L-Evanġelju tal-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 10, 1-12

Jekk il-ħajja tan-Nisrani tkun bla tiġrib, xi ħaġa mhix sewwa. San Mark ibda t-tiġrib ta’ Ġesù mill-awtoritajiet tal-Lhud war l-ewwel ftit kapitli. Mill-ewwel jurina li Ġesù huwa l-persuna skomda li l-Fariżej u sħabhom kienu jaraw bħala theddida għall-awtorità tagħhom.

X’kienet il-problema? Meta Ġesù qalilhom biex iroddu lil Alla dak li hu ta’ Alla, ma kienx qed jiċċajta, u tant ma kienx qed jiċċajta li tul il-ministeru tiegħu fuq din l-art, dan hu sewwa sew li pprova jagħmel. Il-bnedmin b’xi skuża jew oħra, jippruvaw dejjem jieħdu f’idejhom lill-bnedmin l-oħra, u dak li hu tagħhom bi dritt biex jiddisponu huma minnhom u minnu minflok il-Ħallieq u s-Sid ta’ kollox. Dan jagħmluh biex iroxxu l-bżar li mhux tagħhom fuq l-għajnejn ta’ minn jixtiequ jaħtfu taħt idejhom, u l-bnedmin, ħafna drabi b’moħħ dgħajjef u b’qalb magħluqa, jħallu l-bżar jaqa’ fuq għajnejhom mingħajr ma mqar jindenjaw ruħhom ixommu r-riħa tal-bżar qarrieq.

Kien hekk minn dejjem u donnu li hekk se jibqa’. Ma nistgħaġibx li jkun hemm min jipprova jqarraq bi bżar ħaddieħor iżda nistgħaġeb ħafna kif ikun hawn min iħalli tunnellati ta’ bżar jaqgħu fuq għajenjh miftuħa beraħ. Hekk kien minn kemm ilu jeżisti l-bniedem u hekk donnu se jibqa’. Il-ftit li jqiegħdu l-pala ta’ idhom bejn il-bżar u għajenjhom huma meqjusa l-boloh li ma japprezzawx il-bżar imxerred fquhom bi grazzja kbira minn min irid jaħkmilhom saħansitra l-kuxjenza tagħhom.

Il-Fariżej marru għand Ġesù, bl-argument tal-liġi dwar id-divorzju. Probabilment marru quddiemu b’ħafna nkini u b’umiltà falza li tinxtamm minn seba’ mili bogħod. It-tweġiba għall-mistoqsija tagħhom kienu jafuha huma u kien jafha kulħadd. Iżda la marru quddiem Ġesù b’din il-mistoqsija riedu juruh f’dawl ikrah quddiem min jisimgħu; jekk Ġesù jgħid li sewwa li raġel jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra ikun qed jeħodha kontra l-kelma tal-awtur tal-Ġenesi li dak li Alla ħalaqhom u għamilhom mhux tnejn imma ġisem wieħed u jekk jgħidilhom li mhux sewwa jkun qed jeħodha kontra l-ordni ta’ Mosè (Dewteronomju) u min ried jiddivorzja jarah bħala għadu tiegħu, dak li ma jridx iħallih jagħmel li jrid.

Iżda lil Ġesù ma jbeżżgħuhx in-nassi tagħhom. Għalih l-abjad huwa abjad u l-iswed huwa iswed. Il-bniedem, inkluż Mosè, jista jiipprova jibdel dak li Alla jgħid, iżda dak li Alla jgħid ma jsirx falz jew gidba għax xi ħadd iddeċieda hekk. Il-bniedem li jgħid il-verità u jsib min igiddbu, mhux se jbiddel il-verità għax ħaddieħor jipprova jdawwarlu diskorsu u jgiddbu. Aħseb u ara Alla stess. Il-gideb u t-tagħwiġ tal-verità ma jbiddilx il-verità. Tista tidher mibdula, tista’ tidher barra minn żmienha, kultant tista’ tidher ħarxa, iżda il-verità ta’ Alla, il-verità ta’ Alla tibqa.

Dan mhux biss dwar iż-żwieġ u d-divorzju, iżda f’kull ħaġa li xi bnedmin jippruvaw jisirqu minn idejn Alla biex juru l-ġenerożità tagħhom fit-tixrid tal-bżar tagħhom. Hija t-tentazzjoni tal-bnedmin li jinqdew b’dak li hu ta’ Alla biex jogħllu l-pedestalli li jżommuhom fil-għoli. Hija t-tentazzjoni tal-bnedmin, li f’kull żmien, fil-Knisja u barra minnha, jippruvaw jinqdew bil-ħorġa tal-imħabba u l-ġenerożità ta’ Alla, biex jiggranfaw iżjed u iżjed setgħa u ġid għalihom infushom.

Iblah f’għajnejn Alla mhux min jagħmel dan; l-iblah f’għajnejn Alla hu min iħalli lil min jiggranfah u jisraqlu saħansitra ruħu bil-qerq ta’ moħħu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading