Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tas-Sibt, 14 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tas-Sibt, 14 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 11, 27-28

Kemm hu faċli kif tkun bilqiegħda quddiem computer jew bil-mobile f’idejk u taqra xi ħaġa li tolqtok jew togħġbok (u kultant anke jekk le) iċċaqlaq kemm kemm subgħajk u tgħafas like. Kemm hu faċli tisma’ lil xi ħadd jitkellem u dak li tisma’ jmisslek qalbek u lil min tkellem tgħidlu ‘prosit’. Faċli ħafna imma donnu kollox jieqaf hemm.

Din il-mara għamlet like kbira lil Ġesù u żiedet ħafna smilies u għamlitha share ukoll għax dak li ħasset qalitu quddiem kulħadd bla mistħija ta’ xejn. Ammiratu, probabilment għax kienet omm hi ukoll, kienet żgura mill-hena li ġarrbet dik li ġabitu fid-dinja. Min jaf x’kellha bih! Din il-mara għaddiet mill-esperjenza ta’ Pietru meta pprova jikkonvinċi lil Ġesù li dak li kien qe djgħid kien ħmerija; għaddiet mill-esperjenza tiegħi u tiegħek meta nirriduċu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla għal-livell uman biss, qoxra li malli titqatta jew tiċċarrat turi rejaltà li mhux dejjem tispjegaha b’mod uman, bir-raġuni tal-bniedem, bil-loġika tal-folla.

Ġesù jweġibha. U aħna nitkażaw, għax il-loġika tagħna torbot il-kliem ta’ Ġesù maċ-ċaħda tal-hena li ġġib kull maternità, aħseb u ara dik ta’ ommu. Imma aħna nafu l-istorja sewwa. Aħna nafu li dak li qalet dik il-mara huwa minnu iżda nafu wkoll li minnu huwa dak li qed jgħid Ġesù dwar ommu.

Aħna nafu li ommu m’għamlitx like u baqgħet għaddejja kif kienet qabel. Il-like ta’ Marija saret ir-rejaltà ta’ ħajjitha, tant li meta ġiet mitluba tara l-maternità tagħha ddub fix-xejn taħt is-salib ta’ binha, baqgħet hemm. Hemmhekk għaddiet mill-hena tal-maternità għall-hena tal-milja tat-twettiq tal-Kelma ta’ Alla. Hemmhekk il-maternità tagħha saret esperjenza profonda ta’ għaqda sħiħa ma’ dak li Alla sejħilha għalih. Ġesù darba qal li qatt ma kien waħdu għax dejjem għamel dak li ried il-Missier, l-għaqda tal-fehma u r-rieda ma’ dak li jifhem u jrid Alla, żżommna dejjem miegħu u ma’ xulxin.

Marija taħt is-salib tgħaddi minn din l-esperjenza u għalhekk Ġesù jafdaha b’omm Ġwanni (u fi Ġwanni aħna nissugraw naraw lilna lkoll f’kull żmien); il-fehma u r-rieda ma baqgħux tagħha iżda għamlet tagħha dawk tal-missier. Jekk taħt is-salib ġarrbet in-niket minħabba l-mewt tal-għajn tal-hena tagħha bħala omm, ġarrbet ħafna iżjed l-hena ikbar tat-twettiq ta’ dak li Alla jrid.

Il-kelma ta’ Ġesù togħġobna u tqanqalna. Ngħiduha kif inhi, ma tistax ikollha effett ieħor; wara kollox, jekk tagħsarha, kullma ssib huwa messaġġ wieħed: ħobb lil Alla u ħobb lill-proxxmu. Iżda bl-għoġba u t-tqanqil ma naslu mkien. L-ewwel ma tiekol il-għajn, ngħidu aħna. Iżda li kieku m’għandniex ħalq biex nieklu, kulħadd mejjet bil-ġuħ. Li kieku aħna lkoll li mmorru l-quddies nhar ta’ Ħadd, jew aħna li nagħmlu like jirnexxilna nibdlu għall-aħjar imqar ħaġa żgħira kull ġimgħa, id-dinja tkun diġa ħafna differenti.

Jekk illum tolqtok xi ħaġa jew tħoss li Alla qed jerfak biex tagħmel pass, toqgħodx tgħidlu ‘prosit’ tal-ideja tajba li ġietu, qum u dak il-pass aqbad u għamlu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: