Imsiebaħ b’nar iħeġġeġ

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 25 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Quddiesa tal-bidu tas-Sena Akkademika,Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

Bir-raġun Ġesù jgħid li “ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt is-sodda” (Lq 8:16). Għax il-musbieħ min-natura tiegħu jinxtegħel biex jagħti d-dawl, u ma jagħmilx sens jekk id-dawl jinħeba jew, agħar minn hekk, jintefa.

Għeżież studenti, kull wieħed minnkom huwa musbieħ li bħalissa għandu fjamma żgħira, imma ’l quddiem meta tikbru din il-fjamma għad titħeġġeġ u tikber. L-għan tal-iskola huwa li tkebbes fikom din il-fjamma u tgħinkom taħżnu biżżejjed żejt biex il-musbieħ ma jintefiex. Id-diversi dixxiplini ta’ tagħlim li toffrilkom l-iskola huma mmirati biex irawmu fikom ħiliet li ’l quddiem għad iservukom biex intom tkunu dwal għal ħafna, biex tkunu fjamma qawwija li ssaħħan il-qlub ta’ min huwa mirżuħ. Dan iseħħ meta bħala skola nakkumpanjawkom biex tiżviluppaw il-potenzjal li hemm moħbi fikom u hekk jirnexxielkom twettqu dak il-proġett ta’ ħajja oriġinali għal kull wieħed minnkom.

DSC_0677

Bħala skola Kattolika, is-Seminarju Minuri jgħinkom ukoll biex tagħmlu esperjenza ta’ Kristu li musbieħ inemnem ma jitfihx, imma jgħinu jibqa’ jixgħel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li huwa nar divin.

Hija l-missjoni tal-iskola li f’dan iż-żmien delikat tal-adolexxenza toffrilkom ilqugħ tajjeb biex meta jonfoħ ir-riefnu ma jitfilkomx il-musbieħ.

Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika nappellalkom biex tgħassu fuqkom infuskom li ma tmorrux tqiegħdu l-għatu fuq il-musbieħ u hekk in-nar jifga u jintefa! Inkunu nittraskuraw il-musbieħ meta ma niħdux l-istudju bis-serjetà, meta ma nagħtux l-attenzjoni dovuta waqt il-lezzjonijiet, meta nintefgħu lura fl-attivitajiet tal-iskola, meta nittraskuraw il-qari, meta nsiru minimalisti, u l-bqija. Il-musbieħ huwa tiegħek – il-musbieħ huwa int! Għalhekk ħadd fl-iskola ma jista’ jieħu postok biex il-musbieħ tiegħek jibqa’ jaqbad. Aħarbu l-għażż fiżiku u intellettwali għax inkella, jekk taqgħu fit-traskuraġni, il-ftila titħammeġ, bil-mod il-mod titbaxxa l-fjamma u tmut, filwaqt li l-musbieħ jitgermed u jitlef il-ġmiel tiegħu.

Insellem lill-għalliema u lill-istaff kollu tas-Seminarju Minuri tagħna. Illum nerġa’ nagħtikom il-mandat biex f’isem il-Knisja tgħinu lil dawn l-istudenti biex jibqgħu msiebaħ mixgħula. Nirrakkomandalkom biex ħadd ma jfettillu jqiegħed l-għatu fuq xi wieħed minn dawn l-imsiebaħ. Ma nixtieqx li jgħaddi ż-żmien u xi ħadd minnkom l-għalliema jkollu rimors għax bl-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu/tagħha jkun tefa xi wieħed minn dawn l-imsiebaħ! Dan nagħmluh meta ma nkunux iddedikati għat-tagħlim, meta nwettqu l-professjoni b’nofs qalb, meta nagħmlu l-preferenzi bejn l-istudenti, meta ma nkunux ġusti fl-assessjar tagħhom, meta ma nħobbux lill-istudenti, u l-bqija.

Nafu nkunu ttentati nagħżlu bejn l-imsiebaħ li jarmu ħafna dawl u dawk li għandhom fjamma tnemnem għax ma jistgħux jaqbdu! Dawn tal-aħħar jeħtieġu ferm aktar kura, attenzjoni u ħidma; imma b’daqshekk ma għandhomx jiġu mwarrba jew minsija. Fl-iskola hemm post għal kulħadd; u jekk ikun hemm bżonn, għandha ssir diskriminazzjoni pożittiva ma’ dawk li għandhom ftila batuta. Is-suċċess tal-iskola tagħna mhux li jkollha msiebaħ jibbrillaw, imma li ħadd mill-imsiebaħ li jiġu għandna ma jitlef il-qawwa tan-nar li kapaċi jiġġenera enerġija umana, spiritwali u kulturali.

Minn qalbi nawguralkom sena akkademika ġdida li tagħtikom ħafna sodisfazzjon.

Ħajr lil Francesco Pio Attard

Leave a Reply

%d bloggers like this: