluqin għaliH.  Wieħed jista’ jakkwista lawrija, pożizzjoni għolja, kemxa flus il-bank, dar, karozza, eċċ.  Dan l-għatx ma jitsax jinqata’ b’dak li nakkwistaw imma b’dak li naċċettaw bħala rigal:  il-ħajja, l-imħabba, id-dawl li jagħti sens għall-eżistenza tagħna: dawn kollha mogħtija lilna minn Alla, u huma l-aktar importanti.
  7. Il-mara ma tifhimx, għax moħħha biex taqta’ l-għatx bi ħwejjeġ materjali, kif nagħmlu aħna kull tant. Ġesu jgħidilha: “Min jixrob mill-ilma tal-bir jerġgħu jaqbdu l-għatx.  Ħafna drabi aħna nfittxu l-ferħ fi pjaċiri anki onesti: ċelebrazzjonijiet, festi, parties, vaganzi. Dawn ituna gost għal dak il-ftit ħin u daqshekk.  Dejjem nibqgħu bil-għatx għal aktar.  Ġesu joffri lis-Samaritana Ilma Ħaj.  Hi twieġeb li trid minn dan l-ilma biex ma jkollhiex għalfejn terġa’ tiġi ħdejn l-bir.  Irriduċiet l-Ilma Ħaj għal ilma komuni. Aħna wkoll irridu noqgħodu b’seba’ għajnejn biex ma nagħmlux bħala, jew bħal xi wħud li jimxu m’Alla bħal merċenarji: “Intik skond kemm tħallasni.”  Ġesu jkompli: “Kellek ħamest irġiel. Dan t’issa mhux żewġek.  Mur fittex l-Għarus ġenwin, għax forsi qed tadura idolu.” “Ħamest irġie”l fi Slaten 2.17 kienu ħames popli li daħlu s-Samarija bl-idoli tagħhom. Is-Samaritani laqgħuhom, ċaħdu l-veru Ġħarus ta’ Israel u laqgħu dawn il-ħames “maħbubin” ġodda. Ġesu ma jċanfarx lill-mara imma juriha bil-ħlewwa li l-għatx li għandha se taqtgħu biss jekk tiċħad dawn l-għarajjes foloz u terġa’tħaddan il-veru Għarus.  “Emminni mara…” Emmen=innamra, erħi ħajtek f’idejn min iħobbok sinċerament, min tassew jixtieqlek il-ġid. “Mara”=Israel.  Ġesu jirrivela min hu u l-mara tħalli l-ġarra vojta warajha, għax m’għandhiex bżonn aktar l-ilma tal-bir, għax issa sabet l-Ilma Ħaj. U marret tagħti din l-aħbar tajba lil kulħadd.

(N.B. Ara x-xebħ bejn “mara” u “ġarra” fir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana).

 

Sors:  lachies.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: