Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Bix-xift aħjar!

Bix-xift aħjar!


Kont għaddej naħdem fl-Isptar. F’ġurnata li kellha bidu iżda żgur li ma kellhiex tmiem. Nifimha! L-eżiġenzi mal-morda huma kbar fuq li kbar.

Inkun se nidħol f’lift. U narah bl-uniformi. “Jien qed nara sewwa?” irraġunajt bejni u bejn ruħi. Imma veru ħbieb. Kont qed nara sewwa! “Mela m’għadekx liebes pulit?” għedtlu. “Eh Patri! Bix-xift naqla’ aktar. Għandi familja xi nżomm!”

Ajma Ġesù x’waħda waħħaltli dalgħodu permezz ta’ dan ir-raġel bilgħaqal! Imma għandek raġun biex tbiegħ! Il-ħajja x’inhi mingħajr is-sagrifiċċju? Ma nafx kif ġieli nirraġuna jien u anki oħrajn. Irridu l-aqwa. L-aħjar. Mingħajr ma nagħmlu xejn. Irridu li kollox jaqa’ f’ħoġorna. Nippretendu li kollox jaqa’ mill-ajru! Jew, biex ngħidha ala Maltija, nistenna li l-bajtra taqa’ f’ħalqi!

Le ħbieb! Dan mhux għejxien bil-għaqal. Din bluha! Ejja nifhimha darba għal dejjem: dak li nsib lest ma napprezzahx! Jew, kif iħobb jgħallimni ħabib kbir tiegħi, dak li jaqa’ f’ħoġrok ma tapprezzahx! U din hija l-problema ta’ xi wħud. Illum għandna ħafna affarijiet li ġew għandna, u fuq kollox, għand uliedna u ulied uliedna minn żmien ta’ tbatija kbira. Għandna servizzi li, bħala poplu wieħed, ħdimna u iġġilidna kemm flaħna għalihom matul iż-żminijiet. Ejja issa dawn is-servizzi napprezzawhom u nużawhom ilkoll b’responsabbiltà. Ejjew ma nħallux il-kankru li jismu “nieħu kollox for granted”, iqabbad diffrejh fostna. L-għaliex, jekk dan il-kankru soċjali se jibqa’ iqabbad diffrejh allura se jigref, iċarrat u joħroġ biżibilju demm! U aħna demm imxerred m’għandniex x’nambuh! Dak Ġesù biss għamlu u għandu jagħmlu! Meta miet għalina fuq is-salib. Għax Hu Alla u bniedem. U hu ħallas għad-dnubiet tagħna.

Bix-xift aħjar! L-għaliex l-imħabba vera titkejjel mis-sagrifiċċju. Int ħu bħalissa. Kemm hawn nies bl-influwenza. Nifhimha. Jekk ħabibek u ħabibtek ma jifilħux mhux ħa toqgħod ħdejh u ħdejha. Jekk ma tridx tieħu l-virus int ukoll u ġġorru u bih tmarrd lill-familja kollha tiegħek. Imma almenu ċempillu ftit. Ċemplilha naqra. Xejn xejn ħa tara x’għandu bżonn. U x’għandha bżonn. Ara ftit kif inhu. U kif inhi. L-għaliex, il-ħbiberija vera dik hi ħija, oħti: li nilbsu l-fardal. Li nilbsu l-boilersuit!

Illum, meta nara ċ-ċoqqa lewn il-qastan li nilbes ma narax li hija t-toga Rumana tafux! Lanqas xi ilbies kollu piegi u bizzillel. Dak mhux ħobż għal snieni. Iżda ċ-ċoqqa tiegħi tfakkarni li jien imsejjaħ biex immidd idejja. Li nkun viċin il-poplu. Li, bħall-Kapuċċini ta’ qabli fl-istorja, u fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, inkun mal-poplu. Magħkom. Għax biex naqdi lill-poplu ġejt imsejjaħ. U mhux biex nixxaħxaħ fil-kamra tal-kunvent minn filgħodu sa filgħaxija. Inkella dak li jpasparli moħħi. Ġejt imsejjaħ biex naħdem bix-xift. Biex inkun preżenti mal-poplu fit-tbatija tiegħu. U fl-aktar ħinijiet skabrużi. F’ħinijiet fejn, dak li jkun u dik li tkun, bir-raġun kollu, jkunu jridu min isemmagħlhom dik l-għanja sabiħa u ta’ kuraġġ: Wennisni ħa norqod!

Il-ħajja hekk ħbieb. Bix-xift! Irridu ilkoll nitgħallmu, jien l-ewwel wieħed, ngħixu l-kelma ta’ Ġesù: jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn (Mt 5:41). Hawn bżonn ħbieb li persuni jiġu akkumpanjati. Li persuni jkollhom min jismagħhom. U dan il-bżonn ma jistgħux jagħmluh biss dawk tal-libsa twila. Lanqas dawk tad-dubblett twil u kważi jkaxkar mal-art. Għalkemm aħna, dejjem bil-limitazzjonijiet kbar tagħna, irridu dejjem nagħtu l-ewwel pass. Kulħadd jista’ jagħti dik id-daqqa t’id. Kulħadd jista’ jagħti dik il-kelma ta’ kuraġġ.

Maħniex qiegħdin ngħidu ħwejjeġ kbar tafux. Imqar dak li jkun nisimgħu ftit. Imqar nistaqsieha jew nistaqsieh għandhiex jew għandux bżonn xi ħaġa. Senza interessi. Imma rridu iva nissuktaw ngħinu lil dan il-pajjiż jeċċella fil-ġenerożità. Dik il-ġenerożità li ma tagħmilx aħbarijiet. U lanqas tikser ir-rekord minn sena għall-oħra. Anzi! Lanqas għalfejn għandha tikser ir-rekords. L-għaliex hija rekord fiha nnifisha. Mhux rekord li ningħata bl-imħabba lejn min hu batut? Lejn min jitlobni l-għajnuna?

Bix-xift aħjar! Bis-sagrifiċċju aħjar! Bl-imħabba aħjar! Bir-rispett aħjar! Bil-ħniena aħjar! Bil-kelma t-tajba aħjar! Bil-għerf aħjar! B’kelma anqas aħjar! Bl-azzjoni milli bil-paroli fil-vojt aħjar! Bil-kuraġġ aħjar! Bis-sabar aħjar! Bid-dedikazzjoni aħjar! Bit-talb aħjar! Bil-maħfra aħjar! Bl-intenzjoni retta aħjar! Bil-mogħdrija aħjar!

Wara kollox, u dan qed jgħidu xi ħadd li ilu issa kważi 14-il sena jaħdem bix-xift, l-aqwa ħwejjeġ, l-isbaħ esperjenzi, l-aqwa tagħlimiet, l-akbar fejqan jiġri bix-xift. L-għaliex huwa meta nkun skomdu u skomda li ninfetaħ għal Ġesù fil-proxxmu tiegħi. U, għal darba, nibda’ napprezza. U mhux inqatta’ ġranet sħaħ indur u naqgħad, b’idejja fuq żaqqi. Ingerger u nparla kontra dik, dak u dawk, u ninjetta l-velenu madwari.

Iva sieħbi! Bix-xift … altru li aħjar!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: