L-Evanġelju tat-Tlieta 10 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 3, 7b-15

Ħajja ġdida. L-aħbar it-tajba sa mill-bidu nett tagħha tipproponi ħajja ġdida bħala l-ewwel pass fit-tluq ta’ min jilqagħha u sa minn qabel l-ewwel pass issib il-bsaten fir-roti. Sa mill-ewwel kapitlu ta’ San Ġwann, nindunaw li l-esperjenza tal-ewwel komunitajiet insara, għalkemm il-kelma ntlaqgħet, iżda mill-ewwel kien hemm min beda jħossu mfixkel u l-verb sar bniedem u għammar fostna imma ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx.

Għa xngħiduha, kif inhi, minkejja dak kollu li jagħmel il-ħajja dak li hi, il-bniedem iħossu komdu kif qe djgħix għax kif qed jgħix joffrilu sigurtà li l-ġejjieni ma joffrix. Aħjar għadu li tafu milli ħabib li ma tafux, ngħixu aħna. Għalkemm l-issa u l-hawnhekk jista’ jkissirna bit-toqol tal-ħtija u l-konfużjoni li jġib miegħu, li tagħmel imqar pass wieħed biex tibda ħajja ġdida huwa sogru kbir, għax meta tibda ma tafx fejn se tasal.

Hekk ġralu Nikodemu fil-qalba tallejl, li fl-eqqel tal-lejl ta’ ħajtu resaq għand Ġesù, għax l-irqad tal-mistrieħ kien ’il bogħod, u ried iqiegħed rasu fuq l-imħadda moħħu mistrieħ. Iżda ma ndunax li dan kien diġa l-ewwel pass u ma għarafx is-sogru marbut miegħu, sogru li, kif naraw iktar ’il quddiem, swielu ħafna, għax, minkejja li ma fehemx, twieled mill-ġdid tassew hu ukoll.

Iżda ma kienx it-tagħlim tiegħu li wasslu għal dan il-pass. L-ispirtu ta’ Alla beda jonfoħ fih bħar-riħ li ma tafx mnejn hu ġej u lanqas fejn hu sejjer; il-ħsieb li Alla jqanqal fina meta nħarsu lejn ħajjitna u nippruvaw nagħrblu s-sens tagħha fl-isfond ta’ dak li nisimgħu u nwettqu; fl-isfond tat-tqanqil li jiġi kemm mit-tjubija li hemm fina u kemm mill-għarfien li nistgħu inkunu aħjar u, għa xi raġuni jew oħra, m’aniex.

Il-ħsieb li l-ħajja tista’ tinbidel jgħaġġilna bie xnibdew nibnu swar għoljin u godlija madwarna biex ir-riħ tal-ispirtu ma jħarbtilniex il-kalma ta’ qabel it-tempesta li nippruvaw intawlu kemm nistgħu. Għalfejn għandna ninbidlu jekk inħossuna komdi u tajba, anke jekk il-kumdità hija skomda u t-tjubija ħriġna minnha! Żomm daqxejn, ngħidulu lil Alla, kif qatt jista’ jkun dan? Kif tista tippretendi li aħna naqilgħu l-għerqu tagħna mill-ħamrija tat-tradizzjonijiet u d-drawwiet, il-perspettivi u t-tagħlim li ħadna s’issa, il-kulturi u l-kurrenti li s’sissa mxejna magħhom u nħawluhom f’art li ma nafux, art li smajna biha biss mingħandek!

Ġesù jagħti tweġiba. Is-serp kien il-ħajra għad-dnub u l-kastig tiegħu. Fil-Ġenesi ħajjar lil-bniedem biex jidneb, fl-Eżodu huwa l-kastig għal min jidneb. Meta ntaxar ma’ arblu u kulħadd ħares lejh mirbuħ u wieqaf, kull min għaraf li huwa mirbuħ, fieq mill-gidma tiegħu. Ġesù ma jgħidx li hu s-serp, iżda jgħid li jintaxar bħalu. Id-differenza li hu mhux tal-bronż, mhux xbieha, hu ma ħajjarx għad-dnub u l-anqas huwa l-kastig tiegħu. Ġesù mgħolli ’l fuq huwa ħaj, f’sensih u b’qalbu tħabbat u qalbu tiddeċiedi li tieqaf tħabbat meta jrid hu għax jaf li kollox wasal fil-milja tiegħu u l-għotja seħħet għal kollox. Ġesu ħaj, minxur fuq salib, ma jibqax fuq is-salib; dak hu l-bidu tal-ħajja l-ġdida għax bl-għotja tal-imħabba tiegħu fuq is-salib ma setax jibqa’ mejjet; dak kien l-ewwel pass tal-ħajja l-ġdida.

Din hi l-ħajja l-ġdida li jipproponi għal min iridha; l-għotja sħiħa tal-imħabba. Quddiemha kull sogru jgħib u kull sur qawwi jaqa’; minnha jibda dak li kulħadd jibża minnu imma li kulħadd jixtieq. U quddiemha ħad dma jistenna li ħaddieħor jagħmel l-ewwel pass, iżda, kollu ħeġġa u b’għaġġla kbira, jagħmlu hu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.