Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tal-Ħadd, 22 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 22, 15-21

Maħduma bizzilla. Hekk ħasbu u hekk riedu u hekk għamlu. Kemm hu sabiħ il-ftehim! Kemm hu ikraħ il-ftehim meta l-ħsieb warjah ikun li tonsob jew tqarraq. Fthiemu l-għedewwa biex jonsbu u jkollhom fuq xhiex jixlu lil min kien ikbar minnhom. Kellu raġun meta qal li ulied id-dlam, ma min hu tal-qatgħa tagħhom huma iktar għaqlin minn ulied id-dawl. Jafu li fl-għaqda hemm is-saħħa imma nsew li l-għaqda tal-qattiela twassal għall-mewt tagħhom stess, għax min joqtol bis-sejf, bis-sejf imut.

Mhux l-għaqda biss, mhux il-ftehim biss. Il-kliem sabiħ, il-lagħqiżmu u l-adulazzjoni normalment dejjem jaħdmu għax kulħadd jieħu gost ikun imfaħħar u gglorifikat. Mgħallem aħna tassew nammirawk, aħna fans tiegħek, aħna ħbieb tiegħek. Il-ħażen tal-bniedem malizzjuż magħqud ma’ ħażen ta’ oħrajn bħalu, malli tagħraf x’inhu tassew, ikexkxek. Imma sakemm tinduna bih huwa nasba tal-biża’, li ħafna, kellhom raġun jaħsbu hekk il-fariżej, normali jaqgħu fiha u jħallu lil min joħdilhom dak kollu li huwa l-iktar għażiż għalihom. Persuna li tieħu gost b’min ifaħħar dehritha biex jifridha minn dawk li dejjem ħabbet u għożżot. Perusna li toghxa meta xi ħadd jgħidilha li l-opinjoni tagħha, anke jekk hija l-iktar stupida, hija tajba u mportanti, biex iwassalha tisserdaq u tkun arroganti fuq kulħadd, u tispiċċa biex ħadd ma jissaportiha. Il-qerq sottili li jeqrdina jekk ma nindunawx bih.

Iżżda Ġesù la kien, u laqnas qatt ma pprova jkun ‘normali’. Qatt ma fittex li joqgħod sew f’dak li kulħadd jaġseb li hi n-normalità. Għalih il-verità li ġejja minn Alla u mnissla fl-imħabba tiegħu hija n-‘normalità’ u għalhekk kien għadma iebsa. Min ma jkunx faċli jsib ruħu mmexmex minn kulħadd. Imma Ġesù ma kienx. Ġesù għandu l-ħila jara lil hinn mill-ewwel wiċċ li jsib quddiemu u jara t-tieni wieħed moħbi warajh. Għalhekk jinduna bl-ipokrisija ta’ min jipprova jilgħaqu biex jonsbu.

Id-dinar kien munita tal-fidda li l-evanġelista kien jaf sew x’inhi. Kien jiġbor it-taxxi u kien jistenna li kulħadd kellu jħallas din il-paga ta’ ġurnata lill-imperatur. Fuq il-munita kien hemm wiċċ Tiberju, l-imperatur dak iż-żmien u la fuqha kien hemm wiċċu jfisser li l-munita kienet tiegħu. Jużaha għand min qiegħeda imma hija proprjetà tiegħu. It-taxxa, għal min iħallasha kienet tfisser (bħal ma xi ftit jew wisq tfisser għalina llum) li kullħadd kellu jaħdem ġurnata għall-imperatur (li għal-Lhud kien il-ħakkiem barrani); tagħti lill-imperatur ġurnata minn ħajtek, kull tant żmien, turih li inti tiegħu.

Il-kliem ta’ Ġesù, użat u abbużat minn min ried u għadu jrid il-firda bejn il-bniedem u ruħu u hekk joqtol fih kull kuxjenza bejn tajjeb u ħażin, bejn dak li hu ġust u dak li hu abużiv, għandu tifsira ħafna iktar fonda minn dak li jidher fil-wiċċ. Agħti lura dak li ġejt mogħti. Rodd lil Ċesari dakli hu tiegħu u lil Alla dak li hu tiegħu. Il-problmea l-kbira tal-lhud ma kienx il-valur tal-munita fiha nnifisha imma dak li kienet tfisser; la int obbligat tagħti dik il-munita barranija lill-proprjetarju tagħha, għalihom kien ifisser li huma tiegħu, li jiddependu minnu. Ġesù laqat il-musmar fuq rasu. Iktar milli tweġiba Ġesù għamlilhom mistoqsija diretta lejn qalbhom. Int ta’ min int? Ta’ Ċesari jew ta’ Alla. X’tagħmel? Dak li jrid bniedem bħalek li jiddandan bis-setgħa tiegħu fuqek jew dak li jrid Alla li mgħandu xejn fi ħseibu ħlief il-ġid tiegħek?

Aħan llum niftaħru biċ-ċiviltà tagħna mibnija fuq libertajiet u drittijiet mogħtija lilna minn xulxin. Inħossuna kburin li nippermettu lil xulxin ikollna libertajiet u drittijiet. Nogħxew inpenġu lil Alla bħala dak li jiċħad kull libertà u kull dritt, kompetitur tal-bniedem. I-tentazzjoni originali tas-serp. Ma jridkomx tieklu minnha biex ma tkunux bħalu, ara jien, irridkom tieklu minnha, biex tkunu bħali. Kemm hi tentazzjoni kiefra li tifred lill-missier mill-iben, lil min hu maħbub minn min iħobbu.

Ir-riżulatat nafu x’inhu? Biex inwieġbu din il-mistoqsija mhux barra minna rridu nħarsu iżda fil-qalba tagħna nfusna. Jien ta’ min jien? Ta’ Alla li jħobbni jew ta’ bnedmin (inkluż jiena stess) kapriċċużi, mikluba għas-setgħa, immexxija mil-ġibdiet, l-interessi, l-aptiti u l-burdati tagħhom? Ta’ min nagħti kas? Ta’ Alla li jħeġġiġni nħobb lili nnifsi u lill-oħrajn bl-istess kejl, jew ta’ min jirnexxilu, bl-għotja taċ-ċejċa, jifridni mill-oħġrajn, inissel fija antipatija u kultant mibgħeda għax jagħtini l-impressjoni li ħajti hija tiegħi u nista’ nagħmel biha li rrid u li jfettili (u ovvjament ħaddieħor jagħmel l-istess)?

L-Evanġelju tallum m’hux soluzzjoni għal mistoqsija trabokk imma stedina biex naħsbu b’moħħna u nagħrblu lilna nfusna dwar min tassew aħna u kif tassew sirna; mhux biex naraw jekk hux qed naqdu dmirna lejn wieħed jew lejn ieħor (għax id-dmir huwa meħtieġ fejn l-imħabba ma hemmx) iżda biex nagħrfu dak li Alla tana u lil min qed nagħtuh lura b’lejaltà u bl-istess kejl. Ma’ min int? Ma’ min iqarraq bik u jgħidlek li jagħtik dak li hu diġa tiegħek jew ma’ min jagħtik kollox biex tkun miegħu?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s