L-Evanġelju tat-Tlieta, 23 ta’ Jannar 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 3, 31-35

It-tieni darba li f’kapitlu 3 tal-evanġelju ta’ Marku, il-qraba ta’ Ġesù jiġi jfittxuh. Din id-darba il-qrab huma deskritti bħala ommu u ħutu. Jidher li Ġesù kien f’imkien magħluq, x’imkien ġewwa għax l-evanġelista jgħidilna li dawk li ġew ifittxuh baqgħu barra u bagħtu jsejħulu.

Din id-darba ma nafux ir-raġuni għalfejn il-qraba ta’ Ġesù riedu jkellmuh. Nafu biss li baqgħu barra u donnu l-kelma ġriet fost dawk likienu bilqiegħda jismigħuh li qrabatu kienu barra u rieduh.

Dawk li jqidu lilhom infushom ta’ ġewwa ma’ Ġesù, faċli jagħmluh tagħhom u jitħalltux ma’ dawk li juru nteress fih u f’dak li jgħid. Jista’ jkunu li bil-mod kif iġibu ruħhom jikkapparrawh għalihom. Dak tagħna. Hija attitudni perikoluża għax Ġesù jirraġun amod ieħor. Hu ma hu ta’ ħadd iżda kulħadd huwa tiegħu. Ir-rabtiet tad-demm, ta’ tradizzjonijiet, ta’ drawwiet ma jagħmlux minn bniedem qarib ta’ Ġesù. Il-familja tiegħu tinbena minn dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Alla mhux minn dawk li jibqgħu barra u jriduh jiġi għandom.

Waħda mill-attitudnijiet li jfixklu t-tixrid tal-kelma ta’ Alla u t-twettiq tagħha hija dik li żżomm għaliha din l-aħbar tajba u teskludi li ħaddieħor milli jilqagħha u jgħixha, l-esklużjoni mill-fidi. Dan ħafna drabi jiġri għaliex min jemmen, individwi jew komunitajiet, anke b’ħafna intenzjonijiet tajbin, jista jkun li jfassal għalih innifsu interpretazzjoni tal-Kelma, jew mod kif jgħix il-kelma, għall-kumdità tiegħu, li ma tkunx tiġi lil ħaddieħor li ġej minn ambjent, kultura jew formazzjoni differenti, dawk li għandhom karattru jew stil ta’ ħajja differenti. Ġesù jgħeleb dawn id-differenzi billi jdaħħal kriterju ġdid: kullmin jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Mhux kulmin hu konservattiv jew liberali; mhux min għandu kulur ta’ ġilda mod jew kulur ieħor; mhux min hu mwieled f’ċerti komunitajiet je wbarra minnhom. Dawn id-distinzjonijiet aħna nagħmluhom; għal Alla id-differenzi ma jeżistux sakemm dak lijkun qed jagħmel ir-rieda ta’ Alla għalih.

Il-kliem ta’ Ġesù jidher iebes u offensiv, iżda l-imġieba ta’ qrabatu mhix wisq kumplimentuża. Jidhru li ma fehmux. Ieqaf milli qed tagħmel u ejja għax irriduk. Itlaq kollox u ejja ħa nkellmuk. Dan il-kliem jikkuntrasta ħafna mal-kliem ta’ Ġesù stes li mini irid ikun dixxiplu tiegħu irid iħalli kollox u jimxi warajh. Dawn riedu bil-maqlub.

Ma niskantawx u lanqas għanda għalfejn niskandalizzaw ruħna. Min jaf kemm-il darba nirraġunaw l-istess. Alla m jgħidilniex dak li rridu nisimgħu, allura nippruvaw ngħidulu kelma aħna, u kultant ħafna iktar minn waħda. In-nies li jkollu miegħu u juru nteress fih, ma jdoqqulniex, allura ma nitħalltux magħhom u kemm kemm ma naħsbux li m’għandux jagħti kashom.

Fil-Knisja nitkellmu ħafna fuq l-għaqda u s-sliem u l-armonija, u nagħtu l-paċi lil xulxin fil-quddiesa u barra minnha. Iżda il-firda u l-apatija lejn xulxin ma jiġux mix-xejn. Min jaf kemm minna, watq il-quddiesa stess, jinnutaw minn qabel min hemm ħdejhom jew warajhom jew quddiemhom u meta jasal ħin il-paċi, taparsi ma ndunawx bih jew biha. Id-differenzi noħolquhom aħna meta nikkategorizzaw, niġġudikaw, nippreġudikaw u nagħmlu distinzjonijiet banali, li qatt ma nħossu l-piż u l-effett tagħhom sakemm xi ħadd ma jikkategorizza, je wjiġġudika jew jippreġudika lilna. Iktar kemm noħolqu differenzi iktar nitbiegħdu minn Ġesù u nibqgħu tassew dejjem iktar ’il barra.

Il-kriterju ta’ Ġesù huwa wieħed u sempliċi u jista’ jgħixu kulħadd.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading