Innu sabiħ lill-ħajja umana


Darba ltqajt ma’ ħsieb dwar il-qawwa tal-innijiet li sammarni: “L-innijiet jistgħu jerfgħu ‘il fuq l-ispirtu tagħna, jagħtuna l-kuraġġ u jmexxuna lejn l-azzjoni t-tajba. L-innijiet jistgħu jimlew lir-ruħ tagħna bi ħsibijiet qaddisa u jġibulna spirtu ta’ paċi”. Mela x’qawwa u xi grazzja kbira għandu innu!

U x’hemm isbaħ ħuti mill-innu li qed jitkanta minn ħafna u ħafna persuni f’pajjiżna bħalissa? Jiġifieri l-innu iddedikat lil ħajja umana? Liema ħajja tibda’ mit-tnissil sat-tmien naturali tagħha? Dan l-innu, maħdum mill-Mulej Ħallieq, mgħix b’mod sħiħ minn Sidna Ġesù Kristu li sar bniedem bħali u bħalek, u mqawwi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jinstema’ minn kull rokna tal-Gżira għażiża tagħna. Dan l-innu m’għandux kuluri jew partiti politiċi. Kif jista’ jkollu jekk dan l-innu huwa fuqna ilkoll? Persuni umani? Int u jien? U, l-għaliex fl-essenza ta’ dan l-innu, hemm il-persuni, il-preżenza tagħhom biss qiegħdha tgħajtilna minn qiegħ qalbha biex inħalluhom ikollhom l-istess ħajja li s’issa għexna int u jien.

Dan l-innu, iddedikat lil ħajja umana, jfakkarna fl-għożża tal-ulied. U jnissel, fija u fik, imħabba kbira lejn il-ħajja. Ibda’ mit-tnissil sat-tmien naturali tagħha. Għidli ftit għażiż/a jekk dan l-innu huwiex pożittiv? Huwiex ta’ fejqan u ta’ faraġ? Mela kif nistgħu ma ninkoraġġuhx bis-sħiħ? Għaliex, f’dan l-innu, hemm l-isforzi kollha ta’ dawk li qed jgħinu biex il-koppji li, għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux ikollhom ulied, qed ifakkarhom f’għajnuna xierqa u anki f’waqtha li bħalissa qed jingħataw.

Dan l-innu, l-innu favur il-ħajja, huwa d-dar li fiha kull koppja li qiegħda f’relazzjoni stabbli tħossha mbierka u fil-paċi. L-għaliex, minnu nnifsu, dan l-innu veru lil ħajja umana qed jipproteġieha. U dan dejjem fil-qafas tal-liġi preżenti li, lill-embrijun, qed tippermettilu l-ħarsien u d-dinjità li jistħoqqlu ta’ bniedem, bħali u bħalek, li hu. Dan l-innu jassigura lil dik it-tarbija, don mill-isbaħ tal-Mulej, li titwieled minn omm u missier.

Madankollu, dan l-innu tant sabiħ favur il-ħajja, u l-ħajja f’kull fażi tagħha, ma jippermetti qatt li t-tarbija tkun oġġett skont kif jixtieqha ħaddieħor. Dan l-innu favur il-ħajja umana ma jħaddanx fih possibbiltà ta’ donaturi anonimi taċ-ċelloli għat-tnissil. Lanqas ma jgħid iva għas-self tal-ġuf bis-surrogazzjoni. U, wisq anqas, ma jippermetti qatt l-iffriżar tal-embrijuni. Dan l-innu jrid jagħmel mit-tarbija persuna u mhux oġġett ta’ produzzjoni.

L-innu jfakkar wkoll fil-weġgħa ta’ dawk it-tfal li qatt ma jistgħu jkunu jafu min hi l-omm u min hu l-missier naturali tagħhom. L-innu jirrikonoxxi l-weġgħa tagħhom li ma jafux min huma ħuthom, il-kuġini, iz-zijiet u n-nanniet tassew tagħhom. U, fuq kollox, l-innu favur il-ħajja qed iwassal il-karba li toħroġ minn dawn it-tfal: Min hi tassew il-vera familja tiegħi? Mela kif il-persuna ma tħossihiex iddiskriminata?

L-innu favur il-ħajja jfakkarna iva li l-ulied, l-għaliex huma għeżież, mhux talli ma ħaqqhomx hekk talli għandhom ikunu mħarsa fil-ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi, morali u spiritwali tagħhom. L-innu jgħidilna li la l-ulied huma l-ġenerazzjonijiet futuri li, għada pitgħada, ikollhom jaħsdu dak li illum qed jinżera’, huwa mportanti li nħarsuhom.

L-innu favur il-ħajja ma jippermetti qatt l-iffriżar tal-embrijuni b’għażla. Għaliex nitfgħu lill-għeżież ħutna li, għalkemm għadhom embrijuni, huma xorta waħda persuni bħali u bħalek fil-periklu li ma jiġux adottati għax ma jridhom ħadd? U x’se jkun it-tmiem ta’ dawn il-persuni bħali u bħalek? Nistgħu nħallu t-teknoloġija li tista’ tippermettilhom li qatt ma jaraw id-dawl?
Għalhekk, l-innu jfakkar lil dawk responsabbli għal din il-liġi li jħarsu l-ħajja u d-dinjità umana. Ifakkarhom fi dmirhom li ma jkasbru qatt id-drittijiet ta’ dawn il-persuni u ulied. L-innu jfakkar lil min jaħdem fix-xjenza biex jirrispetta l-ħajja umana fil-fażijiet kollha tagħha. Il-ħajja umana hi sagra. Fl-aħħar nett, l-innu jħeġġiġna, bħalma jgħidilna Papa Franġisku, li d-difiża tal-innoċenti u li għadu ma twilidx għandha tkun ċara, ferma u mħeġġa. Fin-nofs hemm id-dinjità tal-ħajja umana.

X’hemm iżjed sagru u ta’ mħabba milli li tiddefendi l-ħajja ta’ kull persuna, fl-istadji kollha tagħha?

Fil-verità, hemm innu isbaħ u aktar veru minn dan? Jiġifieri l-innu favur il-ħajja umana?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.