Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tas-Sibt, 23 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tas-Sibt, 23 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 1, 57-66

Għalkemm il-bidu ta’ din it-tqala seħħ b’ġrajjiet straordinarji, it-tqala fiha nnifisha tkompliet ntemmet bit-twelid bl-iktar mod ordinarju.

It-tifel twieled u ommu nħelset. It-twelid minn din il-mara li ma setax ikollha tfal qanqal għaġeb u fih raw l-id ta’ Alla taħdem bi ħniena magħha. Ingħaqdu flimkien u ferħu flimkien. Il-ferħ, jiġġarrab fl-aqwa tiegħu meta jingħax flimkien, jirdoppja jikber; donnu m’hemmx ferħ jekk ma jkun esperjenza ta’ bosta flimkien; meta l-ferħ ikun ta’ ħafna flimkien jilħaq l-aqwa tiegħu.

Il-liġi kienet tgħid li l-mara tibqa mniġġsa wara t-twelid għal sebagħt ijiem u magħha tkun imniġġsa t-tarbija li l-ħin kollu tmiss magħha. Sa ċertu punt dawk li marru jifirħu magħha jidher li tniġġsu huma wkoll meta marru jifirħu magħha, imma marru xorta, għax il-ħniena li wera Alla ma’ din il-mara u l-ferħ li ġabet magħha, huma ikbar mil-liġi, aqwa minnha. Iċ-ċirkonċiżjoni kienet isseħħ tmint ijiem wara għal din ir-raġuni, barra mil-fatt li kien hemm il-fehma li l-mara tkun għada ma ħadietx saħħitha u t-tarbija tkun għada ċkejkna wisq biex iġġarrab l-uġiegħ taċ-ċirkonċiżjoni, li ovvjament, kienet issir mingħajr l-użu tal-loppju. Id-drawwa li jingħata l-isem dakinhar taċ-ċirkonċiżjoni ma kienetx fil-liġi, iżda l-Lhud żammew din id-drawwa, għax fil-Ktieb tal-Ġenesi, meta Alla għamel il-patt ma’ Abram, (u ċ-ċirkonċiżjoni kienet sinjal ta’ dak il-patt) bidillu ismu u bidel ukoll isem martu Saraj.

Il-familjari u l-qraba kellhom kollox lest, għax hekk isir is-soltu. Missieru jismu Żakkarija, mela t-tifel jismu Żakkarija bħal missieru. L-osservanza tat-tradizzjonijiet tagħtina ċertu sigurtà, għax għandna għallinqas garanzija li dak li ħadem fl-imgħoddi, hemm ċans kbir li jaħdem issa wkoll. Imma hemm periklu wkoll, il-periklu li ma nagħrfux li llum mhux il-bieraħ, u llum jitlob minna deċiżjonijiet differenti u soluzzjonijiet ġodda. Eliżabetta għarfet x’għamel magħha l-Mulej u ġarrbet il-verità tal-wegħda li Alla għamel lil żewġha fl-isem li Alla stess issuġġerixxa għat-tarbija: Jo ħannan, Alla jħenn. Min iġarrab il-ħniena jaf x’inhu l-valur tagħha u jħoss li għandu jirrikonoxxiha quddiem kulħadd.

Meta Żakkarija ġie mitlub bis-sinjali, għax, wara d-dehra fit-tempju, mhux biss intebaqlu fommu imma tilef is-smiegħ ukoll, wera biċ-ċar l-istess ħsieb u deċiżjoni ta’ martu. Hu wkoll ġarrab il-ħniena li meta sema’ biha daħallu dubju dwarha. Issa ġarrabha u ried li isem ibnu jfakkar lil kulħadd li Alla tassew iħenn, Alla huwa ħniena. L-għarfien tal-ħniena li juri Alla mal-bniedem, tiftaħ widnejn u fomm il-bniedem li jġarrabha. Il-ħniena ta’ Alla tagħmilna bnedmin ġodda, b’isem ġdid, mogħti lilna mill-Mulej. Isem ġdid għad jingħatalek, isem li jagħżlu għalik il-Mulej, kien qal darba il-Profeta Iżaija. Isem ġdid li jfisser eżistenza ġdida, isem li jħoll ir-rabta minn dak li kien biex iħejji għal dak li hu ġdid. U dan kellu jkun li jagħmel dan it-tifel.

U Alla mhux biss wera ħniena bit-twelid tiegħu mal-ġenituri tiegħu, imma wera ħniena wkoll mall-poplu kollu, li fil-ħin tat-tħabbira ta’ twelidu, moħbija minn għajnejh, kien qed jitlob għall-ħniena mingħand Alla.

U Alla jżomm kelmtu u id il-Mulej kienet miegħu, biex il-kelma titwettaq.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: