Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tas-Sibt 23 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.phpMt 6, 24-34

Faċli nammiraw il-fidi ta’ ħaddieħor u minħabba fiha nqimuh bħala eroj, nagħtuh ġieh, forsi kultant iktar milli jistħoqqlu, għax il-fidi hija don ta’ Alla, li l-bniedem jilqa’ u, bil-grazzja ta’ Alla, jirnexxilu jgħix fil-prattika, fl-iktar ġrajjiet sempliċi u fl-iktar deċiżjonijiet diffiċli fil-ħajja tiegħu. Jekk hemm ġieh li għandu jingħata għall-bniedem tal-fidi mhux lil dak il-bniedem iżda lil Alla li għanih biha. Minn naħa l-oħra tant hu diffiċli għalina li nilqgħu l-istess fidi mogħtija lilna b’imħabba minn Alla u bil-għajnuna tiegħu ngħixuha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nemmnu f’Alla imma l-lejaltà tagħna hi lejn dak li noħolqu aħna u niffantastikaw li jista’ jwassalna għall-qofol tagħna. Kull skuża nġibu biex niġġustifikaw l-ipokrisija tagħna, u naħsbu li nitwemmnu, naħsbu li aħna stess qe dnemmnu lilna nfusna.

Ma tistgħux taqdu żewġ sidien. Tista’ tagħmilha għal ftit, jiem, ġimgħat jew xhur. Tista’ tilludi lilek innifsek li għandek raġun għax ma tistax tgħid min minnhom tiġi bżonn imma l-illużjoni tgħaddi wkoll u malajr tinduna li dik l-iskuża hija mqanqla minn nuqqas ta’ twemmin fik innifsek u f’min qed tgħid li temmen, sew wieħed u sew l-ieħor. Dejjem hemm l-indiema, tassew, iżda kemm ikun aħjar għalik li kieku ma jkollok minn xhiex tindem qatt. L-illużjoni tinbidel f’piż bħal mazzra marbuta ma’ għonq il-ħmar f’xifer l-irdum.

Il-bniedem imbattal u vojt ma jieqafx, hekk jingħad ukoll dwar l-ixkejjer, u minħabba f’hekk ifittex li jimtela b’li jsib. U, hawn min sar miljunarju, jipprova jivvinta kull ma hu possibli biex jimla l-vojt fil-qalb tal-bniedem li żvojta lilu nnifsu minn Alla u dak li hu tiegħu. U l-bniedem, bla saħħa quddiem min iwiegħdu l-pedestall tal-allat, ma jiflaħx jirreżisti għat-tħajjir ta’ min irid jimla butu minn fuq il-vojt tiegħu. Il-pedestall tad-drittijiet, tal-wegħdi bla rażan, tat-tqanqil tal-kompassjoni fażulla, tal-aċċettazzjoni skont id-ditta, tal-progress u tal-liberaliżmu, jogħġob lill-biċċa l-kbira tal-bnedmin, u ħafna huma dawk li ma jirrejlaizzawx li fuq dawn il-pedestalli il-vojt mhux talli ma jimteliex talli jiekol dak li fadal biex joħloq vojt ikbar, vojt li jiekol saħansitra r-raġuni u l-loġika tal-bniedem f’siktu. Il-vojt mill-qalb jinfirex fil-moħħ u jirriduċi lill-bniedem għal xkora dejjem miftuħa għal dak li jitfa’ fiha bniedem ieħor.

Il-ħolqien tal-allat, bħalma huma l-flus, il-ġid materjali, il-fama, is-setgħa, huma aljenazzjoni minn dak li hu l-essenzjali, is-sopravivenza, l-hena, l-imħabba, l-umiltà. Niftaħru li m’għandniex ħin niftakru u nagħtu kas tagħna nfusna, ta’ dawk li ngħidu li nħobbu, ta’ min iħobbna; mingħalina li sirna eroj għax m’għandniex ħin, tlifna l-paċenzja u dejjem sejrin biex niksbu iżjed u dejjem iżjed. Ngħaddu ħajjitna nfasslu kriterji li jbiegħduna minn dak li tassew aħna u noħolqu veritajiet li jippruvaw il-gideb tagħna. Ngħidu li qegħdin fis-seklu wieħed u għoxrin u b’għemilna u bid-deċiżjonijiet li nieħdu u nwettqu qed nitfgħu lilna nfusna lura lejn l-istat primittiv fejn il-forza kienet ir-raġuni u fejn kien hemm biss taħwid u baħħ. Ninsew li ma bqajniex primitittivi għax bdilna l-kriterji tar-raġuni u għażilna l-ordni minflok it-taħwid; inwarrbu dak li jimliena tassew biex noħolqu mill-ġdid il-baħħ. Jekk il-profeta darba ħabbar li x-xwabel jinbidlu f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom fi mnieġel, donnu llum irid jibla kliemu għax qe dnagħmlu bil-maqlub; anke dak li hu innokwu jirnexxilna nibdluh fi sjuf li jinfdu u jeqirdu.

Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla. M’hemmx skużi, m’hemmx ġustifikazzjoni, la fil-liġi u lanqas fid-drawwiet. Il-bqija jingħatalkom ukoll.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s