L-Isqof Mario Grech, fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, waqt Quddiesa fil-Katidral ta’ Għawdex


Il-Ħadd 20 ta’ Mejju 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, waqt Quddiesa fil-Katidral ta’ Għawdex.

Bil-kortesija ta’ Radju Katidral. Ritratt: George Scerri.

DSC_5218

L-ISPIRTU S-SANTU: DON LILL-IMQARBIN

Ftit ilu ltqajt ma’ żewġ ġenituri mħassba dwar it-tifel tagħhom li dalwaqt ser jirċievi s-sagrament tal-Griżma. Qaluli li binhom huwa settier u ma jistgħux isibu tarfu. Fil-fehma tagħhom dan għandu difetti kbar: jigdeb, jidgħi, jirrispondihom, imissilhom il-flus u jerfa’ jdejh fuq ommu. Biex tkompli tagħqad, dan ifalli d-duttrina u ma jkunx irid imur il-quddiesa. Fuq kollox, dan it-tifel huwa sajjem ħafna dwar il-Vanġelu – ftit li xejn jaf duttrina. Ta’ ġenituri responsabbli, staqsewni jekk għandhomx jippreżentaw lil binhom għall-Griżma!

Fissirtilhom li l-Ispirtu s-Santu mhux ir-rigal għal dawk li huma bravi jew perfetti. L-Ispirtu s-Santu huwa don mogħti gratwitament minn Ġesù lill-Knisja biex min hu mqareb isib it-triq u l-paċi!

Ġesù ma bagħatx l-Ispirtu s-Santu fuq il-qaddisin, imma fuq bnedmin dgħajfa biex jgħinhom jegħlbu l-limiti tagħhom. Fil-fatt, meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli, fosthom kien hemm min kellu d-dubji dwar Ġesù, min ma fehemx il-grajja tal-Kalvarju, min ċaħdu. Għax beżgħu li l-folla tassoċjahom mal-Imsallab, ingħalqu fiċ-Ċenaklu. Għalkemm kienu ilhom tliet snin ma’ djulu, kienu għadhom ma fehmux ħafna minn dak li kien qalilhom! Safrattant, Ġesù ma jparparhomx u lanqas iċanfarhom, imma, konxju miċ-ċkunija tagħhom, jibgħatilhom il-“Paraklitu”, li jfisser wieħed li jgħinhom (Ġw 15:26). Ġesù bagħtilhom lill-Ispirtu s-Santu biex ikun “qrib tagħhom” u qatt kontra tagħhom – ukoll xħin qalbhom takkużahom, ikun hemm xi ħadd li hu akbar minn qalbhom u jiddefendihom.

Kif jgħallem Sant’Atanasju, “il-Verb [Ġesù] sar bniedem biex seta’ jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu”. U San Xmun jikteb li “dan kien l-għan u d-destinazzjoni tal-opra tas-salvazzjoni li wettaq Kristu: biex dawk li jemmnu, jirċievu l-Ispirtu s-Santu”. Fil-fatt, l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna – jgħinna biex inrabbu l-muskoli ħalli nkunu nifilħu. Għalhekk, meta niġu konxji mid-dgħufijiet tagħna, ma naqtgħux qalbna, għax Kristu ħa ħsieb li jibgħatilna lil min jieqaf magħna. L-Ispirtu s-Santu mhux rigal għal min wasal fid-destinazzjoni, imma għalina midinbin li għadna nterrqu, biex jgħinna noħorġu mid-dnub tagħna! L-Ispirtu s-Santu, li jibqa’ dejjem magħna (Ġw 14:16), huwa l-garanzija li Ġesù qed jagħtina.

Insib interessanti dak li Ġesù jgħid lill-Appostli: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom” (Ġw 16:12); imma mbagħad jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu biex ifakkarhom u jgħallimhom il-verità. Hekk ukoll jagħmel magħna. Għalhekk, jekk xi ħadd fostna jħoss li ma jafx il-Vanġelu jew iħoss li xi passaġġi mill-Vanġelu huma tqal għalih għax ma għandux il-ħila jpoġġi fil-prattika dak kollu li għallimna Ġesù, dan ma għandux jaqta’ qalbu. Ġesù nnifisu, konxju mil-limiti tagħna, jgħidilna li hemm verità li “għalissa ma nifilħux għaliha” – fis-sens li ma aħniex spiritwalment maturi biżżejjed biex napplikaw dan it-tagħlim f’ħajjitna. Għalkemm l-esiġenzi tal-Vanġelu huma dawk li huma, hawnhekk Ġesù qed jirrakkomandalna biex nagħmlu dak li nistgħu – biex nagħmlu t-tajjeb li hu possibbli. Imma jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina, għad jiġi żmien meta bl-għajnuna tal-grazzja nkunu nistgħu ngħixu aħjar il-verità.

Mill-esperjenza kemm tiegħi personali u kemm tagħkom, naf li fil-ħajja hemm mumenti fejn naħbtu naqtgħu qalbna għax ma jirnexxilniex nagħmlu tagħna l-ideali kollha tal-Vanġelu. Hemm ċerti passaġġi fil-Vanġelu li ma humiex ħfief biex ngħixuhom; anzi, ġieli frott id-dgħufija tagħna nagħmlu għażliet irreversibbli li ma jkunux jaqblu mal-Vanġelu. Illum, Festa ta’ Għid il-Ħamsin, irrid nagħmlilkom kuraġġ. Kristu nnifsu qalilna li hemm veritajiet li temporanjament ma nifilħux nerfgħuhom, imma jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu jgħinna nkomplu nissaħħu spiritwalment, bid-dawl u l-għajnuna tiegħu nkunu nifilħu nilqgħu l-verità. Jekk “għalissa” l-verità oġġettiva tidher ’il bogħod u forsi wkoll li ma tistax tintlaħaq, aħna xorta għandna nibqgħu nimmiraw lejha u nittamaw li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu xi darba naslu biex nagħmluha tagħna. L-Ispirtu s-Santu mhux biss dak li jiddefendina kontra l-Ħażin, imma wkoll quddiem Alla.

Ġesù jgħidilna wkoll li l-Ispirtu s-Santu “jħabbrilna l-ġejjieni” (Ġw 16:13). Dan ma jfissirx li l-Ispirtu s-Santu ser jgħidilna x’ser jiġri għada jew il-ġimgħa d-dieħla. Alla ma jimxix hekk. Pjuttost dan ifisser li l-Ispirtu jgħinna ngħixu r-rieda ta’ Alla f’ċirkustanzi tal-ħajja li dejjem qed jinbidlu. B’daqshekk mhux qed ngħidu li t-tagħlim ta’ Kristu jinbidel u lanqas ma qed nammettu xi għamla ta’ relattiviżmu. Imma ċ-ċirkustanzi tant jinbidlu li neħtieġu mod ġdid kif ngħixu l-Vanġelu. Ma nistgħux nagħtu tweġibiet qodma u diġà maħduma għal sfidi li qed jinbtu llum! L-Ispirtu s-Santu jgħinna nsibu tweġibiet ġodda għal realtajiet ġodda.

Forsi jkun hemm minn jibża’ quddiem din ir-responsabbiltà. Hawn min aktar jippreferi japplika s-soluzzjoni li jkun ta ħaddieħor fl-imgħoddi, milli jindaga biex isib risposta ġdida. Sitwazzjonijiet inediti jitolbu risposti inediti. Tajjeb niftakru li dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, il-Lhud kienu qegħdin jagħtu bidu għal ċelebrazzjonijiet biex ifakkru meta Alla ta l-Liġi lil Mosè fuq is-Sinaj. Imma proprju f’Għid il-Ħamsin, il-Liġi miktuba fuq it-twavel (flimkien ma’ dik elaborata mill-bnedmin) ċediet postha lill-Ispirtu s-Santu li jikteb il-Liġi l-ġdida fil-qlub tal-bnedmin! Dan hu l-kuntrast tal-ġdid li ġabilna Kristu: l-Ispirtu s-Santu ma jħalliniex ilsiera tal-liġi, imma jagħtina l-ħelsien. Lin-nies tal-Galazja, l-Appostlu Pawlu jgħidilhom li “Ġesù ġie biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi” (Gal 4:4); filwaqt li lir-Rumani jiktbilhom: “Intom li tfittxu l-ġustifikazzjoni fil-liġi, intom maqtugħa minn Kristu, intom twarrabtu mill-grazzja” (Rum 8:2).

Dan ma jfissirx li nagħmlu li jfettlilna, imma l-Ispirtu jagħtina d-dawl biex insibu mod ġdid kif ngħixu l-Kelma ta’ Kristu. Għalhekk huwa importanti ħafna d-dixxerniment li dwaru jisħaq ħafna l-Papa Franġisku. Id-dixxerniment neħtiġuh biex insibu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalina fiċ-ċirkustanzi li dejjem jinbidlu. “Dan jirriżulta partikularment importanti meta fil-ħajja tagħna sseħħ xi ħaġa ġdida, u allura rridu ngħarblu jekk hix l-inbid il-ġdid li ġej minn Alla jew xi aspett ġdid qarrieq tal-ispirtu tad-dinja jew tal-ispirtu tax-xitan. F’okkażjonijiet oħra jseħħ bil-maqlub, għax il-qawwiet tal-ħażin jipperswaduna biex ma nibdlu xejn, biex inħallu kollox kif inhu, biex nagħżlu l-immobiliżmu u r-riġidità, u allura ma nħallux lill-Ispirtu jaħdem bin-nifs tiegħu” (Guadete et exultate, 168). Għandna bżonn nitolbu bil-fiduċja lill-Ispirtu s-Santu jagħtina d-don tad-dixxerniment u “fl-istess waqt nagħmlu mezz nikkultivawh bit-talb, ir-riflessjoni, il-qari u l-pariri tajba, [ħalli] żgur li nkunu nistgħu nikbru f’din il-ħila spiritwali” (ibid., 166).

Għalhekk ma għandna naqtgħu qalbna qatt. Bl-Ispirtu s-Santu magħna, ebda persuna li għandha rieda tajba ma hija irrekuperabbli u ebda sitwazzjoni, kumplessa kemm hi kumplessa, ma tibqa’ bla soluzzjoni. Ħa nsejħulu lill-Ispirtu s-Santu fit-talb ħerqan biex waqt li nitolbuh jagħtina d-doni tiegħu, ħalli gradwalment insiru nafu l-verità kollha li għallimna Ġesù, jgħinna wkoll insibu mod ġdid u frisk kif ngħixu l-Vanġelu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.