“ALLA MHUX L-ISTESS GĦAL KULL RELIĠJON?” 


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Jidher li Alla l-Ħallieq qiegħed fil-bniedem ċertu istint li jħares lilhinn minn dak li jara biex  jemmen li hemm xi Ħadd fuq il-bniedem. Tant hu veru, li r-reliġjonijiet primitivi, per eżempju fl-Asja u fl-Afrika u postijiet oħra, kollha jemmnu li hemm xi Ħadd fuqhom. Jgħidu li l-atejiżmu, li temmen li mhemmx Alla – qed ngħid ‘temmen’ għaliex ħadd ma għandu prova li ma jeżistix Alla – huwa fenomenu ta’ żmienna biss! Min ma jemminx li Alla għamel kollox irid ‘jemmen’, mingħajr provi, li kollox sar mix-xejn!

Mgr Paul Cremona OPBiss, peress li ma kenux jafu min hu Alla kienu jgħaqqduh ma’ xi ħaġa qawwija bħax-xemx, jew li tbeżża’, bħal xi serp. Huma mbagħad kienu jaħsbu kif jistgħu jogħġbuh, kultant anki b’sagrifiċċji ta’ bnedmin.Ma naħsibx li kien hemm ispirazzjoni divina f’dan.

Jiena żgur li Alla kien japprezza dan għaliex kien isir għax ma kienux jafu sew min hu Alla, iżda b’umilta’ kienu jixtiequ jobduh u kienu jagħmlu dak li jaħsbu li ried Alla minnhom. Il-bniedem kien ifittex lil Alla bil-mezzi umani li kellu. Anki l-Knisja tapprezza dan: għalhekk isiru laqgħat ta’ talb tal-Knisja tagħna ma’ nies ta’reliġjonijiet oħra bħalma jsir f’Assisi.

Iżda mbagħad nistgħu nagħmlu mistoqsija oħra: U jekk Alla ried hu stess jurina verament min hu u jgħidilna hu xi jrid minna? Din ngħidulha ‘Rivelazzjoni’ ( mill-kelma‘velu’- Alla jneħħi l-velu li kien jimpedina li nkunu nafuh sew): Alla jikxef lilu nnifsu lilna biex insiru nafuh fil-verita’.  

Issa jekk hemm rivelazzjoni ġejja minn Alla ma tistax tkun l-istess għal reliġjonijiet differenti. Ma setax Alla juri wiċċ mod u wiċċ mod ieħor lil reliġjonijiet differenti. Mela Rivelazzjoni waħda hija vera u aħna rridu nfittxuha u nsegwuha.

Fil-każ tar-Reliġjon nisranija ‘Kristjana’ (bħalma kienu jsejħu lill-insara fil-bidu: “Kien f’Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejjħulhom ‘kristjani’ (At 11,27)), mhux il-bniedem qiegħed ifittex lil Alla, iżda kien Alla li qiegħed ifittex lill-bniedem għax xtaq li nkunu nafuh sewwa. Beda mill-Antik Testment u sab il-quċċata tar-Rivelazzjoni f’Sidna Ġesu’ Kristu.

U Alla ma bagħatx xi profeta biss biex jagħmel dan, iżda bagħat lil Ibnu stess “ Fl-aħħar (wara li bagħtilhom xi qaddejja li qatluhom) bagħtilhom lil Ibnu… Qabduh, xeħtuh ‘l barra mill-għalqa u qatluh” (Mt 21,37-39).

Hemm xi affarijiet li huma komuni għar-reliġjonijiet kollha: per eżempju li trid tagħtih qima, li huwa kbir, li toffrilu sagrifiċċju…  Il-moħħ tal-bniedem waħdu jista’ jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Iżda aħna permezz ta’ Ġesu’ nemmnu veritajiet li ebda moħħ uman ma kien jazzarda li jgħidhom: li Alla huwa Trinita’, li l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna; li dan l-Iben ta’ Alla bata u miet fuq is-Salib għalina.

Importanti li naħsbu f’dawn il-veritajiet meta nitolbu  – allavolja ma hemm xejn ħażin li nitolbu bl-isem ta’ ‘Alla’ biss – biex nidħlu iktar fl-imħabba ta’ Alla f’Ġesu’ lejna.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.