“MA NAFX NITLOB” (1)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Din il-frażi fiha nfisha tkun ta’ xi ħadd li jixtieq jitlob, u jixtieq jitlob tajjeb. Għalhekk tajjeb li nagħmlu xi ħsibijiet fuq it-talb.

Għandna xi ħsibijiet li tajjeb li nispjegawhom. L-ewwel ħsieb hu li bil-malti ħafna drabi nużaw l-istess kelma biex infissru:’titlolb xi ħaġa’. Għalhekk kultant b’talb nifhmu meta tmur titlob xi pjaċir lill-Mulej. Dan ukoll huwa tajjeb. Ġesu’ qatt ma ddejjaq meta kienu jiġu n-nies biex jitolbuh xi ħaġa. Iżda t-talb mhux dan biss.

Mgr Paul Cremona OPKultant nifhmu b’talb dawk it-talbiet li nsibu, fuq is-santi jew fuq xi ktieb tat-talb. Anki dawn jgħinuna fit-talb, iżda t-talb huwa iktar minn hekk (Jiena hawn se nitkellem biss fuq it-talb personali, mhux fuq it-talb li ngħidu mal-komunita’: it-talb Liturġiku).

It-talb huwa dak il-mument li jiena nidħol f’kuntatt ma’ Alla, jew aħjar inħalli lil Alla jidħol f’kuntatt miegħi. L-isbah tixbiha li nsib hija din. Alla qiesu bħax-xemx – dejjem lesta biex isaħħanna u ddawwalna. Aħna qiesu għandna umbrella: meta niftħu l-umbrella ma jkunx ifisser li nkunu tfejna x-xemx – hija dejjem tibqa’ hemmhekk, lesta, iżda ma nħallux is-sħana tagħha tidħol fina. Meta nagħlqu l-umbrella ma jfissirx li nkun għamilt xi ħaġa biex inqajjem lix-xemx: il-bidla ssir fija: issa qed inħalli lix-xemx issaħħanni. L-istess bħal Alla. Huwa dejjem hemm lest biex jidħol fil-ħajja tiegħi, iżda rrid inħallih jidħol.
Mela l-ewwel għażla li rrid nagħmel hija li nħallilu hin, spazju, biex ikun jista’ jsaħħaħni bl-imħabba tiegħu. Ma nistax nimla’ l-erba’ u għoxrin siegħa u nippretendi li nitlob: biex ikolli l-hin nitlob, irrid nieħdu minn x’imkien: mill-irqad, mill-ħidma, mit-television u jew l-internet… Għalxejn insib l-iskużi biex nipprova niġġustifika lili nnifsi: aħjar ngħid li mhux importanti għalija li nitlob, biex hekk tibda l-bidla fija. L-iktar skuża komuni hija “m’għandix hin nitlob”. Darba kont ħdejn waħda persuna anzjana li kienet qed tara s-soap operas fuq it-television. Qaltli “Qabel kemm kont ninnitja: issa m’għandix hin”. Mhu veru xejn: kienet qed tagħżel it-television minflok tinnitja.

It-tieni skuża hija: “Issa nibda għada”. Tkun taparsi qed ittaffi l-kuxjenza iżda xorta mhux qed nitlob. Naħseb li dak il-qawl ingliż “Tomorrow never comes” irridu niftakruh. Jekk trid titlob ibda issa, illum, inkella ma tasalx. Hija l-esperjenza ta’ ħafna minna.

Kultant jistaqsuni wkoll: “Tajjeb li nagħmel xi ħaġa waqt li nkun qiegħed nitlob?” Hemm żewġ modi kif tħares lejn dan. Huwa tajjeb li meta tkun qed tagħmel xi ħaġa titlob: tkun qed tqaddes iktar il-ħidma tiegħek. Iżda jekk inti tagħżel ħin biex titlob, allura jekk tkompli tagħmel xi ħaġa tkun qed tħalli l-ħidma tiegħek ittellfek tikkonċentra fuq il-talb. Aħna ħafna drabi rridu dejjem nieħdu xi ħaġa mill-ħin (li issa sar dejjem iktar prezzjuż għalina). Irrid ‘naħli’ l-hin u niddedikah biss għall-Mulej. (Dan jgħodd ukoll għar-relazzjoni bejn il-miżżewġin lejn xulxin: li jħallu ħin li jservi biss biex jifirħu b’xulxin).

Għalhekk irrid l-ewwel inħoss il-bżonn li nagħlaq l-‘umbrella’ ħalli s-sħana tal-imħabba tal-Mulej tidħol fija.

One thought on ““MA NAFX NITLOB” (1)”

  1. Thank you for your posts. Please carry on posting as they mean so much to me.

Leave a Reply

%d bloggers like this: