Prosit! Brava! Qed tagħmlilna unur!

Print Friendly, PDF & Email

Ma jiġix Sibt, inkun fejn l-Ispirtu s-Santu jitfagħni biex inkun, li ma nsibx Canale 5 biex naraha. Nissapportjaha. U iva, nitlob għaliha. Ħalli l-Mulej jibqa’ jkabbrilha dan it-talent kbir li taha!

Sirt nafha b’xi ħbieb Taljani li naf. Rari nara t-televiżjoni. M’għandix dak il-ħin li noqgħod narah. Imxaħxaħ fuq xi sufan. Is-sufan tal-ħajja ta’ kuljum iżommni okkupat. U fuqhekk aqta’ kemm hi fil-paċi l-kuxjenza tiegħi! Għax hekk iridni l-Mulej Ġesù! U anki Papa Franġisku! U, f’każ li naqbad se ninsa’ dan, tibżax, għax malajr ifakkarni bikom! U tagħmlu sewwa ħafna li tfakkruni. Intant…

Imma għaliha għandi dak il-ħin li naraha tkanta. U, kif qaltilha Paula Turci u oħrajn, fija, meta naraha, tqajjimli emozzjoni. Anzi! Ispirazzjoni! Dik l-ispirazzjoni li, ala Taljana, ngħidilha, sempliċiment: buttati! Kemm sibt min jipprova jżommni milli noħroġha din l-emozzjoni ta’ buttati! Forsi l-għaliex, għal xi wħud, dan itellef il-magħruf bilanċ! Imma, u skużi ta, x’billanċ hu? Il-bilanċ ta’ ħamsa u ħamsa li jagħmlu għaxra? U mela l-bilanċ fil-ħajja huwa simetriku? Oh kemm hi kerha u tinten il-ħajja li fiha kollox ikun eżatt! X’riħa immuffata jkollha hux!

Le ħbieb! Il-ħajja m’hijiex bilanċ simetriku. Il-ħajja hija avventura f’dak li hu sabiħ. Hija telqa f’dak li hu s-Sabiħ. U, fil-mod ħelu tagħha, dan inħoss li qed tagħmel b’tant bravura l-brava, anzi bravissima, Emma Muscat. Minn puntata għall-oħra ta’ Amici dejjem qed naraha żżid dik il-fiduċja fiha innifsha. Jew aħjar, u biex inkun aktar eżatt, dejjem qed naraha tintelaq f’dik il-Qawwa li hemm tgħix fiha. Iva! Fl-Ispirtu s-Santu li jdoqq u jkanta fiha u biha!

L-emozzjoni li toħroġ b’tant qawwa mid-diski sbieħ li tkanta Emma m’hijiex sempliċiment waħda reazzjonarja. Le! Iżda hija emozzjoni ta’ ħajja. F’kull kanzunetta li tkanta Emma int u jien nistgħu nduqu l-ħajja. Il-ħajja kif ngħixuha. Kif ngħaddu minnha. Kif jagħmilhilna ħaddieħor. Imma, u din hija importantissima, kif int u jien inħallu dak id-dawl dejjiemi ta’ faraġ, kuraġġ u tama li jmexxina fiha!

F’Emma ninnota l-kalma. Naf. Mhux dejjem faċli li iżżommha. Ajma! L-aktar meta jkun hemm dik l-imbierka, għax aħjar insejħilha hekk, eleminazzjoni! Kemm apprezzajt il-ġest ħelu tagħha meta f’puntata minnhom fejn hi u Carmen kienu qiegħdin jikkontestaw l-erba’ provi tal-cavallo, Emma tagħna għannqet lil Carmen. Brava Emma! Hekk! X’tagħlima kbira tajtni għal ħajti f’dak il-waqt! Ħbieb, f’mumenti ta’ tensjoni fil-ħajja ejjew ningħaqdu aktar bejnietna u mhux nagħmlu minn kollox biex ninfirdu minn xulxin! Brava Emma li għallimtni din it-tagħlima kbira u mportanti ħafna għal ħajti!

Imbagħad, xi ħaġa li nammira f’Emma, hija l-kapaċità kbira li l-Mulej taha mhux biss għax żejjinha b’vuċi sabiħa imma wkoll għall-abbiltà kbira li taha li ddoqq il-pjanu. Darba Maria Cristina Mena, kittieba Messicana tal-istejjer qosra, kienet qalet hekk: “In-noti tal-pjanu huma suwed u bojod. Imma jinstemgħu bħal miljuni ta’ kuluri f’moħħok”. U hija eżattament din l-esperjenza li jiena nħoss meta nisma’ lil Emma ddoqq il-pjanu u tkanta miegħu. Iva. F’moħħi u f’qalbi jiġuni miljuni ta’ miljuni ta’ kuluri, emozzjonijiet, ispirazzjonijiet, esperjenzi. L-għaliex Emma, bit-talent kbir li l-Mulej żejjinha bih, tgħaddili dawn il-ħsibijiet. U għalija, li jien dilettant għalkemm minix professjonist f’dan il-qasam, iġġagħlni nħossni sewwa ħafna mal-Imgħallem, mal-oħrajn u miegħi innifsi.

Personalment ma nafx kif ħa jkun il-vjaġġ ta’ Emma f’Amici. Imma għalija Emma tagħna, għax hekk inħobb nsejħilha, għamlet diġà suċċess kbir. U għalija s-suċċess li għamlet Emma jinsab fil-kanzunetta Vivo per lei, li, fl-1995, fis-sena meta spiċċajt in-novizzjat tiegħi mal-Patrijiet Kapuċċini, Andrea Boccelli kien irrekordja ma’ Giorgia Todrani għall-album tiegħu Boccelli. Xi kliem għandha din il-kanzunetta! Għalija, f’din il-kanzunetta, hemm is-sigriet tas-suċċess ta’ Emma u ta’ kull min jingħata b’ruħu u b’ġismu għall-mużika bħalha!

Għażiża Emma grazzi minn qalbi ta’ dak li int u ta’ dak li qed tagħmel għal pajjiżna fuq Canale 5. Grazzi li int, fis-sempliċità tiegħek, qed tkun mediċina ta’ ferħ, serħan, kuraġġ u tama għall-pajjiżna. Ibqa’ kanta minn dak li hemm ġewwa fik. Għax dak li hemm fik huwa Alla li jgħix fik. Huwa l-Ispirtu s-Santu! Mela ibqa’ ħallieĦ jaħdem fik u bik bil-kant. Ibqa’ ħu l-pariri ta’ Paola Turci, Rudy Zerby, Carlo di Francesco, Giusy Ferreri, Alessandra Celentano, Garrison Rochelle, Bill Goodson, Veronica Pepparini u l-bqija. U, immedita kuljum il-kliem tad-diska ta’ Boccelli Vivo per lei. U issa ħa nagħtik sigriet biex tkun dejjem, dejjem, dejjem, … Emma: Qabel tkanta lill-Ispirtu s-Santu għidlu hekk, b’fidi: Spirtu s-Santu, IĊĊARĠJANI! U oħroġ kanta!!!!!!!

Għażiża Emma, prosit! Brava! Qed tagħmlilna unur kbir! Il-Mulej ibierkek!

One thought on “Prosit! Brava! Qed tagħmlilna unur!”

  1. Proset fr. Vera inhosom ta ghajnuna. Grazzl. NITLOB GHALIK. Itlob.ghalija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading