“GĦALFEJN GĦANDI NOBDI L-KMANDAMENTI?”


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

L-ewwel darba li nisimgħu bil-kmandamenti huwa fit-ktieb tal-Eżodu (20,3-17) jew fil-ktieb tad-Dewteronomju (5,6-21).

F’dan ir-rakkont naraw lill-Mulej li jgħid lil Mose’ biex joħroġ lill-Israeliti mill-Eġittu.

Kienu ilhom fl-Eġittu minn żmien ta’ Ġużeppi li kien mibjugħ minn ħutu
(Ġen kap 37). Min irid jara l-istorja kollha tal-ħruġ mill-Eġittu jista’ jara il-Ktieb tal-Eżodu. (Kien sar film sabiħ ħafna li jirrakonta din il-ġrajja: THE TEN COMMANDMENTS li kien idderiġa Cecil B. De Mille).

Mgr Paul Cremona OPL-Israelin damu 40 sena fid-Deżert sakemm waslu fl-Art Imqaddsa, Kanaan. F’nofs it-triq, il-Mulej qal lil Mose’ biex jitla’ fuq l-għolja tas-Sinaj, u hemmhekk tah it-twavel tal-ġebel bl-għaxar ‘kelmiet’ (il-kmandamenti) miktubin bis-sebgħa ta’ Alla stess. Ħa naqrawhom mill-Ktieb tal-Eżodu (20,3-17):

“Jiena hu l-Mulej Alla tiegħek… Ma jkollokx allat oħra għajri…..
La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn…
Ftakar f’Jum is-Sibt u qaddsu…
Weġġaħ lil missierek u lil ommok…
La toqtolx…
La tagħmilx adulterju…
La tisraqx…
La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek…
La tixtieqx il-mara ta’ għajrek…
La tixtieqx dar għajrek … u xejn minn kull ma għandu għajrek”.

Ħa nippruvaw nifhmu għaliex il-Mulej tana l-kmandamenti. Dejjem niftakru li f’dak kollu li tana Alla ma kellux lilu nnifsu f’moħħu, iżda biss l-imħabba tiegħu lejna, lilna l-bnedmin, dak kollu li jista’ jgħinna biex inkunu aħjar.

Jiena meta nitkellem maż-żgħażagħ nistaqsihom: “Taħsbu li hemm xi ħadd li ma jaqbilx mal-kmandamenti?” Minn wiċċhom ninduna li xi wħud minnhom ma jaqblu xejn! Imbagħad il-mistoqsija nweġibha jien: “Kulħadd jaqbel mal-kmandamenti: mhux kulħadd jaqbel li ma jisirquħx? Mhux kulħadd jaqbel li min ikun iħobb jibqa’ fidil lejh/a? Mhux kulħadd jaqbel li meta ħaddieħor ikun qed jitkellem miegħu, ma jigdibx? Mhux kulħadd jaqbel li ma joqtluhx?” Mela kulħadd jaqqbel mal- kmandamenti, iżda meta jaqbel lilu: jien irrid li ħaddieħor ma jisraqnix, iżda mbagħad nisraq jien; neħodha bi kbira meta min inħobb ma jkunx fidil miegħi iżda jien ma niddejjaqx ma nkunx fidil lejn min suppost inħobb; allaħares naqbad lil xi ħadd jigdibli, iżda meta jaqbilli jien lest li nigdeb lil ħaddieħor.

Il-Mulej qalilna li dan l-atteġġjament huwa egojist, u ma jbiddilx is-soċjeta’ għall-aħjar. Bil-kmandamenti qiegħed jgħidilna biex jekk inħares jien il-kmandamenti, qed nibni soċjeta’ aħjar. Fl-Antik Testment, u f’ħafna reliġjonijiet oħra, hemm dik li jgħidulha ir-regola tad-deheb: “Tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tixtieqx li ħaddieħor jagħmel lilek”. Ġesu’ biddielha, u n-nisrani jrid isegwi din ir-regola tad-deheb: “: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom…” (Mt 7,12).

U l-Mulej kompla jgħinna skont il-psikoloġija tagħna. Ħa nagħmel paragun. Nagħtu każ li ddeċidejt li nibda dieta. Nixtri ktieb fuq hekk, u nibda naqrah. Fl-ewwel parti jkun hemm kemm se nkun aħjar jekk nagħmel id-dieta. Dan iferraħni. Imbagħad nibda naqra t-tieni parti. Hemmhekk insib x’m’għandix niekol: is-suċċess jibda mhux minn dak li nixtieq iżda jekk inżommx lura minn dak li se jfixkilni.

Darba xi ħadd kiteb: “Għandna too many nays” (jiġifieri x’ma għandekx tagħmel, negativ flok pożitiv). Alla għamel dan mhux biex ikun negativ b’kapriċċ, iżda biex jiftħilna għajnejna li meta ngħid ‘Le’ għall-ħażen kollu, nista’ nkun ċert li rrid it-tajjeb.

In-nisrani jrid jagtħti sehmu biex jibni is-soċjeta’ fit-tajjeb. Dan huwa l-kontribut kbir li n-nisrani jrid jagħti lis-soċjeta’ ċivili.
Il-Mulej ried jibni il-Poplu tiegħu fuq dan il-programm. Imaġinaw kieku l-Poplu fl-Antik Testment mexa fuqhom kif kien ikun l-għira tal-popli l-oħra. (‘Il-quddiem naraw il-kmandamenti wieħed wieħed, anki bit-tagħlim ta’ Ġesu’).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.