Trinità ta’ sillabi


Sabiħa meta smajtha. Mhux l-għaliex qatt ma kont smajtha qabel. Anzi! Smajtha fuq li smajtha! U, nista’ ngħid, li anki ħarġet minn widnejja wkoll! Iżda kull darba li nismagħha tant kemm tagħmilli kuraġġ! L-għaliex titfgħani f’dinja oħra. Titfgħani fl-imbierka kalma!

Ftit passi ‘il bogħod minna, inklużi ‘l ħafna minnhom li hawn jgħixu fostna, it-Taljani jħobbu jużaw din it-trinità ta’ sillabi. Liema trinità hija mkebba f’din il-frażi ħelwa: Con calma. Xi kultant il-frażi taf tispiċċa wkoll b’esklamazzjoni. Jiddependi dejjem xi jkun il-każ. Jew xi tkun iċ-ċirkustanza li tkun inqalgħet.

Madankollu, mit-twila sal-qasira, il-kalma hawn tabilħaqq bżonnha. U hawn bżonnha bil-bosta. Nistiednek ftit toħroġ ħarġa sat-toroq tagħna biex tara kemm din l-imbierka kalma għandna tabilħaqq bżonnha. Inkella nistiednek ftit tosserva fil-mod kif, uħud minna, nittrattaw ma’ xulxin. Tibżax! Mill-ewwel tintebaħ li għandna bżonn ħafna nidħlu fil-kalma.

Il-kalma m’hi xejn iżda hi ħafna tassew. Nistiednek tistaqsi ftit lil min, minħabba nuqqas ta’ saħħa, għaddietu. Jekk inkun jista’ jkellmek, inkella jesprimi ruħu kif jista’, malajr tintebaħ kemm il-kalma hija meħtieġa. Ħbieb, f’dan id-diskors irridu nkunu umli. Jien l-ewwel wieħed. Fil-ħajja mhux x’jipprinzipja moħħi li jgħodd. Imma, u fir-rejaltà, x’kapaċi nagħmel. Għax qed ngħid hekk?

Ħafna minna nagħmlu l-iżball ikrah u, f’xi każi, fatali, li nħallu lil moħħna jiddetta hu. Mela, la moħħi qalli biex nagħmel dik il-ħaġa jien għandi nagħmilha akkost ta’ kollox. Nibqa’ naħdem sa tard billejl akkost li nispiċċa norqod fuq l-istering. Tajjeb! Nista’ nagħmilha. U ħa nagħmilha, jekk irrid. Imma x’inhuma l-konsegwenzi? Daqstant ieħor nista’, waqt argument li jqum, għax aħna bnedmin, inħalli s-sentimenti jiġru bija. U mhux biss nispiċċa naqbeż iċ-ċint iżda wkoll il-barrikati tal-barrikati. U mbagħad x’jiġri minn dak li nkun għedt? F’waqt ta’ saħna? Kif se niġbor lura l-qlub li nkun ferejt l-għaliex qabżitli? Taħsbux li jiġrili bħal Mosè? Iva xi ġralu Mosè x’kull waħda? Isma’ l-Kelma ta’ Alla x’tgħid f’Salm 106: Nkurlawh ukoll ħdejn l-ilma ta’ Meriba, mqar Mosè weħel minħabba fihom; għax huma tellfulu sabru, u qal dak li ġie fi lsienu (Salm 106:32-33).

Kos hux! Ġralu hekk Mosè li għalih il-Bibbja tgħidilna: Il-Mulej kien ikellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ, bħalma bniedem ikellem lil ħabibu (Eż 33:11)? Mela aħseb u ara jien li m’għandix dan il-privileġġ? Imma stenna ftit ħej! Jien għandi privileġġ ferm aktar gwapp minn Mosè! Dejjem jekk nemmen! L-għaliex, jekk jien tgħammidt, fija hemm jgħix l-Ispirtu s-Santu. Dak l-Ispirtu li jekk, minn qalbi, nitolbu, żgur li se jaħdem fija. L-Ispirtu s-Santu fija mhux xi ornament. Lanqas xi penz. U wisq aktar biex b’riħtu nitla’ fuq xi pedistall. Inkella l-għaliex nkun irċevejtu jfisser li għandi noqgħod b’idejja fuq żaqqi u addijo r-responsabbiltà tiegħi!

L-Ispirtu s-Santu qiegħed fija biex jibdilni. U bija jidbel lil dawk ta’ madwari. L-għaliex, kif tgħidilna l-Kelma ta’ Alla, fit-Tieni Ittra lil Timotju, Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan (2 Tim 1:7). L-Ispirtu ta’ biża’ ma jħalliniex nirbħu dak kollu li jkun qed ibeżżagħna fina. Inkluż dak kollu li moħħna jgħidilna biex nagħmlu u aħna, l-għaliex bnedmin, ma nistgħux le inlaħħqu ma’ dak li jgħidilna moħħna. Minn naħa l-oħra l-Ispirtu ta’ Alla jagħtina l-qawwa li nrażżnu fina l-ansjetà li lilna tkissirna. Għax ma tħallinix la nkun f’saħħitna, la nħobbu u lanqas li nipproteġu ruħna b’mod għaqli minn dak li għandna bżonn li nipproteġu ruħna minnu.

Għalhekk, qabel ma nkun se nagħmel biċċa xogħol, ejja ninġabar fija nnifsi u ngħidlu lill-Ispirtu s-Santu:

Spirtu s-Santu, ikkalmani bil-preżenza qaddisa tiegħek. Tħallinix niġġieled miegħi nnifsi biex nagħmel dak li jpasparli moħħi. Li, miskin, ma jarax ‘il bogħod minn imnieħru. Imma agħtini l-għerf tiegħek biex nagħmel dak li int tridni nagħmel. Għax ħadd daqshekk ma jafni verament. Għax int Mulej la mia calma. It-Trinità ta’ sillabi eterni tiegħi. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.