Żewġ kotba fuq Giovanni Falcone u Paolo Borsellino

Print Friendly, PDF & Email

Xi xhur ilu l-kittieb u ħabib tiegħi mit-tfulija Robert Aloisio kiteb żewġ kotba tabilħaqq interessanti dwar l-Imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. It-tnejn li huma sfaw maqtula bl-aktar mod brutali mill-mafja. Iż-żewġ kotba jisimhom Falcone u Borsellino żewġ imħallfin li sfidaw il-mafja u Sfidaw lill-mafja u Dizzjunarju tal-mafja.

F’dan iż-żewġ kotba Robert Aloisio jitħaddet, fost l-oħrajn, dwar l-istorja tal-Imħallef Giovanni Falcone li l-mafja użat nofs tunnellata splussiv biex toqtlu. L-istorja tal-Imħallef Paolo Borsellino li wara li qatlu lil sieħbu Falcone kien jaf li kien imiss lilu fuq il-lista biex jisfa’ eliminat, u minkejja dan ma telaqx minn Sqallija. F’dawn iż-żewġ kotba nsibu wkoll l-istorja ta’ Rosaria, armla żagħżugħa li l-għajta tagħha fil-knisja, għajta ta’ maħfra u ġustizzja, għadha tidwi sal-lum. Inkluża fil-kotba hemm ukoll l-istorja ta’ Tommaso Buscetta, is-superboss tal-mafja, li wara li l-Corleonesi mafjużi qatlulu 12-il membru tal-familja tiegħu, fosthom tnejn minn uliedu stess, iddeċieda li jikkollabora mal-ġustizzja u hekk kixef quddiem kulħadd is-sistema mafjuża.

F’dawn il-kotba hemm ukoll l-istorja ta’ Totò Rina, li lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet reġa’ kien fl-aħbarijiet, “il capo dei capi”, li minn kriminal żgħir ta’ serq ta’ bhejjem spiċċa biex sar il-kap tal-mafja kollha ta’ Palermo. Robert Aloisio jittratta wkoll ir-rabta bejn il-mafja ta’ Sqallija u Malta. Jingħad li Totò Riina kien ikun spiss Għawdex, u li Giovanni Brusca, dak li għafas ir-remote u sploda lil Falcone ftit qabel kien ukoll Għawdex. Interessanti wkoll fil-ktieb hemm iż-żjara f’Malta tat-tliet ulied tal-Imħallef Borsellino, tliet xhur wara li qatlulhom lil missierhom. Meta kienu Malta Aloisio kien intervista lil min kien responsabbli li ġabhom hawn Malta. Fil-ktieb Robert Aloisio wkoll għandu intervista esklussiva ma’ Maria Falcone, oħt l-Imħallef Falcone, b’messaġġ lill-qarrejja u liż-żgħażagħ Maltin.

Kif kien mistenni ktieb ta’ dan il-kalibru xeraqlu bil-kbir tnedija dinjituża. Fil-fatt din saret nhar l-Erbgħa 19 ta’ Lulju, fl-istess ġurnata u ħin li fihom qatlu lill-Imħallef Borsellino, fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tad-Dar Ħanin Samaritan, Ċentru ġdid li s-Soċjetà tal-MUSEUM għandha f’Santa Venera, biswit l-Iskola St.Michael. Il-kelliema ewlenin għal din l-okkażjoni kienu Fr Kevin Schembri li studja l-Italja, li tkellem fuq ir-rilevanza ta’ Falcone u Borsellino fi żmienna, u l-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia li tkellem dwar l-esperjenza tiegħu, anki fiż-żmien li kien fil-pulizija, fir-rigward tal-mafja ta’ Sqallija, u l-kunċetti ta’ legalità u ġustizzja.

Waqt it-tnedija nqraw tliet siltiet mill-ktieb, waħda mill-kapitlu “DNA ta’ Tliet Għadmiet”, il-ġrajja tal-qtil tat-trejdunjonista Placido Rizzotto u warajh il-qtil tal-uniku xhud tal-qtil tiegħu, ir-ragħaj fqajjar ta’ 13-il sena Giuseppe Letizia li nqatel mit-tabib ta’ Corleone, li kien ukoll kap tal-mafja.

Inqara wkoll “id-diskors tal-imħabba” ta’ Paolo Borsellino. Xahar wara l-Istraġi ta’ Capaci, fit-23 ta’ Ġunju 1992, Borsellino fakkar lil sieħbu Giovanni Falcone quddiem madwar elf esponent tal-assoċjazzjonijiet antimafja ta’ Palermo, fil-bitħa ta’ Casa Professa, iċ-ċentru tal-Ġiżwiti ta’ Palermo.

Id-diskors ta’ Borsellino – emozzjonat, mingħajr diplomaziji, mingħajr lingwaġġ tal-avukati – kien interrott il-ħin kollu minn applawsi twal. Fi kliem l-Imħallef kien hemm it-toqol tal-preżenza ta’ traġedja li għadha kif twettqet u ta’ oħra li kienet waslet biex titwettaq. Kien l-aħħar intervent pubbliku ta’ Borsellino, xahar qabel qatlu lilu wkoll. Diffiċli fl-istorja kollha tal-Italja ssib diskors pubbliku b’din id-drammatiċità u idealiżmu.

Waqt it-tnedija tal-ktieb twassal il-messaġġ li l-ħajja hi tabilħaqq sabiħa. Fil-fatt-tnedija kienet imsebbħa bi tliet siltiet mużikali: is-silta operistika “Kavallerija Rustikana” li ġejja min-novella bl-istess isem miktuba mill-Isqalli Giuseppe Verga fl-aħħar tas-seklu dsatax, propju ftit wara li bdiet il-mafja ta’ Sqallija. Imbagħad kien hemm it-tema mill-film “La vita è bella” u l-kanzunetta “Go the Distance.” Is-siltiet kienu esegwiti minn mużiċisti żgħażagħ kapaċissimi. Fuq il-pjanu Matthew Xuereb ta’ 17-il sena, u bil-vjolin Kurt Falzon ta’ 14-il sena, u kantat Elise Xuereb.

Il-mara ta’ Borsellino, Agnese, ftit qabel ma ħalliet din id-dinja ħames snin ilu, kienet qalet hekk: “Li l-ħajja hija sabiħa, la vita è bella, għallimhieli Paolo tiegħi. Kien jogħġbu żgur il-film ta’ Roberto Benigni li jismu propju hekk, La vita è bella. Jirrakkonta kif tista’ toħroġ tant tama anke fejn jidher li mhemmx.” U s-serata ntemmet proprju bil-mużika ta’ dan il-film ta’ Nicola Piovani u filmat tal-kommemorazzjoni li saret f’Mejju li għadda fil-post fejn inqatel Falcone.

Fid-diskors tiegħu dwar l-imħabba Paolo Borsellino qal: “Giovanni Falcone kien jaħdem u kien jaf perfettament li l-forza tal-ħażen, il-mafja, xi darba kienet se toqtlu. Franċeska Morvillo kienet maġenb żewġha u kienet taf perfettament li kellha taqsam miegħu l-istess xorti. Il-pulizija tal-iskorta li kienu jipproteġu lil Falcone, kienu jafu perfettament li kellhom jieħdu sehem huma wkoll fl-istess xorti tiegħu. Għaliex ma ħarabx? Għaliex aċċetta din is-sitwazzjoni tremenda? Għaliex ma tfixklix? Għaliex kien dejjem lest iwieġeb lil kulmin kellu tama fih? Għall-imħabba! Ħajtu kienet att ta’ mħabba lejn din il-belt, lejn din l-art li nisslitu. Għax jekk l-imħabba hija fuq kollox u essenzjalment li tagħti, għalih, u għal dawk li kienu maġenbu f’din l-avventura meraviljuża, li tħobb lil Palermo u lil niesha kellu u għandu t-tifsira li jagħtu xi ħaġa lil din l-art, kulma kien u hu possibbli jagħtu mill-qawwiet morali, intellettwali u professjonali tagħhom biex itejbu lil din il-belt u lill-pajjiż li jappartjenu għalih.”

Fi kliem oħt Falcone, il-Professoressa Maria Falcone, li Roberto Aloisio għandu intervista magħha fil-ktieb tiegħu, hija tgħidilna hekk: “Liż-żgħażagħ u lill-istudenti kollha Maltin nawguralhom li ma jibżgħux. Il-libertà u d-demokrazija ma jistgħux jingħexu jekk wieħed jgħix fil-biża’. Minflok ‘biża’ daħħlu l-kelma ‘kuraġġ’, il-kuraġġ li kellu Giovanni ma kienx wieħed ta’ xi eroj ’il bogħod , iżda l-kuraġġ li tagħmel l-għażliet it-tajba anke jekk dawn ikunu diffiċli u tiksbu wara li tkun iddeċidejt “ma’ liema naħa se tkun’. Jekk tistgħu, tiżolawx ruħkom, imma aqsmu l-ħsibijiet ma’ xulxin u oħolqu xibka bejnietkom, sostnu lil xulxin u hekk jirnexxilkom tirrealizzaw dak il-futur imdawwal li jinsab f’idejkom.”

Għal Robert Aloisio Giovanni Falcone u Paolo Borsellino huma “żewġ irġiel ‘ta’ vera’, li l-kuraġġ u s-sens ta’ dover xprunawhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom, biex iwettqu sal-aħħar il-missjoni tas-sewwa. Hekk, Falcone u Borsellino ma jistgħux imutu, għax l-ideali tagħhom ta’ ġustizzja, ta’ ugwaljanza, tad-difiża ta’ min hu dgħajjef, tas-sens tad-dover, li tgħix biex tgħin lill-proxxmu, huma l-ideali tal-lum, l-ideali ta’ kull ċittadin onest”.

Jekk trid takkwista kopja taż-żewġ kotba Sfidaw lill-Mafja u Falcone u Borsellino miktuba minn Robert Aloisio, dawn jinsabu għall-bejgħ minn Say It, Ħal Tarxien u fi ħwienet oħra. Jekk issib xi diffikutla biex takkwistahom ikteb lil Say It Publications, 32, Tarxien Road, Paola jew ibgħat email lil robertaloisio@gmail.com

3 thoughts on “Żewġ kotba fuq Giovanni Falcone u Paolo Borsellino”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading