L-Evanġelju tal-Ħamis 13 ta’ Settembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq6,27-38

Il-proposta ta’ Ġesù mhix ġdida. Forsi hi ġdida għall-bniedem imma żgur mhix ġdida għal Alla.

Fiha nnifisha turi kemm Alla jixtieq u jrid li l-bniedem ikun bħalu; qed jagħtih il-possibiltà li jħobb bħalu. Il-bniedem jaħseb li juri s-setgħa tiegħu iktar kemm jirkeb u jgħaffeġ fuq bnedmin oħra; Alla juri l-qawwa tiegħu billi jaħfer, jgħader, iħenn u jħobb.

M’hemm l-ebda qawwa f’li wieħed jagħmel li jiġi għal idejh, f’li jagħmel dak li, kif ifettillu, jagħmel kulħadd; m’hemm xejn straordinarju f’li l-bniedem iġib ruħu skont l-istinti primittivi tiegħu u jabbuża minnhom ukoll. Alla tant iħobb lill-bniedem li jsejjaħlu għall-ħajja tiegħu ta’ mħabba, anke jekk il-bniedem, ħafna drabi jixxennaq biss għall-omnipotenza ta’ Alla biex jeħodlu postu u jagħmel li jrid. Iżda Alla jistieden lill-bniedem biex jgħix il-ħajja ta’ Alla u min jgħix il-ħajja ta’ Alla jgħix għal dejjem.

Ġesù juri ċar u tond li dik li aħna nsejħu mħabba imqanqla mill-egoiżmu jew minn ħsieb ta’ qliegħ jew minn biża’ ma hi mħabba xejn. Fiha m’hemm xejn żejjed, m’hemm xejn ta’ barra minn hawn; kapaċi jġib ruħu hekk kulħadd, anke dawk li nikkritikaw għall-imġieba ħażina tagħhom.

Min jagħti miż-żejjed li għandu mhux iħobb; iħobb min jagħti lilu nnifsu lil kulħadd f’kull sitwazzjoni u dejjem. Mhux faċli? Min qal li hi? Ġesù stess għadda minnha u meta tawh daqqa ta’ ħarta ma dawwarx wiċċu biex jaqla oħra, iżda ta lilu nnifsu għall-mewt, minkejja kien bla ħtija; it-tbatija li ġarrab kienet kbira.

It-triq tal-imħabba hi t-triq tal-bieb id-dejjaq, it-triq tat-tbatija. Il-konklużjoni ta’ Ġesù nifhmuha anke jekk nirraġunawha bil-moħħ dgħajjef tagħna u nkejluwha bl-esperjenza ħafna drabi qarsa tagħna.

L-imħabba m’għandniex bżonnha meta kollox hu faċli, meta s-sema hu ċar u l-baħar żejt iżda ma ngħaddux mingħajrha meta t-triq tibda tkun għat-telgħa, meta s-sħab jaħkem is-smewwiet u meta l-baħar jibla’ l-art.

Il-perfezzjoni mhix dak li jagħmel il-bniedem skont kif jaqbillu; dak jaf jagħmlu kulħadd. Il-perfezzjoni hi kif jgħix u dak li jagħmel Alla; dan jagħmlu biss min tassew irid.

Leave a Reply

%d bloggers like this: