“L-Ewkaristija hija l-ikel tal-pellegrini” – L-Arċisqof f’Corpus

Print Friendly, PDF & Email

3 ta’ Ġunju 2018: fid-9:30am, l‑Arċisqof iċċelebra Pontifikal fis‑Solennità tal‑Ġisem u d‑Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi) fil‑Katidral tal‑Imdina, flimkien mal‑Kapitlu. Waqt l-istess Quddiesa ħadu wkoll sehem is‑saċerdoti li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali mill‑ordinazzjoni tagħhom. Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof mexxa purċissjoni bl‑Ewkaristija mat‑toroq ewlenin tal‑Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina

“Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!” (Lhud 9, 13-14). Din il-liturġija ta’ din is-sena, it-tieni sena fiċ-ċiklu tat-tliet snin, l-Iskrittura li tippreżentalna l-Knisja tfakkarna f’dan il-misteru kbir tal-qawwa tad-demm ta’ Ġesù.

Is-solennità li nfakkru ta’ kull sena hija s-solennità tal-Ġisem u d-demm ta’ Kristu. Il-liturġija din is-sena tagħtina l-oppportunità nieqfu ftit b’sens kbir ta’ gratitudni fuq il-qawwa tad-demm ta’ Ġesù. L-inbid li aħna noffru bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla jsir id-demm ta’ Ġesù. Fit-tradizzjonijiet kollha tal-Iskrittura d-demm huwa l-ħajja; fid-demm qaddis ta’ Ġesù hemm il-ħajja tiegħu, id-divinità, l-umanità, ir-ruħ, il-ġisem u d-demm. Taħt l-ispeċi tal-inbid hemm Ġesù sħiħ bħalma hemm Ġisem sħiħ taħt l-ispeċi tal-ħobż.

Imma d-demm għandu dan is-sinifkat qawwi tal-element tal-ħajja li jagħti l-ħajja. Il-ktieb tal-Eżodu f’kapitlu 24 ifakkarna fil-ġest qawwi li għamel Mosè: “Ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal […] Imbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: ‘Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skond dan il-kliem kollu’” (Eż 24, 6-8).

Dawn il-kelmiet ta’ Mosè fil-ktieb tal-Eżodu: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom” (Eż 24:8), Ġesù stess jirrepetihom fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu skont ir-rakkont li għadna kemm smajna mill-Evanġelju ta’ San Mark. “”Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna” (Mk 14:24). Il-kollegament huwa ovvju bejn il-kliem tal-ktieb tal-Eżodu u l-kliem ta’ Ġesù: “Hu fuq il-kalċi tal-inbid jgħid il-kliem ‘dan huwa demmi, d-demm tal-patt li jixxerred għal ħafna’”.

Dejjen tolqotni konnessjoni oħra mal-kelma ‘demm’ għaliex espressjoni qawwija ta’ responsabbilità fil-kultura Semitika u fl-Iskrittura hija l-espressjoni: “Demmu fuqna u fuq uliedna!” (Mt 27:25). Din hi esspressjoni li tintuża’ diversi drabi u li l-poplu jgħidha fuqu nnifsu quddiem Pilatu, kliem ta’ responsabbilità u kliem ta’ saħta. Imma l-Mulej jibdel dan kollu f’barka. Hu u jraxxax demmu fuqna, jiġbed fuqna mhux is-saħta tar-responsabbilità ta’ għemilna, il-konsegwenzi ta’ dnubietna, imma l-barka li ġejja mill-ħniena tiegħu.

Il-qaddisin kienu jafu li aħna nissaffew u nitnaddfu bid-demm ta’ Kristu, li huwa l-prezz tal-fidwa tagħa. ‘Intom għeżież,’ jgħidilna l-appostlu Pietru, għax infdejna “bid-demm ta’ Kristu” (1Pt 1:19). Xi ħaġa li jfakkarna wkoll il-Papa Franġisku fl-omelija sabiħa li aħna naqraw ukoll fil-jum tal-Milied imqaddes meta jfakkarna fid-dinjità tagħna u jfakkarna li din id-dinjità ġejja mill-fatt li aħna meħlusa u maħsula bid-demm ta’ Kristu.

San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: ‘Kemm hi ħaġa sabiħa li sikwit ninħalsu bid-demm ta’ Kristu fil-qrar għaliex ir-rikonċiljazzjoni li aħna niċċelebraw fis-sagrament kbir li l-Mulej ħallielna, huwa propju din: li ninħalsu spiritwalment, mistikament bid-demm imqaddes tiegħu’. U hawnhekk hawn il-konnessjoni kbira bejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u s-Sagrament tal-Ewkaristija. Fis-Sagrament ta’ Rikonċiljazzjoni mistikament aħna ninħaslu bid-Demm ta’ Ġesù li jsalvana.

Fil-kliem tal-istituzzjoni li l-Knisja tirrepeti hi u tobdi l-kmand ta’ Ġesù, aħna nfakkru li d-demm ta’ Kristu huwa mxerred għalina: “Ħudu u ixorbu minnu lkoll għax dan huwa l-kalċi ta’ demmi, tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem, id-demm li jixxerred għalikom u għal bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet”. L-Ewkaristija hija l-mediċina fid-dgħufija tagħna. L-Ewkaristija hija l-qawwa ta’ Ġesù li ssalvana. Jekk il-Mulej seta’ jfejjaq lill-mara li kellha tnixxija ta’ demm għal ħafna żmien billi ħallieha tmisslu l-mantar tiegħu (ara Mt 9, 20-22), x’qawwa ta’ fejqan ser toħroġ meta aħna nirċevuh. Hemm bżonn ngħidulu kif tgħallimna l-Knisja: “Ma jistħoqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, imma għid kelma waħda biss u r- ruħ tiegħi tkun imfejqa”.

Aħna s-saċerdoti biex nitħejjew għall-Ewkaristija, nitolbu lill-Mulej li bis-sagrament stess li nirċievu, jagħtina l-qawwa li nitnaddfu minn kull ġibda mal-ħażen, minn kull dgħufija tagħna, minn kull rabta ħażina, u nitolbuh il-grazzja li norbtu qalbna u ruħna miegħu biss. Illum nitolbuh li l-Ewkaristija mhijiex il-premju tal-perfetti imma hija l-ikel tal-pellegrini, panis viatorum, l-ikel ta’ dawk li qegħdin fit-triq, u allura nitolbuh biex aħna ma naqtgħu qatt la mill-ħniena ta’ Alla u lanqas mill-qawwa tad-demm ta’ Kristu li xxered għalina bħala barka, li jixxered fuqna għall-maħfra tad-dnubiet. Nitolbuk, O Mulej, li inti ssaffina, issaffi l-Knisja, lis-saċerdoti tiegħek, lill-poplu qaddis tiegħek bil-Ġisem u d-demm għażiż tiegħek.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eż 24, 3-8
Salm: 115 (116), 12-13.15.16bċ.17-18
Qari II: Lhud 9, 11-15
Evanġelju: Mk 14, 12-16.22-26

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading