Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 9 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Ħamis, 9 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ġw 2:13-23

Dak li hu sakru jiġi pprofanat. Dak li hu tajjeb jintuża għall-ħażin. Il-bniedem, maħluq biex iħobb, isir għajn u bexxiexa tal-mibgħeda. Mhux twarrib tat-tajjeb u l-qaddis iżda tħażżin ta’ kull ma jerfa’ ’il fuq lill-bniedem. Dan hu li jasal għalih il-bniedem meta jagħmel minn kollox u ma jieqaf quddiem xejn u quddiem ħadd, lanqas quddiem Alla nnifsu biex iħaxxen butu u jibni l-imħażen għall-ġid li jikseb u li mingħalih se jżommu fuq saqajh għal dejjem.

It-tempju mhux biss ġie pprofanat imma abbużat biex issir il-ħsara lil min kien għadu jemmen f’Alla li jħenn u jagħder. In-negozju fit-tempju ma kienx postu iktar u iktar negozju abusiv li juża l-liġi biex jisloħ kemm jiflaħ minn min ma jiflaħx; il-liġi maħluqa f’isem Alla ssir għodda kif iżżeblaħ lil Alla fl-għeżeż ħolqien tiegħu u l-iktar dgħajfin fosthom.

Mall-bitħa tat-tempju kien hemm marbut xibka sħiħa ta’ abbużi. L-awtoritajiet tat-tempju kienu jixxaħħmu biex is-sarrafa u l-bejjiegħa setgħu jagħmlu qliegħ fenomenali. Flus barranin ma setgħux jidħli ’l ġewwa mill-bitħa tat-tempju, allura kien hemm bżonn is-sarrafa. Iżda dawn is-sarrafa kienu jieħdu interessi ħafna iktar milli suppost fuq il-flus li jsarrfu. L-annimali li kienu jiġu ssagrifikati fit-tempju kellhom ikunu ‘safja’ u ‘bla tebgħa’. Minn barra l-bitħa tat-tempju dawn setgħu ninxtraw bi prezz iżda minn ġewwa kienu jinbiegħu ħafna u ħafna għola. Fil-bibien kien hemm nies li jaraw jekk l-annimali kienux adatti għas-sagrifiċċju u rari kienu jħallu li xi ħadd jidħol b’annimal mixtri minn barra. Il-bitħa tat-tempju ma saritx suq, iżda bejta tal-korruzzjoni, li minnha min kellu kien jistagħna b’iżje du min kellu ftit jinstelaħlu kull ma kellu biex iħaxxen il-bwietta’ min diġa kien fgat fil-ġid.

Ġesù ma jikkundannax biss in-negozju likien isir, jew is-servizz li kien jingħata, imma jikkundanna bl-iktar mod aħrax il-qerq u l-abbuż tas-sistema, iktar u iktar meta donnu kulħadd kien jaf x’qed jiġri imma kulħadd kien iħossu bla ħila jitkellem biex is-sistema tkun tassew ġusta u ta’ servizz. It-tempju kien l-ewwel post li kull lhudi, inkluż Ġesù nnifsu, kien iżur kif jidħol Ġerusalemm. Kien imur hemm biex isellem il-preżenza ta’ Alla fost il-bnedmin, biex igawdi mill-ħniena tiegħu u jroddlu ħajr. Iżda dawk responsabbli, kienu bidlu l-post minn fejn ittiegħem il-ħniena ta’ Alla f’post minn fejn tassew ikollok bżonnha.

Il-bniedem li jibdel kollox, anke l-ikbar ħtieġa tal-bniedem fl-aqwa miżerja tiegħu, f’mezz ta’ qliegħ ta’ flus. Il-bniedem li jsir ikejjel il-livell tad-dinjità tal-ħajja fl-akkwist tal-ġid tal-ftit minn fuq dahar il-ħafna. Id-dinja kollha, li ġarrbet daqqiet kbar kull darba li bniet is-sigurtà tagħha fuq il-flus u l-ġid, terġa’ u terġa’ ma titgħallem qatt mill-iżbalji diżastrużi li ġġib magħha r-rebgħa, u terġa tibni s-sisien tagħha fuq mezzi qarrieqa li joħolqu nġustizzji fit-tqassim tal-ġid, li hu ta’ kulħadd.

Ġesù jisfida lill-awtoritajiet tat-tempju. Jisfidahom biex iħottu t-tempju tal-ġisem tiegħu u hu jerġa jibnih fi tlitt ijiem. Għal darb’oħra Ġesù jagħti prominenza kbira lil bniedem, li hu jsieħeb miegħu fil-qawmien mill-imwiet ladarba jmut miegħu fil-magħmudija, billi jorbot ir-rispett lejn it-tempju, id-dar ta’ Alla mall-bniedem fil-bżonn ta’ Alla, il-bnedem li judr lejn Alla biex iroddlu ħajr u jitolbu jħenn għalih u jgħadru.

Il-qerq u l-abbuż li seħħ fit-tempju u dak li jseħħ illum fi żmienna huwa offiża diretta lejn l-ewwel u l-aqwa kmandament: ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bil-qawwa tiegħek kollha u lill-proxxmu tiegħek bħala innifsek.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: