It-Tnejn, 25 ta’ Settembru 2017: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Komunità Anawim. Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem.
Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech
Is-suġġett li għażiltu għal din is-sena – l-antropoloġija – huwa interessanti u meħtieġ, għax aħna rridu nikkomunikaw mad-dinja tal-lum! Irridu nifhmu li biex tgħallem il-Latin lil Tom, trid tkun taf lil Tom; biex tgħallem il-Vanġelu lil John, mhux biżżejjed li tkun taf il-Vanġelu, imma trid tkun taf ukoll min hu John.
Meta nittraskuraw li nkunu nafu min hu John, insibu ruħna nipprietkaw lill-bniedem tal-bieraħ, mhux lil dak tal-lum. Dan jikkawża sens ta’ frustrazzjoni, għax ma nikkomunikawx bejnietna u ma ngħinux lil John.
Il-bniedem huwa oġġett tar-Rivelazzjoni. Alla jikkomunika mal-bniedem. U lill-bniedem. Għalhekk il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib, il-ferħ u l-biżgħat tal-bniedem tal-lum, iridu jkunu l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib, il-ferħ u l-beżgħat tal-Knisja li trid tikkomunika l-Bxara t-Tajba (ara Gaudium et spes, 1). Ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li d-dixxipli tal-Mulej ma jħossuhiex f’qalbhom. Għalhekk, jekk ma nkunux midħla ta’ John, inkunu nitkellmu fil-baħħ.
Alla jikkomunika b’diversi modi. Il-bniedem huwa wkoll suġġett tar-Rivelazzjoni, fis-sens li Alla jista’ jinqeda bil-bniedem biex jikkomunika lilu nnifsu. Il-bniedem jgħinna niskopru x’qed jgħidilna Kristu llum. Qabel ma huwa “kategorija soċjoloġika”, il-bniedem huwa “kategorija teoloġika”, fis-sens li l-bniedem, partikularment dak fqir, jgħinna nsiru nafu aħjar lil Alla u jgħinna wkoll nidħlu f’għaqda miegħu. Għaldaqstant, jekk ma nafux lill-bniedem, ifisser li qed nitilfu wieħed mill-għejun tar-Rivelazzjoni – inkunu qed infaqqru r-Rivelazzjoni.
Kull bniedem, anki jekk pagan jew ikun telaq barra mill-Knisja, jista’ jgħinna nniżżlu fil-fond l-għeruq tagħna fi Kristu. Fil-qari tal-lezzjoni fil-quddiesa tal-lum smajna bil-bini tat-Tempju ġdid mir-Re Ċiru, li kien pagan. Huwa ħeġġeġ lil-Lhud biex jiġbru offerti għat-Tempju wkoll mingħand il-pagani. Hawnhekk jidher ċar li l-għajnuna ma nsibhiex biss fin-nies ta’ ġewwa, iżda anki l-bniedem ta’ barra jista’ jgħin biex issir medjazzjoni bejn Alla u l-bniedem.
Aħna, bħala persuni kkonsagrati, irridu inkunu laboratorju li jġib esperjenza lajkali f’ħoġor il-Knisja biex b’dan il-mod jinħadem kif ser jasal il-Vanġelu. Ma nitkellmux fuq l-irjus. Il-bniedem reali mhux dak li jidher. Niftħu widnejna biex naraw x’qed jgħid Alla permezz tas-soċjetà, anki jekk din mhix mgħammda. Kollox jiddependi mis-smigħ. Nisimgħu l-bniedem għax ma nafux minn fejn tista’ tasal il-grazzja. Nikbru fil-kapaċità li nisimgħu anki lill-bniedem imbiegħed, għax dan jista’ jkun strument li Alla juża biex jikkomunika magħna.