L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Laqgħa djoċesana għall-kreżimandi


Il-Ħamis 19 ta’ April 2018: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Laqgħa djoċesana għall-kreżimandi Għawdxin fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

 

Xħin nara lilkom, kważi nibda nħoss l-għeja, għax niftakar li rrid nagħmlilhom id-Dilka! Imma niżgurakom li intom tagħtuni l-ħajja! Nieħu gost niltaqa’ magħkom għaliex fikom nara l-kobor u l-imħabba ta’ Alla.

Mela lbieraħ nidħol l-uffiċċju u nsib żagħżugħ. Mhux is-soltu nara, fl-10.00am, żagħżugħ, li qiegħed is-6th Form. Meta staqsejtu fejn nista’ ngħinu, qalli: “Jiena ġibtlek ittra”. Għidtlu: “Bagħatha xi ħadd?”. Qalli: “Le. Din ittra ktibthielek jien”. Għidtlu: “X’ittra hi?”. Qalli: “Jiena nixtieq li taċċettawni fis-Seminarju biex nibda l-formazzjoni għas-saċerdozju”. Jien bqajt bla kliem!

img_5796.jpg

Dan iż-żagħżugħ, sitt snin ilu, kien bħalkom. U min jaf jgħaddux sitt snin oħra, u jiġi xi ħadd minnkom b’ittra oħra! Anzi, kull wieħed u waħda minnkom intom ittra, illi qiegħda tinkiteb u, ’il quddiem, għad nitgħaxxqu naqrawha.

Ilbieraħ qalbi mtliet bil-ferħ u bir-raġun. Imma daqstant ieħor meta nara lilkom li qegħdin titolbu biex tirċievu l-Ispirtu s-Santu. Għax għall-grazzja ta’ Alla, intom, il-familja tagħkom, il-komunità tagħkom, għandkom il-valuri Nsara għal qalbkom. U allura, nerġa’ ngħid: kull wieħed u waħda minnkom intom “ittra”.

L-Arċipriet, Dun Joseph Curmi, smajtu jgħidilkom li tnax-il sena oħra wisq probabbli wieħed minn kull ħamsa minnkom ikunu jmorru għall-quddiesa. Le! Jien mhux hekk ngħid. Dik hija waħda mill-għażliet. Imma jekk intom tilqgħu lill-Ispirtu s-Santu, dan kapaċi jagħmel minnkom dak li aħna u s-soċjetà ma nafux inbassru! Imma jiddependi wkoll minnkom.

Ħa ngħidilkom storja żgħira fuq min hu l-Ispirtu s-Santu għalija. U din qalhieli ġuvnott. Qalli: “Darba konna camping l-Italja. Konna f’bosk u ntlifna. Bdejna nfittxu minn fejn se ngħaddu. Tkun f’bosk u mingħajr landmarks, ma tkunx taf fejn tagħti rasek. U jiena, ġo fija, ħassejt xi ħadd jgħidli: ‘Imxu minn hawn – iftħu t-triq minn hawn’. U wasalna. Sħabi apprezzaw kemm għandi sens ta’ direzzjoni. X’gut feeling għandi. Imma jien nemmen li la kien is-sens ta’ direzzjoni, lanqas il-gut feeling. Jien taf x’għamilt? Jien tlabt lill-Ispirtu s-Santu biex jgħaddina minn fejn għandna ngħaddu. Nemmen li l-Ispirtu s-Santu, f’din is-sitwazzjoni – donnha mitlufin, sitwazzjoni ta’ dlam – lilna indikalna mnejn ngħaddu”.

Ħbieb tiegħi, dan li jiena nawguralkom. Għaliex aħna bħal dawk l-adolexxenti li ntilfu fil-bosk u ma kinux jafu minn fejn ser jgħaddu, ma kinux jafu x’għażliet jagħmlu… ngħaddux minn hawn jew minn hemm; nagħżlux din jew nagħżlux dan; nagħmlux kif qed tgħid il-kotra, jew nagħmlux l-għażliet tagħna; ngħixux il-Vanġelu, bħalma għamel San Ġorġ, jew le.

L-istorja ta’ San Ġorġ sabiħa ħafna! Kien żagħżugħ li kontinwament irid jagħmel l-għażliet tiegħu, biex ma jimxix mal-kurrent, biex ma jintilifx, biex jofroq! U l-ħila li kellu San Ġorġ ma kinitx għax kellu gut feeling, għax kellu s-sens ta’ direzzjoni… imma għax kellu l-Ispirtu s-Santu.

Dan nawguralkom, ħbieb tiegħi: li ssejħu lill-Ispirtu s-Santu! Emmnu fih. Hu jagħtikom id-direzzjoni f’ħajjitkom. Jgħinkom issibu t-triq tagħkom, kif smajna fl-esperjenzi ta’ dawn is-sorijiet. Agħmlu kuraġġ. Jekk tħallu, jekk inħallu – jiena magħkom – lill-Ispirtu s-Santu jmexxina, idawwalna bil-parir it-tajjeb, bil-Kunsill tiegħu, jiena fiduċjuż li għad titfarfru u jkun hawn min minnkom li xi darba jsibni u jgħidli: “Dun Mario, għandi ittra għalik!”. Tista’ tkun ittra biex tidħol is-Seminarju; tista’ tkun ittra biex tiżżewweġ u nakkumpanjawk; tista’ tkun ittra biex issib il-professjoni tiegħek; tista’ tkun ittra għall-ħajja kkonsagrata… min jaf! Imma żgur li kull wieħed u waħda minnkom intom ittra li qed tinkiteb illum għall-glorja ta’ Alla u għas-servizz tal-oħrajn.

Grazzi lilkom tal-ġenerożità tagħkom. Grazzi lill-katekisti. Għidu grazzi lill-ġenituri tagħkom, please! Nixtieqkom li xħin tmorru lura d-dar, tgħidulhom: “Illejla ltqajna, u fost l-oħrajn iltqajna mal-Isqof li bagħat iselli għalikom u jirringrazzjakom”. Għaliex l-ewwel katekisti mhuwiex jien, mhumiex il-kappillani, is-saċerdoti u l-katekisti, imma huma l-ġenituri tagħkom! Grazzi lil Dun Simon u lit-tim tiegħu u lill-Parroċċa ta’ San Ġorġ li llum laqgħetna. Il-Bambin magħkom.

Awdjo bil-kortesija ta’ Radju Leħen il-Belt Victoria.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.