Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

FESTA FL-ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAD-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX – 16 TA’ SETTEMBRU 2012
(MINFLOK L-24 ĦADD TAŻ-ŻMIEN TA’ MATUL IS-SENA)

BIDU:
Illum fid-Djoċesi tagħna qegħdin nagħmlu festa fl-okkażjoni tal-anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi Għawdxija. Id-Djoċesi tagħna twaqqfet mill-Papa Piju Disgħa fis-16 ta’ Settembru 1864, permezz tal-Bolla Singulari Amore – jiġifieri B’imħabba liema bħalha. Aħna nfakkru dan l-anniversarju bħala Jum ta’ Radd il-Ħajr lill-Mulej għat-tjieba kbira tiegħu magħna matul dawn is-snin u għall-grazzji li għoġbu jxerred fuqna permezz tal-Knisja tiegħu. Nagħtu bidu għalhekk għal din iċ-ċelebrazzjoni billi nkantaw flimkien.

ATT PENITENZJALI:
Mulej, li tagħmilna l-poplu maħbub tiegħek, ikollok ħniena minna. R/. Mulej, ħniena.

Kristu, li tridna nuru mħabba lejn xulxin, ikollok ħniena minna. R/. Kristu, ħniena.

Mulej, li tifrex il-ħniena tiegħek fuq dawk kollha li jibżgħu minnek, ikollok ħniena minna. R/. Mulej, ħniena.

QARI 1 (Is 63,7-9):
Il-Profeta Isaija jfaħħar il-kobor tal-imħabba ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu. Waqt li jiftakar fil-ġrajjiet iebsa tal-passat li l-poplu ġarrab matul l-istorja, il-profeta jimmaġina lil Alla qisu missier li jġorr fuq dirgħajh lil uliedu ċkejknin.
SALM RESPONSORJALI (Salm 144):
Responsorju: Imbierek ismek, Mulej, għal dejjem.

QARI 2 (Ġak 2,14-18):
San Ġakbu jgħallimna li biex il-fidi tkun vera trid tasal li tpoġġi fil-prattika l-imħabba tal-proxxmu. Min jemmen verament, ma jistax jibqa’ b’idejh fuq żaqqu quddiem il-bżonnijiet tal-bnedmin foqra u batuti.

VANĠELU (Lq 1,39-55):
Fis-silta tal-Vanġelu li se tixxandrilna, magħrufa bħala l-Manjifikat, il-Knisja kollha f’Għawdex tingħaqad ma’ Marija fit-tifħir lil Alla. Għad li aħna gżira ċkejkna, Alla jħares lejna b’imħabba kbira, jgħaqqadna bħala Knisja-familja tiegħu, u jaħdem magħna l-għeġubijiet ta’ mħabbtu. Nilqgħu din l-istedina bil-kant tal-Hallelujah.

TALBA TAL-FIDILI:

Ċelebrant:
Fil-pjan misterjuż tal-ħniena tiegħu, Alla għażilna biex inkunu l-Knisja tiegħu. F’din il-Knisja li hija aħna, aħna noffru s-sagrifiċċju tas-salvazzjoni tagħna, waqt li nersqu lejn il-Mulej biex ikompli juri mħabbtu lejna. Noffru għalhekk it-talb tagħna lil Alla waqt li ntennu:
Isma’ talbna, Mulej, u salvana.

Lettur:
1. Għall-Knisja kollha f’Għawdex: biex filwaqt li trodd ħajr lil Alla, tkompli tikber fil-fidi u fl-għemejjel tal-ħniena u tal-ġustizzja. Nitolbu.

2. Għall-Papa: biex iż-żjara li qiegħed jagħmel fil-Libanu fi tmiem din il-ġimgħa, tkun żerriegħa ta’ sliem u fraternità fost il-popli tal-Lvant Nofsani, u sinjal ta’ kuraġġ għall-Insara li jgħixu f’dawn il-pajjiżi. Nitolbu.

3. Għall-familji kollha tal-gżira tagħna: biex isibu fil-Vanġelu kelma ta’ faraġ u ta’ qawwa fil-mixja tal-ħajja. Nitolbu.

4. Għall-anzjani u għall-morda tagħna: biex iħossu tassew il-preżenza kollha mħabba tagħna fil-qrib tagħhom. Nitolbu.

5. Għat-tfal tagħna: biex fuq l-eżempju ta’ dawk li għaddewlhom il-fidi, jagħżlu huma wkoll li jimxu wara Kristu fil-Knisja tiegħu. Nitolbu.

6. Għad-Djoċesi tagħna: biex il-Mulej ikompli jżejjinha b’vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali, għall-ħajja kkonsagrata u missjunarja. Nitolbu.

Ċelebrant:
Mulej, Missier qaddis, li mxejt magħna matul dan iż-żmien, ibqa’ qrib tagħna u kompli xerred fuqna l-kotra tal-barkiet tiegħek. Bi Kristu Sidna.
R/. Ammen.
OFFERTORJU:
Mal-ħobż u l-inbid li se noffru għas-sagrifċċju, noffru wkoll l-istorja tagħna u l-ġrajjiet li minnhom għaddejjin bħalissa, biex isiru ħaġa waħda mal-istorja tas-salvazzjoni li Alla jaħdem mal-poplu tal-gżira tagħna. Inkantaw flimkien.

TQARBIN:
Fl-innu ta’ tifħir li smajna fil-Vanġelu, Marija tfaħħar lil Alla għax jimla b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ. Nixxennqu għal Kristu, u fit-tqarbin infittxu l-ikel li jimla l-qalb tagħna. Inkantaw flimkien.

RINGRAZZJAMENT:
«Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej; iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha,» xandarna fis-Salm. Infaħħru lill-Mulej, għax għamilta ħbiebu meta għamilna knisja-poplu tiegħu. Inkantaw flimkien.

GĦELUQ:
Iċċelebrajna l-festa tal-anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi tagħna. Id-Djoċesi ma tikkonsistix fi knejjes tal-ġebel, anke jekk sbieħ u mżejna għall-festa. Aħna niffurmaw il-knisja ta’ Alla! Aħna l-ġebel ħaj! Kif qalilna San Ġakbu fit-tieni qari, ejjew tassew ngħixu l-fidi tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Dan ikun l-akbar tifħir li nistgħu nagħtu lil Alla. Nagħlqu din iċ-ċelebrazzjoni bil-kant.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading