“GĦALIEX ALLA JIPPERMETTI L-ĦAŻEN FID-DINJA?”


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Din hija mistoqsija u nistgħu nifhmu għaliex ħafna nies jitfixklu minħabba fiha. L-anqas mhi faċli biex tweġibha. Naraw x’tgħidilna l-Kelma ta’ Alla fuqha.
Fil-Ktieb tal-Ġenesi (kapitli 1 sa 4) aħna nibdew naqraw kif Alla ħalaq id-dinja. u ħalaq l-bniedem mingħajr dnub. Seta’ l-Ġenesi jibda mingħajr din il-parti. Donnu Alla ried jagħmel apoloġija għalih innifsu fuq il-ħażen, jiddefendi lilu nnifsu. Qiesu ried jgħidilna: “Il-ħażen mhux jien daħħaltu fid-dinja: ma kienx fil-pjan tiegħi”.

Mgr Paul Cremona OPImbagħad ikompli r-rakkont meta l-bniedem għażel li jmexxi lilu nnifsu, mhux iħalli ‘l Alla jmexxih (Is-siġra tat-tajjeb u l-ħażin). U daħal id-dnub fid-dinja.

Iżda mhux biss: issa il-bniedem daq il-ħażen u ħallih jidħol fil-bniedem. Il-bniedem tilef l-innoċenza li Alla ħalqu biha. Fil-fatt l-ewwel effett tal-ħażen li issa qiegħed fil-bniedem kien li Kajin qatel lil ħuħ Abel.

Minħabba li issa l-bniedem għandu l-ħażen ġewwa fih, Alla ma setax iġib l-istess realta’ ta’ kif kien il-bniedem fil-ġnien ta’ Għeden. Imaġina li kieku issa kellu jagħżel għaxra minna, bnedmin bil-ħażen ġewwa fina, u jerġa’ jqegħedna f’post bħall-ġnien ta’ Għeden. Kemm taħseb li ndumu qabel xi ħadd jisraq lill-ieħor biex jeħodlu l-ġid, jew anki joqtlu biex jeħodlu l-ġid?

Il-Mulej ma riedx jieħu l-għażla l-oħra, li jeqred lill-bniedem midneb u jibda mill-ġdid. Allavolja issa sar ‘bniedem midneb’. Alla ħabb wisq lill-bniedem li kien ħalaq biex jeqirdu.

Alla ma riedx jeqred lill-bniedem, iżda ried jeqred il-ħażen ta’ ġewwa fih. Tiftakru f’dik il-laqgħa li kellu Ġesu’ ma’ dik il-mara adultera. Il-Lhud riedu joqtlu lilha flimkien mad-dnub tagħha. Ġesu’ riedha tgħix: ried jeqred biss id-dnub ta’ ġewwa fiha: “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur u mil-llum ‘l quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8,11). Hekk jagħmel Ġesu’ ma’ kull wieħed u waħda minna.
Alla tana ħafna għajnuniet biex neqirdu d-dnub.

Tana l-kmandamenti (‘l quddiem nitkellmu fuqhom) biex min irid jimxi bla ħażen jimxi fuqhom, u jkun qed jagħti s-sehem tiegħu biex ineħħi l-ħażen mill-umanita’. Din hija l-missjoni ta’ kull nisrani fih, u allura anki il-missjoni tal-Knisja fis-soċjeta’.

U Ġesu’wriena li l-Missier ma jixtieqx li jkun hawn il-ħażen fid-dinja, imma jaf kemm il-bniedem huwa dgħajjef. Allura tana wkoll il-maħfra biex nerġgħu nirritornaw għal dak li hu tajjeb. Għan-nisrani li jemmen huwa inutli li jagħmel il-mistoqsija ta’ fuq għax mhu se jbiddel xejn. Jibda jbiddel iċ-ċirkustanzi ta’ madwaru meta jneħħi l-ħażen, jagħmel it-tajjeb, u jgħin lil dawk li qegħdin fil-ħażin biex ma jkomplux fil-ħażen u jduru għat-tajjeb. Hemmhekk inkunu qegħdin verament intaffu l-problema tal-ħażen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.