L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018

L-Isqof Mario Grech fiż-Żjara tar-Relikwa ta’ San Piju tal-Pjagi f’Ta’ Pinu


Il-Ħamis 5 ta’ April 2018: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fiż-Żjara tar-Relikwa tal-Ingwanta ta’ San Piju tal-Pjagi fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

 

OMELIJA – SAN PIJU TAL-PJAGI KIEN QAMĦ MITĦUN

Kien fil-qsim tal-ħobż li d-dixxipli ta’ Għemmaws għarfu lil Ġesù! Qisu t-tifsir biss tal-Kelma ma kienx biżżejjed biex itajru l-għamad li kien qed iżomm lil qalbhom milli tintebaħ li dak li mexa u waqaf magħhom kien Ġesù. Hekk ukoll illum: jekk irridu ngħinu lill-bniedem isir jaf lil Ġesù, ma humiex biżżejjed il-predikazzjoni u l-konferenzi, imma l-komunità Nisranija trid taqsam il-ħobż ma’ dawk li huma bil-ġuħ. Quddiem il-ġesti ta’ karità li nagħmlu, il-qxur jaqa’ minn quddiem għajnejn il-bniedem biex dan jiskopri l-ġmiel ta’ Kristu.

Dak li Ġesù għamel maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, wettqu fuq is-salib fejn ġismu tkisser b’sagrifiċċju għalina u għamlu wkoll sagramentalment fl-Aħħar Ċena meta tana ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb.

Għax kien devot kbir tal-Ewkaristija, San Piju tal-Pjagi kien ħobż miksur għall-oħrajn! Huwa kien jemmen li permezz tal-Ewkaristija sseħħ il-fużjoni tar-ruħ ma’ Kristu Ewkaristiku. Meta jitqarben, Patri Piju kien jitlob din il-grazzja: li hu jkun Kristu ieħor, kollu kemm ta’ Kristu u dejjem ta’ Kristu.

Biex jipprovoka lil Patri Piju, darba Patri Pellegrin Funicelli stqarr miegħu li ma tantx kien jemmen fl-Ewkaristija. Patri Piju tant iddispjaċieh xħin sema’ dan il-kliem li qabiżlu d-dmugħ u kellu jitolbu maktur biex ineħħi d-dmugħ! Imbagħad Patri Piju qallu: “Jekk trid tara lil Ġesù wiċċ imb wiċċ, trid issir bħalu: ħobż ifuħ għas-snien ta’ kulħadd, inbid frisk għall-gerżuma kemm tal-ħbieb u kemm tal-għedewwa”.

Imbagħad Patri Piju ċanfar lil Patri Pellegrin għax dan kien daħak bih meta semgħu jsejjaħ lilu nnifsu “Jien Ġesù!”. Qallu hekk: “Ilkoll kemm aħna hemm bżonn ngħidu li rridu nkunu bħal Ġesù. Ilkoll irridu ntennu: dan huwa ġismi, kuluh; dan huwa demmi, ixorbuh. Jeħtiġilna noffru laħamna u demmna bħal ħobż u nbid fuq l-altar u fuq l-imwejjed tal-proxxmu tagħna”.

F’din l-istorja meħuda mill-ħajja ta’ San Piju tal-Pjagi qisu għandna r-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws! Patri Piju, li mhux biss kien jiċċelebra l-Ewkaristija imma kien jgħixha, għamel minn ħajtu għotja ġeneruża lill-oħrajn. Għax kien jgħix l-Ewkaristija bħal Kristu, huwa kien qamħ mitħun li jingħata lill-oħrajn. Għalhekk, min iltaqa’ miegħu, ra lil Kristu.

Filwaqt li nħeġġiġkom biex tkomplu tapprezzaw l-ispiritwalità ta’ dan San Piju tal-Pjagi, bl-interċessjoni tiegħu nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-grazzja.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s