Home > Aħbarijiet > Rispett lejn il-Ħajja fil-forom kollha tagħha

Rispett lejn il-Ħajja fil-forom kollha tagħha


SOMMARJU TAL-POSTITION PAPER TAL-KUMMISSJONI INTERDJOĊESANA AMBJENT

Is-Sibt, 30 ta’ Settembru 2017: Fl-okkażjoni tax-Xahar tal-Ħolqien, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq taqsam xi ħsibijiet, imnebbħa mill-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si’, dwar il-valur tal-ħajja u l-ħtieġa li nirrispettawha fil-forom kollha tagħha. Dan fi żmien meta ħafna qed jiġu influwenzati minn ideat żbaljati li qed jiddominaw il-midja, u jispiċċaw jaċċettaw diskorsi u ideoloġiji li spiss jgħawġu l-verità.

Ir-rispett lejn il-ħajja jitlob li wieħed japprezza d-dinjità ta’ kull forma ta’ ħajja, jagħraf kemm hi vulnerabbli u jħarisha minn kull periklu. Dan il-prinċipju għandu jgħodd mhux biss għal meta naraw theddid fuq annimali u pjanti jew siġar, imma wkoll, u iżjed, għat-trabi fil-ġuf.

Matul id-diskussjoni pubblika dwar il-ħajja fil-fażi l-aktar bikrija, il-KA ma taqbilx ma’ retorika li tipprova sserraħ il-kuxjenza billi taħbi l-verità. Hija temmen bil-qawwa kollha li l-bniedem jibqa’ bniedem bid-drittijiet kollha tiegħu, irrispettivament mid-daqs, l-istat ta’ żvilupp, l-abilità fiżika u mentali u mill-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu. F’soċjetà ġusta u demokratika, id-drittijiet ta’ kulħadd jiġu mħarsa, kemm jekk hu adult kif ukoll jekk wild vulnerabbli li ma jistax jiddefendi ruħu. Fid-dawl ta’ dan, il-KA tibża’ li l-industrija tal-farmaċewtika u dik medika jpoġġu fuq quddiem nett l-interessi ekonomiċi tagħhom, aktar milli l-prinċipji morali u l-valuri. Għandu jkun hemm aktar investiment fir-riċerka dwar metodi li jegħlbu l-infertilità waqt li jirrispettaw id-dinjità umana.

Dwar l-ambjent mibni, il-KA tinnota b’dispjaċir il-bidla mgħaġġla li qed isseħħ fil-fiżjonomija ta’ pajjiżna tant li Malta saret bħal sit kbir ta’ kostruzzjoni. Minkejja l-ħafna diskors dwar sostenibbiltà, jidher li l-impatt ambjentali tal-attività tal-kostruzzjoni mhux qed jingħata l-importanza li jixraqlu. Il-KA tħoss li wasal iż-żmien li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) tkun aktar proattiva fejn jidħol l-ippjanar minflok tqatta’ ħinha kollu tipproċessa talbiet għall-iżvilupp. F’dan l-aspett, l-involviment tal-Kunsilli Lokali u l-konsultazzjoni maċ-ċittadini tal-lokalità huma indispensabbli.

Żvilupp veru jmur lil hinn mill-qligħ finanzjaru, u għandu jiżgura l-kwalità tal-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna. Żviluppatur serju jimpenja ruħu sabiex jitkattar il-ġid komuni u għalhekk, fost kollox, jiżgura li l-ħaddiema tiegħu jiġu trattati b’dinjità. Il-KA tinnota li fid-dawl ta’ dak li jgħid il-Papa Franġisku dwar ix-xogħol, jistonaw ħafna l-oġġezzjonijiet li qamu f’pajjiżna mis-settur kummerċjali kontra ż-żieda tal-paga minima, il-leave tal-maternità, l-impjieg ta’ persuni b’diżabiltà u t-tnaqqir tas-sick leave.

Il-KA ma taqbel xejn ma’ min ikejjel l-iżvilupp ta’ pajjiżna minn kemm dan qed jirnexxilu jinbidel biex isir jixbaħ pajjiżi oħrajn, bil-periklu li kull mezz biex nilħqu dan il-għan isir ġustifikabbli, saħansitra t-tkasbir tad-dinjità tal-persuna. Dan minflok inżommu mal-valuri tagħna, u jkollna l-kuraġġ li ngħidu le għall-isfruttar tal-persuni, kemm fuq livell lokali u anke internazzjonali.

Il-KA temmen li Malta għandha tibqa’ tgħożż u tħares dawk il-valuri li minn dejjem ikkaratterizzawha. Il-gvernijiet lokali, nazzjonali, reġjonali u globali għandhom ikunu t-tarka li tipproteġi lil min hu vulnerabbli, speċjalment lil dawk li minħabba l-qagħda soċjali, fiżika u psikoloġika tagħhom ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom.

Ara l-Position Paper kollha … POSITION PAPER – RISPETT LEJN IL-HAJJA

Synopsis of Position Paper, Respect for Life, English Version … SYNOPSIS RESPECT FOR LIFE

Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: