Home > Minn Angelo Xuereb > Il-Qalb ta’ Ġesù mimlija ħniena

Il-Qalb ta’ Ġesù mimlija ħniena


Kitba ta’ Angelo Xuereb matul il-Ġublew tal-Ħniena, 2016.    

Qegħdin fil-Ġublew tal-Ħniena u għalhekk jixraq li f’dan iż-żmien nirriflettu fuq din it-tema.

1● Il-Qalb ta’ Ġesù

Meta ngħidu l-Qalb ta’ Ġesù ma nkunux nirriflettu biss għall-qalb fiżika ta’ Ġesù iżda wkoll fl-emozzjonijiet li kellu. Fil-lingwaġġ tagħna ngħidu li dak għandu qalbu tajba u l-ieħor qalbu ħażina. B’dan il-kliem ma nkunux nirriflettu l-aspett fiżiku tal-qalb iżda dak emozzjonali. Sidna Ġesù Kristu stess jgħidilna: “Dak li joħroġ mill-fomm jiġi mill-qalb, u dan li jniġġes il-bniedem. Għax mill-qalb jiġu l-ħsibijiet ħżiena, il-qtil, tkażbir iż-żwieġ, iż-żina, is-serq, ix-xhieda giddieba, id-dagħa” (Mt 15, 18-19).

Ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li Ġesù kien mimli ħniena ma’ dawk li ltaqa’ magħhom. L-atteġġjament ta’  Ġesù jurina l-ħniena li Alla għandu għalina billi huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

Fil-mirakli naraw il-ħniena li kellu Ġesù. Għamel bosta mirakli mqanqal mill-ħniena: fejjaq mifluġa, morda bil-marda tal-qamar, torox, zopop, għomja, imġiddma u mbikkma. Ġesù għamel ukoll mirakli ta’ qawmien mill-imwiet: lil bint Ġajru, lill-iben tal-armla ta’ Najm, u lil Lazzru.

Naraw il-ħniena ta’ Ġesù fit-tkattir tal-ħobż: “Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: ‘Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu.  Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq’” (Mt 15, 32).

2● Ġesù juri ħniena mal-midinbin

Ġesù wera ħniena wkoll mal-midinbin. Dan ma jfissirx li kien qiegħed japprova l-qagħda tagħhom iżda biex jurihom kemm hija kbira l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla jekk wieħed ibiddel ħajtu. Jekk inqallbu l-Evanġelji naraw b’liema ħniena tkellem mas-Samaritana, mar jiekol għand Żakkew, ma kkundannax lill-adultera iżda qalilha biex ma tidnibx aktar, kif ukoll wiegħed il-ġenna lill-ħalliel ikkonvertit. Huwa stess qal: “Ma jeħtiġux il-qawwijin it-tabib imma l-morda; ma ġejtx insejjaħ in-nies tajba, imma l-midinbin għall-indiema” (Lq 5,32).

Il-messaġġ ta’ Ġesù kien wieħed ta’ ħniena. Huwa stess qalilna l-parabbola tal-iben il-ħali. Dan wara li berbaq nofs il-ġid ta’ missieru reġa rritorna għandu u dan laqgħu għandu. Missieru mhux biss laqgħu imma: “Kif kien għadu fil-bogħod, rah missieru, u, imqanqal mill-ħasra, mar jigri u ntefa fuq għonqu u biesu” (Lq 15,20).

Ġesù mhux biss ipprattika l-ħniena u prietka l-ħniena ta’ Alla iżda riedna li din il-ħniena li għandu Alla għalina nuruha mal-oħrajn. Dan narawh ċar fid-diskors tal-muntanja. “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5, 7).“Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36). Ġesù fl-Evanġelji jgħidilna li hija ħaġa bla sens li wieħed jesperjenza l-maħfra u mbagħad ma jaħfirx lil ħaddieħor.

Ġesù ġabilna l-eżempju ta’ dak il-qaddej li kellu jagħti lis-sultan tiegħu għaxart elef talent li hija somma kbira ħafna. Dan ħafirhomlu iżda tefa’ l-ħabs lil sieħbu talli kellu jagħti mitt dinier li kienet somma żgħira ħafna. Sħabu indunaw b’dan u marru jgħidu lis-sultan. U dan qallu: “Ma kienx imissek mela tħenn għal sieħbek, bħalma jien ħennejt għalik? U kollu mgħaddab, sidu rħieh f’idejn il-manigoldi sakemm kellu jħallas dejnu kollu” (Mt 18, 33-34). U l-konklużjoni ta’ Ġesù kienet: “Hekk jagħmlilkom Missieri li hu fis-smewwiet jekk ma taħfrux wieħed lill-ieħor minn qalbkom” (Mt 18, 35).

3● Ġesù pprietka li għandna nħennu

Sidna Ġesù Kristu jgħallimna li għandna nħennu anki billi nagħtu karità. Għalhekk fil-parabbola tal-għani u Lażżru naraw li s-sinjur kien sempliċement egoista u ma kienx jagħti kas tal-fqir. U ta’ din  il-ħajja egoista mar ibati. Dan jurina li quddiem dawk li jbatu għandna nuru ħniena u ma nkunux egoisti. Kultant anki wieħed b’kelma f’waqtha tista’ tagħmel lil xi ħadd ħafna kuraġġ filwaqt li b’kelma negattiva tista’ tinfidlu qalbu.

Ġesù wera ħniena kbira waqt il-passjoni tiegħu. Huwa ma ħax il-passjoni għax iċ-ċirkustanzi ġew hekk iżda biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Ġarrab dawk it-tbatijiet kollha bi mħabba liema bħala. Fil-passjoni tiegħu ma għandniex naraw it-tbatijiet li huwa bata biss iżda b’liema mħabba kbira bata. Kienet tbatija li tifdina u li taħfrilna dnubietna. Id-demm ta’ Kristu mhuwiex demm ta’ kundanna iżda ta’ maħfra. Kien huwa stess li minn fuq is-salib ħafer lill-għedewwa tiegħu u bosta minnhom kienu jinsulentawh. L-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħidilna: “Għax ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufijiet tagħna, imma li kien imġarrab f’kollox bħalna barra mid-dnub. Ha nersqu mela qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu grazzja ta’ għajnuna f’waqtha” (4, 15-16).

Għalhekk f’din il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù ejjew nidħlu daħla fina nfusna u nimitawha fil-ħniena. Ma jfissirx li ma nagħtux qima lil din il-Qalb li jistħoqqilha l-qima li tingħata lil Alla billi nikkontemplaw il-ġrajjiet li għadda minnhom Kristu. Huwa stess kien li għallimna liema huma l-aqwa żewġ kmandamenti: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu: Ħobb lil għajrek bħalhek innifsek. F’dawn iż-żewġ kmandamenti huma miġbura l-Liġi u l-Profeti” (Mt 22, 37-40).

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: