Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Is-suċċess ma jitkejjilx mill-ġid materjali imma minn servizz għall-proxxmu

Is-suċċess ma jitkejjilx mill-ġid materjali imma minn servizz għall-proxxmu


Il-Ħamis, 9 ta’ Novembru 2017: L-Arċisqof J. Scicluna f’Quddiesa ta’ ringrazzjament għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta.

 

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Fid-9 ta’ Novembru ta’ kull sena, aħna l-Kattoliċi nfakkru d-dedikazzjoni tal-ewwel knisja f’Ruma, il-katidral tal-Papa, il-Bażilika ta’ San Ġwann fiż-żona msejħa tal-Lateran, San Giovanni in Laterano.

Ħafna drabi meta naħsbu fil-knejjes kbar ta’ Ruma, il-ħsieb tagħna jmur mill-ewwel fil-Bażilika ta’ San Pietru, mibnija fuq il-qabar tal-appostlu sajjied. Imma l-kattedra tal-Isqof ta’ Ruma, tal-Papa, hija propju f’din il-knisja: San Giovanni in Laterano. U aħna l-Kattoliċi flimkien mal-Knisja f’Ruma niċċelebraw dan l-anniversarju bħala sinjal ukoll tal-adeżjoni tagħna, tal-għaqda tagħna mal-Isqof ta’ Ruma mal-kattedra tiegħu, mat-tagħlim tiegħu.

Il-liturġija tal-lum allura hija l-liturġija ta’ din il-festa tad-9 ta’ Novembru u t-tema prinċipali hija t-tema tat-tempju. Dawk li qed jiggrawdaw mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni japprezzaw li qegħdin jirringrazzjaw lill-Mulej propju meta aħna l-Insara qegħdin infakkru binja kbira impressjonanti f’Ruma, imma fl-istess ħin qegħdin ukoll nitolbu t-talb f’dan it-tempju tal-ġenju ta’ Ġlormu Cassar u tal-munifiċenza tal-Kavallieri ta’ Malta.

M’aħniex qegħdin hawn bħala individwi imma qegħdin ukoll bħala komunità akkademika li qed tirringrazzja lil Alla tas-suċċess akkademiku tagħkom.

Imma qegħdin f’din il-binja miġburin bħala assemblea ta’ Alla. Fit-talba tal-bidu tal-quddiesa rringrazzjajna lill-Mulej li jlaqqagħna u jsejħilna knisja, assemblea (kolletta). Hija kelma antika ħafna li tintuża’ biex tesprimi l-fatt li aħna msejħin mit-trufijiet tad-dinja, tal-villaġġi u l-irħula u l-ibliet tagħna u qegħdin hawnhekk bħala Knisja.

Fl-Ebrajk il-kelma ‘knesset’ għandha l-istess għerq u anke l-Libanu ‘kenisja’. Aħna ħallejna dan l-għerq fil-verb ‘tiknes’ imma l-Knisja mhijiex biss knis, għandha dinjità ħafna ikbar. Imma hemm dik l-idea li inti tiġbor ħafna frak u tagħmlu flimkien. U aħna b’xi mod individwi, bħalma qal ir-rappreżentant tagħkom, m’aħniex qegħdin hawn bħala individwi imma qegħdin ukoll bħala komunità, bħala komunità akkademika li qed tirringrazzja lil Alla tas-suċċess akkademiku tagħkom, ta’ dan il-proċess ta’ maturazzjoni u bidu ġdid.

Il-kelma ta’ Alla, hi u tipprova tgħarbel il-kunċett ta’ bini, tfakkarna l-ewwel nett f’dan il-ġest qawwi li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann huwa propju fit-tieni kapitlu, fil-bidu nett. Huwa l-ewwel Għid ta’ Ġesù. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jirrakkonta tliet festi tal-Għid, l-aħħar waħda hija dik li fiha l-Mulej isir l-ħaruf tal-Għid, jiġi ssagrifikat u maqtul fil-jum tat-tħejjija.

Imma f’dan l-ewwel Għid jagħmel ġest qawwi ta’ purifikazzjoni u naraw lil Ġesù, bl-ebda mod tant ħelu kif ħafna drabi għandna l-karikatura tiegħu, imma Ġesù qawwi, determinat, u b’saħħtu li jagħmel sawt mill-ħbula u jkeċċi mit-tempju n-nagħaġ, il-barrin, il-flus, is-sarrafa tal-flus, l-imwejjed tagħhom jaqlibhom. Huma ġesti li San Ġwann jiddeskrivi f’dettall biex anke jurina kemm kien irrabjat Ġesù. U r-rabja tiegħu tinġabar f’dak li jgħid. “Warrbu dawn minn hawn u dar Missieri tagħmluhiex suq.” (Ġw 2, 16)

Naf li qed jiggradwaw diversi minnkom li qattgħu dawn l-aħħar snin jiddiskutu l-liġijiet ta’ demand and supply tal-ekonomija u r-regoli tal-accountancy li għandna bżonnhom ħafna u allura żgur li Ġesù mhux qed jeħodha kontra l-kategorija, imma qed jilmenta dwar il-fatt li d-dar ta’Alla, jikkwota wkoll il-profezija “saret agħar tal-ħallelin”. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jitkellem dwar suq fejn inti tmur u tagħti xi ħaġa u tippretendi xi ħaġa lura. Id-dar ta’ Alla saret espressjoni ta’ reliġjon li hija kważi kuntratt ta’ do ut des, facio ut faciat. U jilmenta Ġesù. Aħna ħafna drabi meta nitolbu ġeneralment inwiegħdu xi ħaġa. Ġesù tirritah, dan l-atteġġjament jirritah għaliex ir-reliġjon mhijiex kwistjoni ta’ suq, mhijiex kwistjoni ta’ ‘ejja nagħmel kuntratt mad-Divin biex kollox jiġini sew’. L-ikel tiegħu kien li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. U r-rieda ta’ Missieru mhijiex dejjem kienet favorih. Hu u jagonizza qabel il-passjoni tiegħu, Ġesù għandu l-espresjoni qawwija u jgħid: “Jekk jista jkun jgħaddi minni dan il-kalċi. Imma mhux li rrid jien, li trid inti.” (Lq 42, 22)

Qatt tħallu r-regħba tieħu pussess tal-qalb tagħkom.

Żgur li Ġesù għandu atteġġjament polemiku għall-qalb tal-bniedem li hi maħkuma mir-regħba għall-flus u l-messaġġ li nħoss li l-kelma ta’Alla qed tgħidilna llum u li nixtieq ngħaddi lilkom, huwa li tagħmlu kemm tagħmlu ġid għalikom infuskom u nawguralkom li jkollkom il-ħobża ta’ kuljum bl-iskills u x-xogħol tagħkom, qatt tħallu r-regħba tieħu pussess tal-qalb tagħkom. Is-suċċess tagħkom ma jitkejjilx minn kemm se jkollkom ġid materjali imma minn kemm ħajjitkom se tkun ta’ servizz għall-proxxmu u għall-komunità. Dak huwa l-veru kriterju tas-suċċess. U għalhekk Ġesù waqt li qiegħed inaddaf it-tempju ta’ Ġerusalemm li kien għadu relattivament ġdid u li sfortunatament kellu mbagħad jiġi distrutt ftit tas-snin wara, totalment distrutt, waqt li qed jippurifika t-tempju ta’ Ġerusalemm, hemm ħerqa kbira li hu jippurifika l-qalb tagħna minn kull tiċlis u tiċpis tar-regħba.

Jiena nawguralkom ħafna intom u ttemmu b’suċċess l-istudji tagħkom. Nixtieq nirringrazzja, għalkemm mhumiex hawn, in absentia, lill-ġenituri tagħkom, lill-qrabatkom, lill-familji tagħkom, lill-għeżież tagħkom li ssapportjawkom f’din l-avventura. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Università ta’ Malta rrappreżentata mir-Rettur, mill-Pro-Retturi, mil-lecturers, mill-professuri. Aħna nixtiequ nirringrazjaw lil Alla tal-Università u nawgurawlha futur ta’ libertà fir-riċerka, futur ta’ impenn għall-ġid komuni tas-soċjetà.

Jekk kull wieħed u waħda minna naħdmu għall-ġid komuni, inkunu qegħdin niggwadanjaw anke personalment u individwalment.

Kelli okkażjoni f’mumenti oħrajn nawgura li qatt ma ssir a glorified training college imma tibqa’ ambjent fejn l-istudenti jaddottaw kapaċità essenzjali għall-pajjiż: il-moħħ kritiku, il-moħħ li jagħraf, li jgħarbel u jagħżel. Jalla intom li issa se tidħlu fil-professjonijiet rispettivi tagħkom tkomplu dan l-atteġġjament kritiku li jgħarbel is-sitwazzjoni li tkunu qegħdin fiha, li jkunu fiha l-pajjiż u tagħmlu l-għażliet li huma tassew għall-ġid komuni. Jekk kull wieħed u waħda minna naħdmu għall-ġid komuni, inkunu qegħdin niggwadanjaw anke personalment u individwalment, imma jekk naħsbu biss fina nfusna u fl-interessi meskini tagħna biss, inkissru lil xulxin.

L-awgurju tiegħi hija li bil-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna nibnu belt li hija l-polis, li hija propju ċ-civitas li hija mibnija fuq il-ġustizzja, fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; ibda mill-ewwel id-dritt tal-ħajja. Qabel il-quddiesa kelli l-pjaċir insellem lil-lecturers, lill-professuri tal-mediċina primum vivere. Qegħdin hemm dawn biex jassiguraw li l-ewwel ngħixu bħalma kienu jgħidu bil-Latin primum vivere in philosophare. Id-don tal-ħajja u l-protezzjoni tal-ħajja sa mill-bidu, sa mill-konċepiment, sat-tmiem naturali tagħha huwa l-presupppost fondamentali biex il-bniedem igawdi d-drittijiet fundamentali l-oħra.

U hekk ukoll jiena u nsellem lil dawk li qegħdin fil-performing arts, f’istituti oħrajn inklużi dawk li ħadu training għall-ġurnaliżmu, inħeġġiġhom biex jieħdu bis-serjetà din il-vokazzjoni li jesprimu l-verità u s-sbuħija, li jfittxuha mingħajr biża’ u jesprimuha bil-kuraġġ. Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom. Nirringrazzjakom talli għażiltu tiġu hawnhekk biex tirringrazzjaw lil Alla u nwegħedkom mhux biss il-barka tiegħi imma s-sapport tal-Knisja u l-barka personali tar-ragħaj tagħkom.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: