Meta tfittex it-tjubija, l-imħabba, is-sbuħija, is-sewwa, il-verità u l-ġustizzja, tkun qed tfittex lill-Mulej – L-Arċisqof


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Lulju 2018: L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kappella ta’ Santa Marija Maddalena, fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli.

baf6e8cd-2b87-429c-9c99-49801604e9cb-153218616916.jpeg

Magdala huwa raħal ċkejken fuq ix-xatt ta’ għadira kbira; din l-għadira fl-Art Imqaddsa tant hi kbira li nsejħulha l-Baħar ta’ Tiberijade jew il-Baħar tal-Galilija imma hija lag, għadira tal-ilma ħelu li huwa l-ilma mix-Xmara Ġordan li mbagħad jinġabar f’din l-għadira kbira, imbagħad jerġa’ joħroġ minn din l-għadira u jibqa’ sejjer lejn il-Baħar il-Mejjet. Hija għadira profonda fis-sens li tinsab 200 metru ’l isfel mil-livell tal-baħar. Jekk il-Baħar Mediterran qiegħed fuq il-livell tal-baħar, il-Baħar tal-Galilija, jibqa’ nieżel sal-post l-iżjed profond fuq l-art li hija propju l-Baħar il-Mejjet.

U Magdala kien post li Ġesù x’aktarx żar għaliex kien proprju faċċata ta’ Kafarnahum, il-post li Ġesù adotta bħala ċ-ċentru tal-ħidma tiegħu wara li telaq minn Nazaret. Skavi riċenti skoprew mill-ġdid dan ir-raħal u sabu wkoll is-sinagoga li x’aktarx iffrekwenta anke l-Mulej u ffrekwentat din il-mara (Marija Maddalena).

Il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna għandha, biex ngħidu hekk, motiv li jirrepeti lilu nnifsu: it-tfittxija. Fis-Salm Responsorjali din it-tfittxija tiġi interpretata bħala għatx kbir: “Għalik għatxana ruħi, Mulej Alla tiegħi” (S 62:2). Id-domanda li Ġesù jagħmel lil Marija ta’ Magdala hija domanda li jagħmel lil kull wieħed u waħda minna: “Lil min qiegħda tfittex?” (Ġw 20:15) U Marija ta’ Magdala, li kellha ħajja movimentata ħafna, nifhmu li għamlet għażliet li kissruha u tilfet id-dinjità tagħha, imma l-Mulej bl-imħabba, bil-mogħdrija u l-ħniena tiegħu ħelisha mill-passat tagħha u d-devozzjoni tagħha lejh hija tant qawwija li l-evanġelisti jsemmuha kemm-il darba b’isimha. Hi tibqa’ leali lejh anke meta d-dixxipli tiegħu jabbandunawh.

L-imħabba tagħha lejn Ġesù hija tant qawwija għaliex hi rċeviet imħabba kbira minn għandu, mhux biss il-ħelsien mill-passat ikrah u ta’ diffikultà u ta’ kompromess mad-dnub, imma passat li neżżagħha mid-dinjità tagħha. U fil-ħarsa ħelwa ta’ Ġesù din il-mara sabet mhux biss l-għajnejn tal-ħniena imma wkoll għajnejn li jirrispettawha b’dinjità.

Lil min qiegħed tfittex fil-ħajja tiegħek, bl-għemil tiegħek?

U allura tibqa’ tfittxu u anke fl-ewwel jum terġa’ tirritorna biż-żjut ifuħu biex tkompli dak li kienu bdew fil-jum tat-tħejjija, il-Ġimgħa (ara Mk 16:1), meta difnu ’l Ġesù u hi xtaqet li tkompli d-dilka, imma l-qabar issibu vojt. U hi li dejjem fittxet dawk l-għajnejn tal-ħniena u li rathom jingħalqu fil-misteru tal-mewt fuq is-salib, xtaqet tarahom katavru imma l-katavru ma sabitux. Tiltaqa’ ma’ raġel li ma tagħrafx u tgħidlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura” u Ġesù jgidilha, “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” (Ġw 20:15)

Din hija d-domanda li Ġesù jagħmel ukoll lilna: ‘Lil min qiegħed tfittex fil-ħajja tiegħek, bl-għemil tiegħek?’ Ikollok tieqaf ftit u tgħid: ‘L-għemil tiegħi x’juri? Lil min qiegħed infittex fil-ħajja tiegħi? Fejn qed nipprova nsib il-ferħ tiegħi u l-paċi ta’ qalbi?’ “Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll,” (Lq 12:34) jgħid il-Mulej. X’inhu t-teżor tal-ħajja tiegħi?

U hu jsejħilha b’isimha ‘Marjam’. Il-Mulej jafna b’isimna u meta bniedem jafek b’ismek, jafek. U hi tagħraf il-vuċi tiegħu u tgħidlu, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28). Il-Mulej jitlobha xxandar il-qawmien tiegħu lid-dixxipli tiegħu. Il-kelma tagħha hija kelma li mhux kulħadd jaċċetta. Marija Maddalena b’xi mod tantiċipa d-diffikultà ta’ min irid iħabbar li Ġesù qam mill-imwiet għaliex hi, li kienet persważa għax iltaqgħet miegħu, sabet min ma jemminhix. Kien hemm min qal li għax din mara; min qal li qed d-dulur qed jagħmih; u min għax forsi kien jaf iżjed il-passat tagħha milli l-ħajja ġdida tagħha, imma kulħadd kellu r-raġuni tiegħu għaliex jew jaċċetta l-messaġġ ta’ Marija jew inkella jirrifjutah.

Din hija xi ħaġa li tirrepeti ruħha mad-dixxipli imma aħna x’se ngħidulu u x’ ngħuidu lilna nfusna meta l-Mulej jgħidilna, ‘Lil min qiegħed tfittex?’ Nistgħu ngħidulu, ‘Għalik għatxana ruħi, Mulej Alla tiegħi?” Ħafna drabi aħna nfittxuh mingħajr ma nkunu nafu li qegħdin infittxuh għaliex fir-realtà kull meta inti tfittex it-tjubija, l-imħabba, is-sbuħija, tkun qed tfittex lill-Mulej. Kull meta inti tfittex is-sewwa u l-verità u l-ġustizzja, tkun qed tfittex lill-Mulej. U għalhekk nitolbu għal kull min qiegħed ifittex b’qalb safja, għal min għadu ma ħax risposta, biex fil-laqgħa tiegħu mal-għajnejn mimlija ħlewwa u mogħdrija u ħniena ta’ Ġesù, jagħraf li r-risposta qiegħda f’Ġesù. Jekk niltaqa’ ma’ Ġesù t-tfitxija tiegħi jkollha risposta. U hu wkoll jixtieq li jiena nsibu.

Fis-Salm irrepetejna: “Għalik għatxana ruħi, Mulej Alla tiegħi” Ma ninsewx li waħda mill-kelmiet għeżiez fuq is-salib, lissinha Ġesù meta qal: “Għandi l-għatx!” (Ġw 19:28). U l-konsolazzjoni tal-qalb tagħna hija din: aħna li għandna l-għatx għal Alla, qegħdin nippruvaw niltaqgħu ma’ xi ħadd, ma’ persuna li għandha għatx għalina. Jalla l-għatx tal-Mulej għalina jlaqqagħna miegħu u nsibu r-risposta għall-mistoqisja u għat-tfitxxija tagħna għall-ferħ u għall-paċi.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.