Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018, Aħbarijiet > ‘Il-ħniena li l-Mulej juża’ miegħek nitolbok tużaha mal-poplu tiegħek’ – L-Arċisqof lill-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien

‘Il-ħniena li l-Mulej juża’ miegħek nitolbok tużaha mal-poplu tiegħek’ – L-Arċisqof lill-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien


Il-Ġimgħa, 25 ta’ Mejju 2018: Quddiesa tal-pussess ta’ Dun Christopher Ellul bħala l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.

425613-740xnone-e1527776770713.jpg

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Tarxien

Kull meta tħares lejn il-poplu ta’ Ħal Tarxien —li llum huwa afdat f’idejk bħala ragħaj, missier u parti mill-familja— ftakar fl-isem għażiż li tawk ommok u missierek, Christopher: dak li jwassal u jġorr lil Ġesù, dak li jġorr lil Kristu f’qalbu biex iwasslu lil kull persuna li jiltaqa’ miegħu. Inti Christopher! Is-sejħa tiegħek mogħtija bl-isem għażiż tal-Magħmudija, illum issir ukoll programm għax-xogħol tiegħek bħala ragħaj, dak li twassal il-Kelma tal-Mulej.

Għax kif smajna fl-Ewwel Qari m’għandekx għalfejn tinkwieta li għadek żgħir għax malajr jgħaddu s-snin u ma tibqax żgħir, imma l-Mulej, bħalma qal lill-profeta Ġeremija: “Inti tmur kull fejn nibagħtek” (Ġer 1:7). Il-Mulej bagħtek Ħal Tarxien, kont is-Siġġiewi, apprezzat u maħbub, u issa apprezzat u maħbub hawnhekk ukoll għax lill-isqof mhux biss l-inkwiet jasallu imma anke l-affarijiet is-sbieħ. Nixtieq nirringrazzja lill-poplu ta’ Ħal Tarxien talli laqgħek: għeżież Tarxiniżi, grazzi talli lqajtu lil Fr Christopher.

“Tmur kull fejn nibagħtek,” jgħidlek il-Mulej, “u tgħid kulma nordnalek” u mhux dak li jiġik f’moħħok imma dak li jridna ngħidu l-Mulej. “La tibżax minnhom għax jien miegħek biex neħilsek” (Ġer 1:8). Ir-ragħaj ma jistax jibża’; ir-ragħaj għandu messaġġ u jrid iwasslu anke meta il-prezz ikun naqra mielaħ, ikun naqra għoli. U l-Mulej imisslek fommok u jgħidlek: “Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok” (Ġer 1:9).

Illum il-Mulej iqiegħdek mhux sultan fuq il-ġnus u s-saltniet imma qaddej għall-ġnus u s-saltniet. U l-missjoni tidher stramba għaliex Ġeremija jgħid: “Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla’ u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel” (Ġer 1:10). Inti trid taqla’ u ġġarraf il-vizzji, il-mibegħda, il-firda, is-saltna ta’ Satana. Inti trid teqred u tħodd it-tempji tal-allat foloz li hemm fil-qlub tagħna, imma trid tibni s-saltna ta’ Alla u tħawwel il-mixtla tal-ġustizzja. Inti għad tibni għamara li jidħol fiha ħaddieħor u tħawwel siġar li jitpaxxa bihom ħaddieħor imma dak huwa d-distakk li l-Mulej irid għalih, għax ix-xena ta’ din id-dinja tgħaddi u aħna magħha.

Waqt li inti tħares lejn l-istatwa grazzjuża tal-Lunzjata u lejn l-inkawtru ħelu tat-titular, ftakar li kemm dik il-mara rżina u kemm it-tarbija li hemm fil-ġuf tagħha t-tnejn li huma qalu l-istess kelma li smajna fis-Salm Responsorjali: “Hawn jien ġej nagħmel ir-rieda tiegħek”. Il-Madonna qalitha lill-anġlu (ara Lq 1:38) u fil-misteru tal-inkarnazzjoni l-Iben ta’ Alla qal ukoll lill-Missier: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10:9).

Inti biex tagħmel dan kollu trid tisma’ dak li qallek l-appostlu Ġakbu dwar is-sabar ta’ Ġob (ara Ġak 5:11). Fr Christopher, tgħallem ħu paċenzja, in-nies imxi magħhom; huma jieħdu paċenzja bik u inti ħu paċenzja bihom għax il-paċenzja mhijiex ‘one way’ imma ‘two way’. Irridu nieħdu paċenzja b’xulxin u lkoll kemm aħna rridu niftakru fis-sabar ta’ Ġob għaliex il-Mulej jaf jagħder u ħanin bil-bosta u int trid tkun xbieha ta’ din il-ħniena u ta’ din il-mogħdrija.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann ifakkarna fix-xewqa kbira ta’ Ġesù li nkunu maqgħudin fih, aħna min aħna, aħna minn fejn ġejjin, ilkoll kemm aħna, la aħna mgħammdin fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, ilkoll irċevejna din il-barka ta’ Ġesù li swietlu ħafna: l-għaqda ta’ bejnietna. U l-glorja li hi tiegħu, li kellha wkoll il-prezz tas-salib, hija mogħtija lilna. Ftakarha din il-ħaġa, għażiż Arċipriet, il-glorja ta’ Ġesù mhiex qiegħda biss fl-affarijiet solenni u sbieħ li niċċelebraw, il-glorja ta’ Ġesù hija wkoll kull fejn hemm it-tbatija. Meta tidħol ġo dar fit-tberik, jew f’mument ta’ luttu, jew ta’ qtigħ il-qalb u tilmaħ is-salib tal-Mulej, ftakar li qed tiltaqa’ wkoll mal-glorja tas-Salvatur. U l-glorja ta’ Ġesù ssir ukoll il-glorja tiegħek, il-glorja li jagħti l-Missier lill-qaddejja fidili tiegħu.

Il-Mulej diġà talab għalik. Il-Mulej, bħalma qal lil Pietru f’xatt l-għadira ta’ Tiberijade jew tal-Galilija, “jaf min inti jaf ukoll il-qiegħan nett tal-intimu tiegħek”. M’għandekx tibża’ minnek innifsek għax min sejjaħlek iħenn għalik, min sejjaħlek iħobbok ħafna. Imma l-ħniena li juża’ miegħek nitolbok tużaha mal-poplu tiegħek. Aħna s-saċerdoti, jekk għandna privileġġ huwa li nwasslu l-ħniena li l-Mulej wera magħna. U meta ngħidu ‘ħenn għalina’ ikun ħenn għalina, mhux għalihom, imma għalina wkoll. U din il-ħniena wassalha b’kull ġest tiegħek, bil-kelma tiegħek, bit-tgħanniqa safja tiegħek, bl-interess li tieħu f’kulħadd bħalma naf li diġà qiegħed tagħmel. Qis li fil-qalb tiegħek ikun hemm spazju għal kulħadd, b’mod speċjali għall-imbegħdin.

Itlob ħafna biex il-morda, bis-sofferenza tagħhom, isostnuk. Barka li nixtieq nitlob fuqek hija li fil-parrrokkat arċipretali tiegħek, il-Mulej ibierek lil din il-parroċċa bil-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża u għas-Sagrament taż-Żwieġ. Dawn huma sejħat li jibnu lill-komunità. Din il-parroċċa għażiża u antikissima, li għandha l-preġju li tħaddan fost l-iżjed ġebel antik tal-gżejjer tagħna, għandha l-vokazzjoni li tibqa’ tempju tal-preżenza tal-Mulej. Marija l-Lunzjata hija dan is-sinjal tal-mara li ġġorr il-Mulej. Hi ġġorr lill-Mulej għaliex ġarritu fil-ġuf tagħha. Inti ġġorr lill-Mulej bħala ragħaj biex twasslu u taqsmu ma’ ħutek, mal-membri tal-merħla ta’ Alla afdata lilek. Inti t-theotokos, inti l-Christos. Nawguralek Fr Chris u lilkom it-Tarxiniżi m’hemmx għalfejn ngħidilkom: ħudu ħsiebu! Qed ngħidilkom quddiem ommu u missieru. Il-paċi magħkom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 1, 4-10
Salm: 39
Qari II: Ġak 5, 9-12
Evanġelju: Ġw 17, 20-36

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: