Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Għal Knisja Mġedda

Għal Knisja Mġedda


Is-Sibt 4 ta’ Novembru 2017. Messaġġ lis-seminaristi mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech,Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

Meta llum qegħdin irroddu ħajr lil Alla għall-preżenza tas-Seminarju Maġġuri fid-Djoċesi tagħna matul dawn il-151 sena, fid-dawl tal-Vanġelu li għadna kif qrajna (Lq 23:1-12), nixtieq noffri żewġ riflessjonijiet għall-formazzjoni ta’ dawk li nittamaw li għada għad ikunu saċerdoti ta’ Kristu fil-Knisja.

Fil-parabbola Ġesù jgħidilna biex meta mmorru f’xi festa ta’ tieġ ma nfittxux jew “nieħdu” l-post aħna, imma nħallu lil min ikun stedinna biex isibilna postna. Dan jgħodd għalina bħala presbiteri, għax ma aħniex ħielsa mit-tentazzjoni li fil-ministeru tagħna aħna nimmiraw li nilħqu “post” jew li nokkupaw xi “siġġu” partikulari. Il-karririżmu u l-arriviżmu huma marda komuni fostna l-isqfijiet u s-saċerdoti. Xi drabi wieħed tant ikun determinat li “jilħaq” post, illi jaf jidħol fi kriżi jekk għal xi raġuni jew oħra dan ma jaqtax xewqtu. F’dan il-kuntest spiss jiġri li jekk wieħed ma jiksibx l-uffiċċju jew il-mandat li jkun joħlom, wieħed jibqa’ deluż kemm pastoralment u kemm spiritwalment. Agħar minn hekk, meta wieħed jiġi assenjat ħidma li ma tkunx skont l-iskemi pastorali tiegħu jew ma tkunx tissodisfa l-ambizzjoni tiegħu, dan jibqa’ ma jsibx postu b’detriment għall-istess komunità li tkun ġiet fdata lilu. Atteġġjamenti ta’ din l-għamla huma perikolużi, għaliex il-ministeru nkunu ninqdew bih biex naħkmu u mhux biex naqdu.

Għalhekk, aħna s-saċerdoti għandna bżonn inkunu dejjem disponibbli biex nagħmlu dak li l-Knisja tkun teħtieġ. Mhux il-Knisja hija għalina, imma aħna għall-Knisja. L-ubbidjenza li aħna nwegħdu solennement dakinhar tal-Ordinazzjoni Saċerdotali tiġbor fiha din l-offerta tagħna nfusna.

4.11Meta fl-istess parabbola Ġesù jgħidilna biex infittxu l-postijiet tal-aħħar, nifhem li qed jindikalna prinċipju ta’ pastorali operattiva. Hu qed jgħidilna li bħala presbiteri għandna nkunu attenti għal dawk il-persuni li huma fuq wara nett. Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna b’dawk tal-qalba jew b’dawk li jersqu ’l quddiem. Hemm oħrajn li għal xi raġuni jew oħra jintefgħu fuq wara – ma għandhomx il-wiċċ jersqu jew għandhom xi raġuni li tixħithom lura. Aħna rridu navviċinaw lil dawk li ma javviċinawniex. Jien nixtieq li bħala saċerdoti nkunu aktar qrib il-foqra – kemm dawk li huma foqra materjalment u kemm dawk li huma foqra spiritwalment.

Imbagħad dan jgħodd ukoll għalina bħala Knisja fi proċess ta’ “konverżjoni pastorali”. F’pajjiżna l-istituzzjoni tal-Knisja għadha wisq tiġi identifikata mal-poter ċivili tant li għadna npoġġu (u jpoġġuna) fuq is-siġġijiet ħomor li jkun hemm quddiem nett. Ma nagħmlux ħażin jekk nirrinunzjaw għal ċerti privileġġi “mondani” li lill-Knisja tawhomlha fi żminijiet assolutament differenti minn tal-lum – fi żminijiet fejn l-istess Knisja ma kellhiex l-għarfien tagħha nfisha kif għandha llum! Ngħidu aħna, jien illum inħoss li mhux posti nattendi ikliet statali organizzati mill-Istat. Qed ngħid dan mhux b’diżrispett lejn l-ogħla awtoritajiet ċivili, imma b’għażla biex il-ministeru tal-Isqof ma jibqax jiġi assoċjat ma’ ċerti “salotti” jew “ċrieki” tal-poter. Naf li għażliet bħal din mhux ser jinżlu lil kulħadd, anki fl-ambjenti ekkleżjastiċi, imma dawn ma humiex għażliet politiċi jew soċjali imma evanġeliċi; huma għażliet meħtieġa biex il-Knisja tiġġedded.

Qed nagħmel din ir-riflessjoni minn qalbi. Huwa l-piż tat-tmexxija li għandi bħala Isqof ta’ din il-Knisja li jimbuttani nkellemkom hekk. Nittama li dawn il-ftit ħsibijiet mhux biss jgħinukom tkomplu tiffurmaw il-qalb saċerdotali tagħkom, imma wkoll biex taqsmu miegħi din il-viżjoni li għandi għall-Knisja lokali.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: