L-Evanġelju tas-Sibt 18 t’Awwissu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 19, 13-15

Ir-rejazzjoni tad-dixxipli għall-ommijiet u wliedhom li resqu lejn Ġesù hija goffa ħafna. Uħud minnhom kellhom ulied huma wkoll u kienu jafu x’għandhom ħila jagħmlu t-tfal u lkoll nafu li t-tfal, dak li għandhom ħila jagħmlu, jagħmluh vera sew.

Iżda l-intenzjoni ta’ dawk l-ommijiet kienet li uliedhom jitbierku minn Ġesù u biex jitlob għalihom. Raw il-ġid f’Ġesù u dak il-ġid xtaquh għal uliedhom. Kienu għarfa u għaqlija biżżejjed biex jindunaw x’inhu l-aħjar għal uliedhom u ssugraw ir-rabja tad-dixxipli biex uliedhom ikollhom l-aħjar: il-barka ta’ Ġesù u t-talb tiegħu.

Minn naħa l-oħra lid-dixxipli naslu biex nifhmuhom ukoll. Il-ġej u sejjer tan-nies lanqas kien iħallilhom ħin jieklu u għalhekk fittxew ħin għalihom, probabbli kienu mxennqin għalih u kienu jħossu li Ġesù wkoll kien jinħtieġu. Iżda r-rejazzjoni kienet esaġerata u lil Ġesù m’għoġbitu xejn. Għalih il-ġid tat-tfal u ta’ kulħadd hu iktar importanti mill-mistrieħ tiegħu. Donnu l-mistrieħ tiegħu kien f’li jagħmel il-ġid il-ħin kollu anke lil min ma jemminx fih, aħseb u ara lil min jemmen fih u jitlobulu għal min hu għażiż għalih. Meta darba erba’ minn nies niżżlu lil seħibhom marid minn toqba f’saqaf, ra l-fidi tagħhom u, għalkemm issogra l-ġudizzju ta’ min ried jikkundannah, fejqu. Kemm għandna bżonn nagħmlu bħalu. Quddiem il ġid m’għandu jwaqqafna xejn, lanqas l-għejja tagħna.

Ma’ dan xtaqt li nżid ħsieb dwar xi ħaġa li ddejjaqni ħafna. Il-‘crying rooms fil-knejjes, il-ħars ikraħ ta’ dawk li meta jisimgħu tarbija tibki fi knisja huma mod kif nuru lill-ġenituri li mhux milqugħa fil-knejjes tagħna, meta jkollhom magħhom lil uliedhom żgħar.

Il-ħars ikrah u z-zekzik lejn dawn il-ġenituri jistħoqqlu ċ-ċanfira ta’ Ġesù. Jekk il-ġenituri ma jġibux lil uliedhom żgħar għall-quddies, min se jġibhom u meta se jġibuhom? Għandna għalfejn nirringrazzjaw lil Alla u nifirħu li hawn ġenituri żgħażagħ lijemmnu tant f’Ġesù u f’dak li hu tiegħu li jridu li uliedhom jiltaqgħu miegħu sa miċ-ċokon, u jħossuhom parti mill-familja l-kbira tiegħu.

Barra minn hekk, il-famużi ‘crying rooms’ huma ‘crying rooms’; postijiet fejn it-trabi li jibku jistgħi jiddaħħlu għal ftit sakemm joqgħodu. Mhumiex post ieħor minn fejn tisma’ l-quddiesa, normalment f’xi kamra mwarrba bil-monitors, jew spazju magħluq bil-ħġieġ bħal akwarju fejn it-tal jistgħu joqgħodu jilgħabu. La ġibniehom il-knisja, għandhom ikunu fil-knisja u jekk jista’ jkun quddiem mett fejn jaraw u jisimgħu, fejn jistgħu, minn ċkunithom jixorbu dak li jkun qed jiġri, dak li għada pitgħada, bil-għajnuna ta’ Alla, huma stess iridu jgħaddu lil uliedhom, minn fejn, sa minn ċkunithom jistgħu iħossu s-sejħa ta’ Alla biex jaqduh u jibdew iweġbuh għaliha.

Ġesù juri lid-dixxipli li r-rabja ma twassal imkien u l-gdid em ma jiġbdux nies lejh. Mhux talli hekk, talli jekk huma stess ma jsirux bħal dawk li huma qedjippruvaw ikeċċu minn quddiemu, ma setgħux ikunu miegħu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.