Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Aħna l-Insara msejħin biex niddefendu l-kultura tal-verità u tal-ħajja

Aħna l-Insara msejħin biex niddefendu l-kultura tal-verità u tal-ħajja


Il-Ħadd, 26 ta’ Novembru 2017: L-Arċisqof waqt iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana fil-festa ta’ Kristu Re 2017.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera

Fil-festa ta’ Kristu Re, aħna u nispiċċaw iċ-ċiklu ta’ laqgħat flimkien meta nfakkru ta’ kull nhar ta’ Ħadd u ta’ kuljum il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù f’din l-aħħar ġimgħa taċ-ċiklu ta’ laqgħat u ta’ talb u ta’ tifħir li aħna nsejħulu s-sena liturġika, il-ħsieb tagħna l-Insara jmur fit-tmiem taż-żminijiet, fil-milja taż-żminijiet meta l-Mulej Ġesù, l-Iben il-waħdieni tal-Missier, qassis għal dejjem u sultan tal-ħolqien kollu, itemm il-misteru tal-fidwa tal-bnedmin. U wara li jkun ġab il-ħlejjaq kollha taħt il-ħakma tiegħu jagħti lill-Missier is-saltna fuq kollox u għal dejjem, saltna ta’ verità u ħajja, saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem.

Aħna u nsellmu lill-Mulej Ġesù taħt it-titlu ta’ Kristu Re jew Sultan tal-ħolqien kollu, qegħdin infakkru dan il-mument li għad irid iseħħ imma li fl-istess ħin diġà beda. Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, fil-qalb ta’ kull komunità Nisranija matul is-sekli, il-Mulej qiegħed iwettaq is-saltna. Wara kollox meta għallimna nitolbu, għallimna nitolbu hekk: “Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek” (Mt 6, 9-10). Din hija t-talba li għallimna hu, it-talba li tagħti togħma, direzzjoni u tifsira lill-eżistenza tagħna bħala Nsara. Bil-qalb tagħna, kull nifs tagħna, aħna rridu ngħidu ‘tiġi saltnatek’ għaliex nafu li s-saltna ta’ Alla hija saltna li lilna mhux biss tagħmlilna ġieħ imma hija l-garanzija tad-dinjità tagħna.

Hemm seba’ valuri li jissemmew fuq is-saltna fit-talba sabiħa tal-prefazju li biha bdejt din ir-riflessjoni qasira: verità, ħajja, qdusija u grazzja, ġustizzja, imħabba u sliem. Dawn huma l-valuri li l-Mulej irid itemm u jrid iwassal għall-perfezzjoni biex imbagħad iqegħedhom f’riġlejn il-Missier meta hu jkun ġab il-ħlejjaq kollha taħt il-ħakma tiegħu u jagħti lill-Missier is-saltna fuq kollox u għal dejjem. In-numru 7 fih innifsu jindika l-perfezzjoni, jindika s-sħuħija, jindika l-valur definittiv. Huma valuri li aħna l-Insara msejħin ngħixu u napplikaw fejn qegħdin, fejn il-Mulej bagħtna.

Jiena, bħala l-Isqof ta’ Malta, illum nindirizza lilkom u lil min qiegħed isegwina bil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Aħna l-Insara f’Malta għandna d-dover li nwasslu ’l quddiem is-saltna tal-Mulej billi nħaddnu ta’ kuljum fil-ħajja tagħna, dawn is-seba’ valuri li huma l-valuri tas-saltna.

Il-qdusija hija l-għatx li Alla jkun is-sultan tal-qalb tagħna.

Ħa nibda minn tnejn li donnhom għalina l-bnedmin, minħabba d-dgħufija tagħna, huma l-iżjed tqal, kważi rrraġġunġibbli. Is-saltna ta’ Ġesù hija saltna ta’ qdusija u grazzja. Imma dawn it-tnejn li għalina, bnedmin dgħajfa u midinbin, jinstemgħu mal-ewwel daqqa tal-widna, mhux biss tal-għajn, bħala xi ħaġa li ma nistgħux nilħquha, huma l-qofol tas-seba’ valuri tas-saltna.

Huma, biex ngħidu hekk, iċ-ċavetta biex aħna nkunu nistgħu ngħixu tassew dik it-talba ħerqana tal-Mulej matul ħajjitna kollha: tiġi saltnatek. Il-qdusija tagħna personali li aħna lil Alla nduru lejh bil-kliem ta’ San Ġorġ Preca u ngħidulu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Dak huwa l-pedament tal-qdusija, li inti kreatura tagħraf il-kundizzjoni tiegħek quddiem Alla u tirreżisti għat-tentazzjoni ta’ awtonomija u awtosuffiċjenza li kienet sa mill-bidu: tkunu bħal Alla (ara Ġen 2, 3), m’għandkomx bżonn tobduh. Intom tiddeċiedu min intom. Il-qdusija hija dan il-bżonn radikali li Alla jsaltan. Il-qdusija hija l-għatx li Alla jkun is-sultan tal-qalb tagħna, tas-soċjetà tagħna. B’dan il-għatx, in-Nisrani jitqaddes ta’ kuljum u tant ieħor is-saltna tal-grazzja.

Is-saltna tal-grazzja għalina l-midinbin hija li aħna nduru lejn Alla u bit-talb ta’ San Ġorġ Preca ngħidulu: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”. Dik it-talba sempliċi li San Ġorġ Preca, li siefer għall-ġenna minn din il-parroċċa fl-1962, jgħallimna mhux biss is-sens ta’ gratitudni imma wkoll li aħna midjunin mal-Mulej. Għandna bżonn ta’ kuljum il-maħfra tiegħu. Is-saltna tal-grazzja tkun fil-qalb tagħna u fostna jekk aħna nagħrfu li rċevejna kollox b’xejn u li għandna bżonn il-maħfra tal-Mulej.

Ma jistax ikun li aħna l-Insara nċedu għall-kultura fejn il-verità mhijiex iżjed kriterju tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna jew ta’ governanza.

L-ewwel suġġeriment għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, biex il-valuri tas-saltna li se jkunu fil-milja tagħhom fl-aħħar taż-żminijiet ngħixuhom issa, illum. Ejjew nirriflettu fil-profond is-sinjifikat tat-talba “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”. Imma dan il-bżonn radikali ta’ Alla, dan il-bżonn radikali tal-grazzja u tal-maħfra tiegħu, iridu jkunu wkoll xprun, motivazzjoni, inkoraġġiment biex aħna noħolqu saltna, soċjetà, fejn isaltnu tassew il-verità u l-ħajja, il-ġustizzja, l-imħabba u s-sliem.

Ma jistax ikun li aħna l-Insara nċedu għall-kultura fejn il-verità mhijiex iżjed kriterju tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna jew tal-governanza. Is-saltna ta’ Alla tħaddan il-verità għaliex Ġesù stess huwa l-verità, għaliex Ġesù stess qalilna biex inkunu wlied id-dawl (Ġw 12, 36) u fit-tagħlim tal-Appostlu Missierna, il-frott tad-dawl huwa t-tjubija, il-ġustizzja u l-verità (Ef 5, 9). Min mhuwiex mal-verità huwa mal-gidba u nafu min hu missier il-gideb: ix-xitan huwa missier il-gideb. Mela kultura li tiddisprezza l-verità, il-verità fuq il-bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla raġel u mara, li tiddisprezza l-liġi li poġġa Alla, liġi ta’ verità fil-ħolqien, li mara tissejjaħ mara u raġel jissejjaħ raġel, li l-ulied jitwieldu minn rabta dejjiema bejn raġel wieħed u mara waħda, u mhux billi nixtru ż-żerriegħa minn hawn u l-bajda minn xi mkien ieħor. Il-verità fuq il-ħajja ta’ bejnietna trid tkun ħajja ta’ rispett lejn il-prinċipju ta’ kontabbilità u ta’ trasparenza fil-governanza.

Aħna l-Insara ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm għażla bejn tarbija u oħra. Aħna ma naċċettawx bħala kriterju ta’ dritt fundamentali l-imsejjaħ ‘dritt’ li tagħżel jekk tarbija fil-ġuf għandhiex tinqatel jew le.

Aħna l-Insara msejħin biex niġġieldu għall-kultura tal-verità imma l-ewwel nett ngħixuha aħna personalment, anke fil-Knisja, għax kull kelma li qiegħed ngħid hija ġebla ta’ ġudizzju fuqi u fuq il-Knisja. Aħna ma nistgħux nibnu s-saltna t’Alla billi nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor li forsi s-saltna t’Alla nesieha jew ma jimpurtahx minnha għax għandu prijoritajiet oħra u kriterji oħra. Imma l-kriterji tas-saltna l-ewwel jixprunaw u l-ewwel li jiġġudikaw huwa lilna u aħna nissottomettu ruħna b’umiltà lejn il-verità tal-ġudiżżju ta’ Alla li ma jħares lejn l-ebda wiċċ u hija verità għal kulħadd.

Is-saltna hija saltna ta’ ħajja. Aħna l-Insara ma nistgħux ma niddefendux il-kultura tal-ħajja. Ħalli nkun ċar: aħna l-Insara ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm għażla bejn tarbija u oħra. Aħna ma naċċettawx bħala kriterju ta’ dritt fundamentali l-imsejjaħ ‘dritt’ li tagħżel jekk tarbija fil-ġuf għandhiex tinqatel jew le. Aħna wkoll ma nistgħux naċċettaw l-għażla bejn liema pazjent terminali għandu jgħix jew imut. Għax aħna nemmnu li s-saltna tal-ħajja tfisser li l-Mulej hu sid il-ħajja, li hu jġib in-nies fid-dinja permezz tal-imħabba tal-missier u tal-omm u jwassalhom lil hemm mid-dinja bil-mewt meta jsejjaħ hu.

Għalhekk aħna nikkundannaw kull qtil b’mod speċjali l-qtil tal-innoċenti: fil-bidu tal-ħajja, matul il-ħajja u fit-tmiem tal-ħajja. Is-saltna tal-Mulej hija saltna tal-ħajja. Il-ħajja aħna rridu ngħixuha u mhux neqirduha, aħna rridu niddefenduha l-ħajja u mhux nippretendu li hemm dritt li toqtol, b’mod speċjali d-dritt li toqtol lill-innoċenti.

Tista’ taħrab il-ġustizzja ta’ din id-dinja li qatt mhi ġustizzja kompleta, imma l-ġudizzju ta’ Alla ma taħarbux.

Is-saltna tal-Mulej hija saltna ta’ ġustizzja, is-saltna fejn dak kollu li nagħmlu bejnietna u lil xulxin, il-Mulej iqisu magħmul lilu nnifsu. “Jiena kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni […] Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 35-36.40). Il-kriterju tal-ġustizzja huwa l-kriterju tal-ġudizzju. Il-ġudizzju tagħna mhux se jkun kemm tellajna bnadar, kemm sparajna murtali, kemm għamilna purċissjonijiet. Il-ġudizzju tagħna se jkun dak li qalilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. “Dak kollu li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”, kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. U lkoll kemm aħna rridu nagħtu ġudizzju tal-għemil tagħna. Tista’ taħrab il-ġustizzja ta’ din id-dinja li qatt mhi ġustizzja kompleta, imma l-ġudizzju ta’ Alla ma taħarbux.

Is-saltna tal-Mulej hija saltna ta’ mħabba. Aħna lkoll meta nkunu midrubin, meta nkunu ppersegwitati jew inkella injorati, ikollna t-tentazzjoni nirreaġixxu like with like. Imma s-saltna ta’ Ġesù mhijiex is-saltna tat-tpattija, iżda hija s-saltna tal-imħabba. Fuq is-salib hu tana l-eżempju aħħari, definittiv, ta’ vittma innoċenti li bil-mewt tagħha tifdi lill-karnefiċi tagħha, lil min qatilha. “Mulej, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Hu li qal li hu ta’ qalb ħelwa u umli, għallimna l-valur mhux biss tal-umiltà imma tal-manswetudni. Il-manswetudni hija l-kriterju tal-imħabba vera għax l-imħabba vera m’għandhiex partiti, l-imħabba vera ma tħarisx lejn l-uċuħ, l-imħabba vera taħfer lil kulħadd, l-imħabba vera tħaddan lil kulħadd.

U jekk hemm xi ħadd li huwa msejjaħ għal din l-imħabba li tħaddan lil kulħadd hija l-komunità Nisranija, hija l-Knisja, ibda mill-Isqof. L-Isqof, il-qalb tiegħu trid tkun miftuħa beraħ għal kulħadd għaliex is-saltna tal-Imgħallem tiegħi hija saltna ta’ mħabba. U l-imħabba mhijiex kompleta jekk ma tkunx imħabba wkoll tal-għedewwa. Ġesù stess qal: “Jekk inti tħobb lil min iħobbok, x’jiswielek? Mhux il-pagani wkoll jagħmlu hekk? Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet li jtella’ x-xemx fuq it-tajbin u l-ħżiena, iniżżel ix-xita tiegħu fuq it-tajbin u l-ħżiena.”

L-imħabba hija wkoll imħabba li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet li għadhom ma tweldux.

Jalla aħna mhux biss fis-servizz ta’ djakonija li nagħmlu imma fil-qalb tagħna, fil-kliem tagħna, fil-mod kif nużaw is-social media, nibnu kultura ta’ mħabba u mhux kultura tal-mibegħda, kultura tal-odju, tat-tpattija, tal-għira. Aħna l-Insara rridu nibnu kultura fejn kulħadd għandu dritt jitkellem mingħajr ma jinsolenta lil ħadd. Kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu mingħajr ma jikkalunja lil ħadd. Kulħadd għandu dritt jgħix il-ħajja tiegħu billi jkun ta’ servizz għal kulħadd.

Wara kollox l-imħabba hija wkoll imħabba li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet li għadhom ma tweldux. Din hija xi ħaġa li jinsisti fuqha wkoll il-Papa Franġisku. Aħna u nieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jagħmlu impatt, kemm pożittiv u kemm negattiv fuq l-ambjent, fuq il-kultura tagħna, fuq il-liġijiet tagħna, ejjew nieħdu ħsieb ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. L-imħabba Nisranija tant hija wiesgħa, tant hija kbira li tħaddan ukoll il-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna.

U l-aħħar valur minn dawn is-seba’ valuri tas-saltna ta’ Ġesù huwa s-sliem. Il-prinċep tas-sliem, kif sejjaħlu l-profeta Isaija, għandu għatx biex isellem lil kull wieħed u waħda minna bit-tislima tiegħu nhar il-jum qaddis tal-Għid: “Il-paċi magħkom”. Ma setax ikollu tislima aħjar dak li ssallab għalina. Ma setax jagħtina teżor ikbar dak li jrid l-ikbar ġid għall-qalb u r-ruħ tagħna: “Il-paċi magħkom”. Sewwa tgħid l-Iskrittura li min jitlef il-paċi ta’ qalbu jkun tilef kollox. Aħna nsostnu li l-paċi fid-dinja tibda mill-paċi tal-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna nitolbu biex inkunu f’paċi ma’ kulħadd billi wara kollox inħaddmu l-valuri li semmejna għax jekk ikollna nagħqdu l-valuri kollha li semmejna —il-verità, il-ħajja, il-ġustiżżja u l-imħabba— il-frott tagħhom huwa l-paċi bejnietna u fid-dinja. Jalla aħna nkunu komunità li naħdmu għall-kultura tal-paċi bejnietna u fid-dinja.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-gżira tagħna tkun mhux ġenna għall-kriminali, imma port ta’ kenn għal min għandu l-iżjed bżonn.

Il-ħsieb tiegħi llum imur lejn il-Baħar Mediterran, li aħna tikka ċkejkna fiċ-ċentru tiegħu, punt strateġiku, b’vokazzjoni li nkunu oasi ta’ paċi, oasi fejn in-nies jiltaqgħu biex isiru ħbieb mhux għedewwa, oasi fejn in-nies jiġu milqugħa u jingħataw dinjità ormai mitlufa, oasi fejn isaltnu l-valuri tal-familja, tal-ħajja, tal-ġid veru. Kemm tkun ħaġa sabiħa li din il-gżira li waqt maltempata tat port ta’ kenn lil Pawlu l-Appostlu Missierna, tkun port ta’ kenn għal tant nies li qed ifittxu d-dinjità li tilfu. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-gżira tagħna tkun mhux ġenna għall-kriminali, imma port ta’ kenn għal min għandu l-iżjed bżonn. U dan ikun tassew is-sliem u l-paċi li l-Mulej jixtieq iberikna bih.

“Tassew ngħidilkom kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi ”(Mt 25, 40).

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: