Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 29 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 29 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 2, 22-35

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

Bi tlitt darbiet fi tlitt sentenzi San Luqa jenfasizza li Xmun, ir-raġel ġust u tajjeb li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael, kien mimli, imnebbaħ u mqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Il-qdusija tal-bniedem mhix ġejja minn xi għajn miftuħa fih jew f’għemilu, iżda mill-ħajja ta’ Alla milqugħa u mgħixa b’lejaltà, b’sabar u b’feleltà ta’ lsir.

Ma nafux eżatt min kien u lanqas nafu l-isfond tiegħu u xejn dwar it-tmiem tiegħu. Nafu biss li kien bniedem xiħ jistenna fuq l-għatba tat-tmiem ta’ ħajtu mgħajjex bit-tama miżrugħa fih mill-Ispirtu ta’ Alla li tiegħu kien iqis lilu nnifsu l-qaddej. Kellu xewqa waħda, dik li jara s-salvazzjoni li Alla ħejja għall-popli kollha, dawl għall-ġnus u glorja ta’ Iżrael. Din ix-xewqa, talba li ssawret matul is-snin, intlagħqet minn Alla u Xmun kien mgħarraf biha mill-Ispirtu ta’ Alla nnifsu. Huwa nteressanti li f’dan il-kwadru ta’ gratitudni u stgħaġib għandna mdawrin mat-tarbija, l-ewwel wild li kien qed jiġi kkonsagrat lil Alla bħala l-qassis bl-offerta tal-fqar, tlieta minn nies li jqisu lilhom infushom qaddejja ta’ Alla, kemm bil-kliem u kemm bl-għemil.

Marija, l-qaddejja tal-Mulej, li trid li jsir minnha skont il-kelma tiegħu, Ġużeppi r-raġel ġust li kif jisma’ l-kelma tal-Mulej iqum u jwettaqha u Xmun li jqis lil Alla bħala s-sid tiegħu li għandu f’idejh ukoll il-mewt tiegħu. Bejn dawn it-tlitt persuanġġi mhux biss hemm daqxejn ta’ tarbija ta’ erbgħin jum, imma minn bejniethom toħroġ il-verità dwar min kien u x’kien il-għan tal-preżenza tiegħu. F’dan il-kwadru hemm l-istennija mimlija bis-sabar, hemm l-ubbidjenza lejn il-liġi, hemm tama li tasal fit-twettiq tagħha.

Ma’ dan kollu hemm għarfien li Xmun iġarrab dwar dak li kellu jkun il-mod kif dik it-tama ssib il-milja tagħha, kif is-salvazzjoni tal-ġnus se tinkiseb, kif dak li hu moħbi jixxandar fil-beraħ. Il-profezija ta’ Xmun għandha ambigwità fiha li twassal żewġ tifsiriet. Se jġib il-waqgħa u qawmien ta’ ħafna f’Iżrael. Tista’ tfisser li se jkun hemm min jaqa’ u jerġa jqum, anke jekk misluħ u mbenġel, imma jqum mill-ġdid. Tista’ tfisser ukoll li se jkun hemm min jaqa’ u se jkun hemm min iqum, anke b’riferenza, fl-istess Evanġelju, għal dak li għanniet Marija fil-Kantiku tagħha; is-Setgħani jniżżel u jgħolli biex kulħadd jieħu li ħaqqu.

Huwa sinjal li jmeruh, li jikkontradixxuh, iżda fih innifsu se jkun sinjal li juri li dak li l-bnedmin jaħsbu li hu mpossibli għal Alla huwa possibli għax għal Alla kollox jista’ jkun. Fil-ħin li Xmun jara t-twettiq tat-talba tiegħu mimli bl-Ispirtu s-Santu u jerħi l-ispirtu tiegħu f’idejn Sidu, toħroġ fi ftit kliem il-verità dwar dal li dik it-tarbija f’dirgħajh kellha tkun. San Luqa jgħalaq ir-rakkont tal-ġrajja marbuta mat-twelid ta’ Ġesù, l-ewwel pass fil-mixja mill-misteru tal-inkarnazzjoni għall-misteru tar-redenzjoni, bil-kantiku ta’ kullmin kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael bil-miġja tal-Messija u bit-tħabbira ta’ kif dan kellu jseħħ; bit-tbatija tiegħu u ta’ dawk li huma marbuta miegħu.

It-tbatija fil-ħajja ta’ din it-tarbija mhix b’kumbinazzjoni iżda l-mezz li bih is-salvazzjoni se tintlaħaq. Mhix tbatija li ġejja mir-rassenjazzjoni, iżda tbatija riżultat ta’ mħabba lejn il-bniedem mgħaffeġ bl-inġustizzji u l-gideb ta’ min irid ibiegħdu minn Alla u l-għaqda tiegħu miegħu.

Il-profezija ta’ Xmun ma waqftx fuq il-Kalvarju; għada tkompli fi żmienna wkoll. Illum ukoll hemm reżistenzi kbar li jmeru il-kelma tal-Kelma magħmula bniedem, li jridu jaqtgħu qalb il-bnedmin milli jilqgħu l-istedina ta’ Alla għall-imħabba u s-sliem’ Ħafna jaqgħu u ħafna jqumu, iżda ħafna iktar jaqgħu u jqumu quddiem il-verità tat-tarbija mwielda fil-għar ta’ Betlehem. Illum ukoll għadu jurina li dak li aħna nqisuh ’il bogħod minna huwa tassew qrib, anzi quddiem għajnejna u f’idejna. Illum ukoll is-sejf għadu jinfed il-qlub ta’ ħafna għax iż-żejt ma jiltax f’wiċċ l-ilma bla tbatija.

Iżda llum ukoll Ġesù huwa s-salvazzjoni mħejjija minn Alla, bie xikun dawl għall-ġnus u glorja ta’ kull min jistennih u jilqgħu bi ħġaru.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: