Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Flixkun tal-ilma fuq l-għatba

Flixkun tal-ilma fuq l-għatba


Niftakar kien jum sabiħ! Kif taf tagħmel ir-rebbiegħa li qiegħdin fiha. Wasalt minn impenn barra l-kunvent tal-‘ġebel’. L-għaliex, u fil-verità kollha, kont ġej mill-kunvent veru u proprju. Almenu għal San Franġisk Missierna hekk hu. Id-dinja ta’ barra! Fejn fiha iridna Papa Franġisku!

Tlajt fuq. Ħsibt li xejn ma kien se jiġri. U, iva, hekk kif niġi eżatt quddiem bieb kamarti, nara flixkun aħdar tal-ilma bil-gas. Għall-ewwel ma riedtx nemmen lil għajnejja. Mhux l-għaliex imħabba fil-kunvent ma nirċevix tafux! Anzi! Nirċievi fuq li nirċievi! Imma din ħej, tal-flixkun tal-ilma, tassew li daħlet f’qalbi. U tagħtni seba’ ħajjiet!

Il-Patri li jieħu ħsieb żaqqna ħaseb fija. U ħaseb fija b’mod mill-isbaħ. Irrid ngħid, bl-ifjen mod! Kien jaf x’inħobb. U, mingħajr ħafna kliem, baċellerati, liċenzjati u dottorati, wieġeb b’ġenerożità liema bħala għal dak li nħobb. Insomma! Wieġeb eżattament b’imħabba ta’ omm!

Dan il-ġest mill-isbaħ ħa nibqa’ niftakru tul ħajti kollha. L-ewwel nett l-għaliex hu ġest imqaxxar evanġeliku. Ġesù jgħallimni nħobb bl-eżempju. U mhux bit-tpaċpiċ. U, biex tkompli tagħqad, l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann tgħid dawn il-preċiżi kelmiet:

Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta’ dejjem. B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih? Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa (1 Ġw 3:14-18).

Dan il-Patri, fis-sempliċità u t-tjubija kbira tal-Mulej fih, b’dan il-flixkun aħdar li ħallieli wara biebi, għallimni li mhux talli m’għandix inkun aħdar talli għandi nkun ilma tajjeb u nfexfex. U, inkun tajjeb u nfexfex mhux bil-kliem! Lanqas bl-artikli! Inkella bil-programmi jew bir-recordings! In-nies illum ma jemmnux wisq bil-priedki. In-nies jikkonvinċu ruħhom bl-eżempju!

Nista’ jien qatt ninsa’ f’ħajti x’ħassejt meta rajt dak il-flixkun aħdar wara biebi? Kemm ħassejt imħabba, attenzjoni, kura, ħniena, mogħdrija u, fuq kollox, apprezzament ġejjin lejn qalbi minn qalbi dan il-Patri qaddis! Iva. Ħa ngħidha! Għax veru! Din hi l-qdusija! Għax min hu qaddis iħenn għalik. U jħenn għalik għax jaf kemm il-Mulej iħenn għalih kontinwament. Min hu qaddis iħenn! U jħenn minn qalbu! L-għaliex jidħol fiż-żarbuna tiegħek! U tiegħi!

Kemm ħadt gost li dan l-att ta’ mħabba seħħ fil-ġimgħa tan-novena tal-Ħniena Divina! X’jgħidilha Ġesù lil Santa Fawstina fuq l-atti ta’ ħniena? Binti, ħares fil-Qalb Ħanina Tiegħi u rrifletti l-kompassjoni tagħha fil-qalb tiegħek u fl-għemejjel tiegħek, sabiex inti, li qiegħda xxandar il-ħniena Tiegħi lid-dinja, inti stess tkun qiegħda taqbad bin-nar tagħha (Djarju, 1688).

Darba minnhom Santa Fawstina tirrakkonta din l-esperjenza biex turi kemm Ġesù jridna tassew nħennu għal xulxin b’mod prattiku ħafna.
Illum ġie Ġesu’ fil-bieb prinċipali tagħna, fil-forma ta’ żagħżugħ fqir. Dan iż-żagħżugħ, mixrub, ħafi u rasu mikxufa, bi ħwejġu mqattgħin, kien iffriżat għax il-jum kien kiesaħ u bix-xita. Ried xi ħaġa sħuna x’jiekol. Għalhekk mort fil-kċina, imma ma sibt xejn hemmhekk għall-foqra. Imma, wara li bqajt nfittex ‘l hemm u ‘l hawn għal ftit ieħor, irnexxieli nsib ftit soppa, li rġajt saħħantha u fittitt fiha ftit ħobż, u tajtha liż-żagħżugħ fqir li kielha. Filwaqt li kont qiegħda neħodlu l-iskutella Hu għarrafni li kien is-Sid tas-sema u tal-art. X’ħin rajt min kien, għeb minn quddiemi. X’ħin erġajt dħalt u qgħadt naħseb fuq dak li kien ġara ħdejn il-kanċell, smajt dan il-kliem ġewwa ruħi: Binti, il-barkiet tal-foqra li jberkuni filwaqt li jitilqu minn dan il-kanċell waslu f’widnejja. U l-mogħdrija tiegħek, fil-limiti tal-ubbidjenza, għoġbitni, u għalhekk Jiena nżilt mit-tron Tiegħi – biex induq il-frott tal-ħniena tiegħek (Djarju, 1312).

Nibqa’ inbierku lil dan il-Patri tul ħajti kollha! L-għaliex ħabbni b’ġest żgħir! Imma magħmul b’imħabba kbira! O kemm fik imħabba ja flixkun ilma fuq l-għatba!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: