Riflessjoni fuq it-Twelid tal-Verġni Marija


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-festa tat-twelid tal-Verġni Marija li niċċelebrawha fit-8 ta’ Settembru tfakkarna li għandna nagħtu direzzjoni spiritwali lil ħajjitna.

1 Kull tarbija għandha ġġib il-ferħ

Inġibu quddiem għajnejna lil Sant’Anna b’Marija bambina f’idejha. Fejnha hemm San Ġwakkin u xi qraba jifirħulhom. L-uċuħ kollha għandhom espressjoni ta’ ferħ liema bħalu.

Huma qegħdin jifirħu għaliex twieldet tarbija. Kull twelid ġeneralment iġib ferħ fost il-familjari u l-qraba. B’hekk b’xi mod inkonxjament huma qegħdin jipprotestaw kontra l-mewt. B’dan il-mod ir-razza tal-bniedem tkompli. Jekk dan is-sentiment għadu jeżisti fil-kultura tagħna, kemm aktar kien jeżisti fost il-poplu Lhudi! Huma kienu jqisu t-tfal bħala barka minn Alla u kellhom il-mentalità li jkunu aktar imberkin jekk ikollhom ħafna tfal.

Il-ħajja għandha valur għaliex hija mogħtija minn Alla. Huwa veru li ħajja ġdida tiġi permezz tal-ħidma ta’ raġel u mara. Iżda huwa Alla li jsawwab ir-ruħ fil-bniedem. Għalhekk kull bniedem li hawn fid-dinja huwa uniku u irrepetibbli.

2 Napprezzaw il-ħajja

Din il-festa għandna tfakkarna kemm għandna nkunu grati lejn Alla għal ħajjitna. Hemm bżonn li nrawwmu spiritwalità pożittiva favur il-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Hija xi ħaġa naturali u li aktar tispikka fil-kultura ta’ llum li l-bniedem jixtieq igawdi l-ħajja. Jixtieq jiddeverti, ikollu vaganzi, kumditajiet u jkun b’saħħtu. Fihom infushom dawn huma ħwejjeġ tajbin iżda biex inkunu realisti u ma jkollniex diżappunti, ikollna nistqarru  li hija l-illużjoni li l-bniedem isib il-kuntentizza b’dan il-mod.

Huwa veru wkoll li dawn il-ħwejjeġ li semmejna mhux kulħadd jista’ jiksibhom u jkollu minnhom. Allura wieħed jistaqsi x’atteġġjament għandu jkollu n-nisrani rigward il-kultura tat-tgawdija fuq din l-art. Ir-risposta nisranija hija din: li l-bniedem igawdi ċertu mistrieħ hija xi ħaġa tajba iżda xalar bla rażan u fiduċja fil-kumditajiet żejda ta’ din il-ħajja żgur ma humiex ser jagħtu sens profond lil ħajjitna.

Il-bniedem huwa ħlejqa spiritwali. Għalhekk qalbu ma timteliex bi ħwejjeġ ta’ din id-dinja iżda b’Alla. Huwa biss jagħtina l-paċi tal-qalb. B’daqshekk ma jfissirx li l-bniedem ma għandu jkollu xejn, ikun fqir u dejjem imċaħħad. Infatti l-Knisja qatt ma faħħret il-faqar bħala miżerja u dejjem għamlet biex ittaffih.

Il-bniedem jiżbalja meta jorbot qalbu mas-sentimenti ta’ sodisfazzjon f’din id-dinja. Ta’ spiss il-bniedem isib ruħu jssielet ma’ diffikultajiet, mard, u tbatija oħra.

Biex il-bniedem  isib il-milja tal-ħajja jrid jagħraf, iħobb u jagħmel ir-rieda ta’ Alla. U b’dan il-mod isib il-paċi tal-qalb. Jekk il-bniedem ikollu l-paċi tal-qalb jinfetħu perspettivi ġodda għalih. Jibda jifhem li meta jimrad u waqt is-slaleb, il-ħajja ma titlifx is-sens tagħha. Anki l-bniedem meta ma jistax igawdi t-tajjeb li toffri d-dinja ma jaqtax qalbu għax jekk ikollu l-paċi tal-qalb ikun sab teżor aqwa. San Ġorġ Preca jgħidilna: “Il-paċi ta’ qalbek la tibdilha ma’ xejn, ma’ ħadd, għax hija l-uniku l-uniku teżor tiegħek, u xejn m’hemm aktar prezzjuż minnha. Biex tgawdi l-paċi ħoll qalbek minn kwalunkwe ħaġa maħluqa u orbot dejjem u kontinwament mal-volontà ta’ Alla” (Direttorju Spiritwali, Direzzjoni Nru. 207).

3 Il-magħmudija hija twelid gdid

Tkellimna kemm huwa importanti li nsibu tifsira spiritwali għal ħajjitna. Irridu niftakru li aħna għandna żewġ twelidijiet: l-ewwel wieħed huwa dak fiżiku u t-tieni twelid huwa dak tal-magħmudija.

Permezz ta’ dan is-sagrament aħna twelidna spiritwalment. Il-Papa Franġisku semma kemm-il darba li għandna nfittxu ċ-ċertifikat tal-magħmudija biex naraw il-bidu tagħna fil-ħajja nisranija.

Il-magħmudija nistgħu nsejħulha l-akbar sagrament għaliex hija l-pedament ta’ kull sagrament ieħor. Għalhekk tissejjaħ il-bieb għas-sagramenti l-oħra. Tant huwa sagrament kbir li l-qaddisin kollha bdew il-mixja lejn il-perfezzjoni permezz tiegħu.

Dan is-sagrament jagħtina l-grazzja ta’ Alla filwaqt li jaħfer id-dnub tan-nisel. Ikun xieraq li napprezzaw kemm hija sabiħa l-grazzja ta’ Alla li tagħti ħajja ġdida lir-ruħ tagħna. Matul ħajjitna kollha għandna nissieltu biex inżommu fina l-grazzja ta’ Alla li tista’ tintilef permezz tad-dnub il-mejjet. Meta nsemmu l-magħmudija ma nistgħux ma nsemmux is-sagrament tal-qrar li jaħfer id-dnubiet kollha li nagħmlu wara l-magħmudija.

Tliet ommijiet

Niftakru li għandna tliet ommijiet: l-omm fiżika tagħna, il-Knisja u l-Verġni Marija. L-omm ta’ din id-dinja tatna ħajjitna, il-Knisja tagħtina ħajja ġdida permezz tas-sagramenti, il-Liturġija u l-predikazzjoni filwaqt li l-Verġni Marija hija Ommna tas-sema. Hija tħobbna u tindaħal għalina sabiex naslu f’Ġerusalemm tas-sema. San Ġwann Bosco li tant kien iħobbha jgħid: “L-imħabba li għandha Marija għalina hija aqwa miIl-milja tal-imħabba tal-ommijiet kollha ta’ din id-dinja flimkien.”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.