FRANĠISKU, ISQOF QADDEJ TAL-QADDEJJA TA’ ALLA lill-maħbub iben tagħna
JOSEPH GALEA-CURMI, saċerdot mill-kleru tal-Arċidjoċesi Metropolitana ta’ Malta u s’issa Vigarju Ġenerali, maħtur Awżiljarju tal-istess Arċidjoċesi u fl-istess waqt Isqof titulari ta’ Cebarades, saħħa u Barka Appostolika.
F’dan l-aħħar żmien minħabba l-bżonnijiet pastorali tal-Knisja assenjata lill-kura tiegħu minn din is-Sede Appostolika, il-Venerabbli Ħuna Charles Jude Scicluna, Arċisqof Metropolita ta’ Malta, talab Isqof Awżiljarju. Min-naħa tagħna, fil-kura li għandna tal-bżonnijiet partikulari tal-Knejjes kollha, ħsibna li bil-qalb nilqgħu t-talba ta’ dan ir-Ragħaj.
Għażiż Iben tagħna, minħabba li inti saċerdot magħruf għall-virtujiet tiegħek, tagħti tamiet mill-aqwa u tidher li inti kapaċi li twettaq dan l-uffiċċju, wara li kkonsultajt il-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, bis-setgħa l-aktar għolja Tagħna naħtruk Isqof Awżiljarju tal-istess Knisja u fl-istess waqt ninnominawk Isqof titulari ta’ Cebarades bid-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta ma’ dan l-uffiċċju u ma’ din id-dinjità episkopali marbuta miegħu skont in-normi tal-Liġi Kanonika.
Nagħtuk il-permess li tirċievi l-ordinazzjoni mingħand kull Isqof Kattoliku barra mill-Belt ta’ Ruma waqt li jiġu osservati n-normi liturġiċi, u qabel għandek, skont il-kanoni tal-Liġi Kanonika tagħmel il-professjoni tal-Fidi kattolika u tieħu l-ġurament ta’ fedeltà Lejna u lejn is-Suċċessuri Tagħna.
Għaldaqstant, għażiż Ibni, f’sens ta’ mħabba fraterna, kun f’għaqda sħiħa mal-Isqof ta’ Malta, qis li twettaq bil-qawwa tiegħek kollha l-uffiċċju tiegħek, imma fuq kollox afda f’Alla l-Missier ħanin tagħna. Ħa jkollok ukoll l-għajnuna mis-sema tal-Imqaddsa Verġni Marija, Reġina tal-Appostli u tal-Appostlu San Pawl.
Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, illum it-tlieta u għoxrin tax-xahar ta’ Ġunju tas-sena tal-Mulej elfejn u tmintax, is-sitt tal-Pontifikat tagħna.
Franġisku