Home > Rivista Pastor > Katekeżi fuq ir-relazzjoni ta’ Marija ma’ Kristu

Katekeżi fuq ir-relazzjoni ta’ Marija ma’ Kristu


Il-Ġimgħa, 8 ta’ Settembru 2017. Festa tal-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija.  Dan l-artiklu kien publikat fir-Rivista Pastor bosta snin ilu matul il-Pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  Jiddispjeċina li fil-mument la għandna dettalji tal-Awtur u lanqas ta’ data tal-publikazzjoni.  Malli jkollna dawn id-dettalji ninkluduhom ukoll.   Ċerti li minkejja ż-żmien li għadda, dak li hawn miktub għadu u jibqa rilevanti.

Katekeżi fuq ir-relazzjoni ta’ Marija ma’ Kristu

Ma nistgħux nitkellmu fuq Kristu mingħajr ma nsemmu lil Marija u viċeversa. It-tnejn jissupponu lil xulxin u għalhekk wieħed mill-għanijiet ta’ l-operatur pastorali huwa li jiċċara r-relazzjoni ta’ bejniethom fil-ħidma tiegħu.

Jista’ jkun li l-poplu jkun qiegħed joqrob lejn Marija, u jħobbha verament permezz tad-devozzjonijiet popolari. Filwaqt li nħallu f’idejn it-teoloġi biex jagħmlu valutazzjoni fuq dawn id-devozzjonijiet, ikun xieraq li l-operaturi pastorali jieħdu l-linja li tana l-Papa fuq il-Fosos tal-Furjana meta bbeatifika lit-tliet Maltin. Xħin kien qiegħed jitkellem fuq Nazju Falzon qal: “Inħeġġiġkom biex tgħożżu t-tradizzjonijiet Maltin ta’ pjetà, tippurifikawhom meta hemm il-bżonn filwaqt li ssaħħuhom b’tagħlim sod u katekeżi.” 1

Wieħed mill-punti fuq il-Verġni Marija li l-operaturi pastorali għandhom jagħmlu l-almu biex jgħallmu fuqu hija r-relazzjoni bejnha u bejn Kristu. Dan il-punt huwa importanti ħafna għax jekk il-poplu jifhem tajjeb ir-rabta ta’ bejniethom, ikun daħal fil-qalba tat-twemmin nisrani.

Infatti fit-teoloġija nitgħallmu li Marija hija mnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub, hija Omm Alla, u ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Jekk noqogħdu nistudjaw dawn il-privileġġi ta’ Marija, naraw kemm għandhom valur Kristoloġiku mill-aktar qawwi. “Marija tiftiehem biss fir-relazzjoni tagħha ma’ Kristu. Jekk xi ħadd ma jemminx il-Fidi Kattolika li l-Kelma ta’ Alla saret bniedem minn Adam, ma jifhimx lanqas id-domma fuq Marija. Nistgħu ngħidu li l-apprezzament tad-domma Marjana hija indikazzjoni jekk id-domma Kristoloġika hijiex qiegħda tiġi meħuda bis-serjetà.”2

Il-Papa Piju IX iddikjara l-Konċezzjoni Immakulata ta’ Marija fl-1854  bil-Bulla Ineffabilis Deus u afferma: “L-imqaddsa Verġni Marija, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, bi grazzja u favur singulari ta’ Alla li jista’ kollox, f’ġieħ il-merti magħrufin minn qabel ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur tal-bnedmin kollha, kienet ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel.”3 Marija nħelset mit-tebgħa tal-bidu għall-merti futuri ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk hija kisbet l-aktar frott mill-fidwa ta’ Kristu. Din kienet tħejjija għall-missjoni ta’ Marija biex tkun tista’ tilqa’ fi ħdanha lil Ġesù.

Ma nkunux nispjegaw tajjeb il-Marjoloġija jekk naffermaw li fil-konfront ta’ Alla, Marija  mhux biss rċeviet mingħajr ma għamlet xejn. Fl-Annunzjazzjoni hija tat l-“Iva” tagħha sabiex Ġesù jkun jista’ jitnissel fi ħdanha u hekk saret Omm Alla. Il-maternità divina ma hijiex sempliċement ta’ natura bijoloġika, li hija rċeviet b’mod passiv minn Alla, iżda “San Luqa jmur ‘l hemm minn hekk: din il-maternità hija att liberu tal-fidi tal-Verġni.” 4

Fl-1950 il-Papa Piju XII fil-Kostituzzjoni Appostolika Munificentissimus Deus afferma li l-Verġni Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Din id-domma turina r-rabta tagħha ma’ binha Ġesù. Kif huwa rebaħ il-mewt billi qam glorjuż fit-tielet jum, kien jixraq li Marija, li serviet ta’ tabernaklu ħaj u li ssieħbet miegħu fil-fidwa għalina, taqsam l-istess xorti tiegħu billi tkun “l-ewwel frott tal-misteru tal-Għid.” 5

Jidher ċar li dawn il-glorji għandhom rabta mal-persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu: “Marija hija  eżaltata għal Ġesù. Kien jixraq li hija, bħala kreatura, għalkemm l-ogħla waħda, ikollha uffiċċju ta’ qadi. Hija, bħal oħrajn, ġiet fid-dinja biex tagħmel xi xogħol; il-grazzja u l-glorja tagħha mhumiex għaliha nnifisha iżda għal dak li għamilha.” 6

Ma nkunux fissirna b’mod sħiħ ir-rabta ta’ Marija ma’ Kristu jekk ma nsemmux is-sehem tagħha fil-fidwa. Permezz ta’ l-‘Iva’ tagħha, Ġesù tnissel fi ħdanha,  hi tatu t-twelid u rriflettiet fuqu tant li San Luqa jgħidilna: “U Marija kienet iżżomm dan kollu f’moħħha u taħseb fuqu f’qalbha.”7 U permezz tal-fidi waslet biex offriet bħala vittma għad-dnubiet tad-dinja lil dak li hija welldet.

Ġesù, filwaqt li ġabilna l-fidwa, ried il-kollaborazzjoni ta’ Marija, tant li hija tista’ tissejjaħ “Korredentriċi”. Il-Papa Piju XII jafferma: “Nistgħu ngħidu li l-wisq glorjuża Sidna Marija ġiet magħżula bħala Omm ta’ Kristu, sewwa sew biex tkun imsieħba miegħu fil-fidwa tal-ġens uman.”8

Dan it-tagħlim profond fuq il-Verġni Marija jixħet dawl qawwi fuq il-persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu. Permezz tagħha naraw li Kristu ma kienx sempliċement bniedem straordinarju iżda t-tieni persuna tat-Trinità, filwaqt li kien bniedem bħalna f’kollox minn barra mid-dnub.

Għalhekk fil-katekeżi l-operatur pastorali jrid jisvolġi r-rabta ta’ Marija ma’ Kristu fuq dawn l-erba’ punti li semmejna.

  1. Kristu tnissel permezz tal-kunsens tagħha u għalhekk hija Omm Alla.
  2. Marija hija l-kapulavur tal-fidwa ta’ Kristu u għalhekk ġiet imnissla mingħajr tebgħa tad-dnub oriġinali.
  3. Marija hija msieħba fil-qawmien ta’ Kristu billi ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.
  4. Marija ssieħbet ma’ Kristu fil-fidwa tagħna.

Min-naħa l-oħra, id-devozzjoni lejn Kristu tkun aktar soda u sħiħa jekk twassal lill-poplu ta’ Alla għand Marija. “Kien l-Iben ta’ Alla li sar aċċessibbli għall-bnedmin kollha, billi aċċetta li jgħix bħala l-iben ta’ Marija.” 9 Għalhekk xieraq li l-operaturi pastorali jfissru r-rabta ta’ l-Ewkaristija ma’ Marija u jaraw f’dan is-sagrament “inċentiv għall-pjetà marjana”.10 Infatti hija serviet għal disa’ xhur bħala l-ewwel tabernaklu għal Ġesù. San Tumas ta’ Aquino tant kien konxju minn din ir-rabta li fis-sekwenza Ewkaristika kiteb: “Ave, o vero corpo, nato da Maria Vergine”, li bil-Malti tfisser: “Sliem, o ġisem veru, imwieled mill-Verġni Marija.” Fl-Ewkaristija hemm preżenti, b’xi mod, il-Verġni Marija. Kien permezz tal-kunsens tagħha li seħħet l-Inkarnazzjoni, filwaqt li hija kienet l-omm bijoloġika tiegħu wkoll

Il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu fis-sagrifiċċju tal-quddiesa. Għalhekk l-operatur pastorali fil-katekeżi jrid jispjega wkoll ir-relazzjoni ta’ Marija mas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq il-Kalvarju. Infatti l-quddiesa hija s-sagrifiċċju tal-Kalvarju mingħajr tixrid ta’ demm, fejn Sidna Ġesù Kristu huwa l-vittma. Infatti “il-Verġni Mqaddsa mxiet ‘il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha ta’ fidi u żammet fil-fedeltà l-għaqda ma’ Binha sas-salib fejn, mhux mingħajr il-pjan ta’ Alla, hi baqgħet wieqfa (cf. Ġw 19, 25), qasmet b’qawwa ma’ Binha t-tbatijiet tiegħu u ngħaqdet b’qalb ta’ Omm mas-sagrifiċċju tiegħu, waqt li b’imħabba tat il-kunsens tagħha għall-offerta tal-vittma li kienet welldet.”11 B’dan il-mod l-operaturi pastorali għandhom iwasslu lill-poplu biex jifhem li Ġesù fl-Ewkaristija huwa l-istess persuna, li l-Verġni Marija tat lid-dinja f’Betlem, li bil-Lhudi tfisser ‘Dar il-}obż’ u fuq il-Kalvarju.

Għalhekk il-katekeżi vera trid twassal biex il-poplu jifhem li t-tagħlim fuq l-Verġni Marija u Kristu huma marbuta ma’ xulxin u jiffurmaw il-qalba tal-fidi tagħna.

 

Riferenzi

1 Diskors tal-Papa fuq il-Fosos tal-Floriana, 9/5/2001

2 Rahner Karl, Theological Investigations, Vol. 1,  Baltimore 1969, p.202.

3 Piju IX, bulla Ineffabilis Deus: Denzinger-Schonmetzer, 2803.

4 Rahner Karl, Theological Investigations, Vol. 1, Baltimore 1969, p.203.

5 Bertetto Domenico, Maria Maestra di vita spirituale, Bologna 1982, p.10.

6 Newman John Henry, The Kingdom Within, Discourses to Mixed Congregations, New Jersey 1984, pp.348-349.

7 Luqa, 2,19.

8 Enċiklika “Ad Coeli Reginam” (1954).

9 Galot Jean, Maria, La Donna nell’opera della salvezza, Roma 1991, p. 103.

10 Bertetto Domenico, Maria la Serva del Signore, Napoli 1988, p.432.

11 Lumen Gentium, Nru. 58.

 

Bibliografija

Cauchi Nikol, Omm il-Feddej, Għawdex 1983.

De Fiores Stefano, Maria nel mistero di Cristo e della Chiesa, Roma 1995

De Fiores Stefano, Maria Madre di Gesù, Bologna 1993.

Attwater Donald, A Dictionary of Mary, New York  1956.

De Fiores Stefano-Meo Salvatore, Nuovo Dizionario di Mariologia, Milano 1986.

Cantalamessa Raniero, Maria Uno specchio per la Chiesa, Milano 1989.

O’ Carroll Michael, Theotokos, Oregon 2000.

Categories: Rivista Pastor
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: