Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 24 Ħadd Matul Sena A

Lectio Divina: 24 Ħadd Matul Sena A


Vanġelu (Matt. 18. 21-35):  Meta xi ħadd iweġġagħni, speċjalment meta l-ferita tibqa’ xhur u snin, ir-rejazzjoni naturali hi l-vendetta: hu weġġagħni mela jien inġiegħlu jsofru. Il-maħfra hi l-aħħar ħsieb li jgħaddili minn moħħi.  Xi wħud isibuha bi tqila anki biex jaħfru lilhom infushom. Jimmurmraw billi jgħidu: “Imma kif waqajt? Imma għax għamilt jew għidt hekk?”  Dawn it-talin għandhom bżonn li jaċċettaw li huma umani u fraġli, għax inkella, jekk ma jaħfrux lilhom infushom, se tkun aktar diffiċli biex jaħfru lill-oħrajn.  Kull tant, min joffendik, ma jagħmilx hekk darba, imma ta’ sikwit. Hawn it-tpattija tidher it-tweġiba naturali.  “Min joffendik irid iħallas talli jkun għamel” (Talmud). “Min jaħfer delitt isir kompliċi mal-qattiel” (Voltaire). “Il-maħfra ġġib ħsara psikika” (Freud). Ix-xjenzjati tal-lum ma jaqblux ma’ dawn l-idejat, għax in-nuqqas ta’ maħfra u l-mibegħda li żżomm f’qalbek iġegħluk tirrikorri għall-kalmanti, eċċ.

  1. It-tpattija hija kwalita umana, jew ir-ritorn lejn il-kundizzjoni pre-umana? Il-quċċata tal-evoluzzjoni tal-bniedem m’hijiex homo sapiens (bniedem li jaf) imma homo amans (bniedem li jħobb). Mela, min laħaq il-quċċata tal-umanita hu bniedem li jħobb. Fi żmien Ġesu kienu jagħtu importanza kbira biex tinżamm il-paċi fost il-poplu.  Min kien jaħdem għal dan il-għan kien meqjuż bħala mbierek minn Alla.  Min kien jagħmel offiża, kien obbligat li jieħu żewġ xhieda miegħu u jitlob skuża, biex jekk l-offiż ma jaħfirlux, ikun jista’ jgħid bix-xhieda li hu għamel li seta’ biex iżomm il-paċi. U jekk l-offiż ikun laħaq miet, kien obbligat li jieħu ġebla u jqiegħdha fuq qabru waqt li jitolbu skuża.   Dan kollu kien jgħodd għal-Lhud biss bejniethom, u kellu limitu: kienu jaħfru sa tlett darbiet biss lill-istess individwu. Wara t-tielet, kienu jirrikorru għat-triq legali.  Mela meta Pietru jsaqsi lil Ġesu: “Kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” Pietru fehem li Ġesu kien bi ħsiebu jmur lil hinn mill-limitu mpost mir-Rabbini. In-numru sebgħa kien totali, infinit. Pietru qed jifhem dejjem aktar li Ġesu riedhom jimxu f’kollox bl-imħabba. Forsi ftakar meta Ġesu qal: “Jekk tkun qed tagħmel l-offerta tiegħek, u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik…”  jew “jekk ħuk jonqsok seba’ darbiet kuljum, aħfirlu seba’ darbiet.” (S. Luqa) It-tweġiba ta’ Ġesu se taħsad lil Pietru: “Mhux sa seba’ darbiet, imma seba’ għal sebgħin darba.” Dan hu eku ta’ Lamek, iben Kajjin, li kien qal: “Qtilt żagħżugħ għax benġilni. Għax seba’ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek seba’ għal sebgħin darba.”  Mela, sa fejn tista’ tasal il-vendetta, il-maħfra trid twassal aktar.
  2. “Sultan ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja…. ħafirlu dejnu.” Talent ma kienx munita imma kejl. B’talent, wieħed kien jiżen madwar 60 kilo deheb. Mela għaxart elef talent iġibu 589 tunnellata deheb. Hawn min ifisser dil-parabbola hekk: jien bid-dnubiet tiegħi nakkumula dejn enormi m’Alla.  Fil-waqt li Alla jaħfirli kollox, jien forsi ma naħfirx ftit ċenteżmi (offiżi żgħar) lil ħija li  hu midjun miegħi.  Din it-tifsira mhux korretta: aħna m’għandna l-ebda dejn ma Alla u Hu m’għandu l-ebda ktieb tal-kontijiet. Kull m’għandna tahulna b’xejn, i.e. bla ma jistenna xejn lura minna.
  3. Ejjew nimmaġinaw kieku s-silta tal-lum tibda mit-tieni parti tal-parabbola, i.e. fejn il-qaddej ma jridx jaħfer mitt dinar lill-sieħbu. Mitt dinar dak iż-żmien kienu paga ta’ erba’ xhur.  Il-qaddej lil sieħbu, qaddej ukoll, xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kollox. Sid il-kera, llum ukoll, ikeċċi ‘l barra l-inkwilin li jdum ma jħallas id-dejn.  M’għandux dritt jagħmel hekk?  Ħafna minna jaqblu li din hi ħaġa ġusta. Fil-każ tal-qaddej, kieku ma nkunux qrajna l-ewwel parti tas-silta, żgur li naqblu li kien ġust  li lil sieħbu midjun xeħtu l-ħabs.  L-anqas jinporta ħafna li qabdu minn għonqu u għafsu ftit biex jurih li ħajjet il-midjun kienet f’idejn dal-qaddej.  Minn hawn joħroġ il-messaġġ ċentrali tal-lum. Naħa waħda għandna ħafna minna li jaqblu li l-aġir tal-qaddej kien ġust, u l-midjun ħaqqu jsofri ftit biex jitgħallem joqgħod aktar bil-għaqal u jirkupra flus biżżejjed biex iħallas dejnu. Iżda meta nqabblu l-aġir ta’ dal-qaddej barra l-palazz mal-aġir tas-sultan ġewwa l-palazz, żgur li aħna nbiddlu fehimitna.  Hekk iġib ruħu l-Missier Etern: ma jikkastigax, ma jivvendikax ruħu, imma jaħfer kollox! Jekk int tqis ruħek bħal wieħed minn uliedu, inti mitlub tagħti xhieda ta’ dan l-aspett tal-wiċċ Divin t’Alla, li Hu Mħabba u Mħabba biss! Ma tistax tirraġuna bħal bnedmin tad-dinja li jgħidu li, biex issir ġustizzja, trid tibbalanċja l-kontijiet. Għal kuntrarju, trid tħobb u taħfer dejjem, bla kundizzjonijiet, mingħajr “imma” jew “jekk”.
  4. “…. u saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru (argużin).” Dan hu lingwaġġ tar-Rabbini.  Ġesu jużah ftit biex il-Lhud jifhmu aħjar il-messaġġ tal-parabbola b’termini li kienu mdorrijin jisimgħu.  Fil-fatt qed iqis li l-Missier qed jgħidli: “Jekk iġġib ruħek bħal dal-qaddej, i.e. ma taħfirx b’mod assolut, jien ma nkunx nista’ nqisek bħala wieħed minn uliedi, għax fil-fattizzi tiegħek ma jkunux jidhru l-fattizzi Tiegħi ta’ maħfra u mħabba.  Ma tkunx aktar tixbaħni.  Biex tixbaħni trid taħfer lil ħuk b’tali mod li hu jitlob maħfra biex b’hekk ikun jista’ jerġa’ lura għat-triq it-tajba, it-triq tal-imħabba, it-triq ta’ uliedi.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: