Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Santwarju tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema


Il-Ħadd, 30 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Santwarju tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema.

2019-09-30-sacro-cuor.jpg

IL-PJAGA TAS-SOLITUDNI

F’Jannar li għadda l-Prim Ministru tal-Ingilterra, Theresa May, ħolqot Ministeru ġdid fil-Kabinett tagħha, b’mandat speċifiku: biex jieħu ħsieb dawk li qegħdin fis-solitudni! 15% tal-popolazzjoni Ingliża (disa’ miljuni) jinsabu fis-solitudni. Bir-raġun, May issejjaħ is-solitudni bħala “pjaga nazzjonali”. Is-solitudni ma tagħmilx diskriminazzjoni għax taħkem lil kulħadd – adulti u żgħażagħ! Saħansitra hemm tfal li huma milquta minn dak li Zygmunt Bauman, ħassieb u soċjologu ta’ fama, sejjaħ “il-virus” li qed iħassar u jikkomprometti l-ħajja llum.

Is-solitudni mhix fenomenu riservat għall-Ingilterra biss. Fl-Italja, 12% tal-popolazzjoni, u fi Franza ftit aktar minn 17%, iħossuhom waħidhom u ma jsibux widna li tismagħhom jew spalla biex iserrħu rashom! Aktar ma jogħla l-livell tal-faqar, aktar tiżdied is-solitudni. Is-solitudni tkattar il-faqar, iġġib magħha d-depressjoni, u f’każijiet estremi kapaċi twassal lill-bniedem biex jagħmel għażliet koroh u estremi.

Ma naħsibx li f’pajjiżna aħna meħlusa minn din l-epidemja tas-solitudni, imma kif is-soltu jiġri, aħna ndumu ftit biex nammettu l-fatti.

Meta nitkellmu fuq is-solitudni, ma nifhmux biss li persuna tkun fiżikament waħdiha – diġà din it-tip ta’ solitudni waħidha hija tqila ħafna. Naf b’individwi, bħalma huma r-romol, li jaraw il-passjoni meta ħabta u sabta jsibu ruħhom waħidhom!

Imma hemm is-solitudni psikoloġika kkawżata mill-fatt li llum il-bniedem tant jinsab marsus fil-massa u l-ħajja saret tant mgħaġġla, li qed nitilfu l-kapaċità li nikkomunikaw ma’ ta’ madwarna. Dan il-faqar ta’ komunikazzjoni jinsab saħansitra fid-djar tagħna fejn, biex nitkellmu minn kamra għall-oħra, bdejna nippreferu naqbdu l-mowbajl u “nċemplu” lil xulxin. Komunikazzjoni impersonali!

Hemm imbagħad is-solitudni intellettwali. Barra li donnu llum ma baqgħalniex ħin biex nirriflettu u niżnu ftit b’mod kritiku l-emozzjonijiet u ħsus li jaqsmu minn moħħna, hemm ukoll il-fatt li fis-soċjetà llum jiddomina l-ħsieb uniku, fis-sens li huwa mistenni li kulħadd jaħseb l-istess u gwaj jekk xi ħadd joħroġ mill-mainstream tal-ħsieb predominanti, għax miskin hu.

Hemm is-solitudni morali: il-fatt li llum irridu dejjem nagħlfu u nikkuraw il-jien (individwaliżmu), dawk ta’ madwarna saru theddida għall-jien. Għalhekk, f’tentattiv biex iħares il-jien, illum il-bniedem qed isir espert kif jibni l-barrieri biex ma jkunx hemm jien u int. Hekk il-jien dejjem jiġi iżolat waħdu.

Saħansitra hemm is-solitudni spiritwali fejn il-bniedem sar tant mimli bih innifsu u sar tant ċert minnu nnifsu li jidhirlu li jista’ jgħaddi mingħajr Alla. Bħal donnu r-ruħ (l-ispirtu) ġiet iffriżata.

Hija biss is-solidarjetà li tista’ tgħinna nfiqu minn dan il-virus, għaliex li tkun solidali jfisser li turi interess, attenzjoni, viċinanza, imħabba u toffri għajnuna lill-proxxmu tiegħek.

Fid-dawl tal-Vanġelu tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija f’Nazaret, il-komunità Nisranija għandha kontribut x’toffri f’dan ix-xenarju. Meta nżommu quddiem għajnejna li kien dakinhar f’Nazaret li l-Iben ta’ Alla sar bniedem, napprezzaw l-għażla li għamel Alla biex ikun solidali mal-umanità. Alla jibgħat lil Ibnu fid-dinja għax ġietu ħasra mill-bniedem li kien waħdu! Fil-fatt, l-awtur tal-Ittra lil-Lhud iqiegħed dan il-kliem fuq fomm Ġesù: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx. Imma ġisem int ħejjejt għalija… Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (10:7). Fi kliem ieħor, nistħajjel lil Ġesù qiegħed jgħid li hu sar bniedem biex bħala Alla seta’ jgħid lill-bniedem li qed jegħreq fis-solitudni: “Hawn jien” – Alla qiegħed ħdejk! Dak li fi ħdan it-Trinità ma kienx jaf x’inhi s-solitudni, sar bniedem bħalna u ġarrab hu nnifsu t-toqol tas-solitudni fejn saħansitra ħassu mitluq ukoll mill-Missier!

Fl-istess ġrajja ta’ Nazaret, Marija wkoll tgħid lill-Anġlu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Marija qed tgħid “hawn jien” lil Alla biex permezz ta’ Ibnu huwa jkun solidali mal-bniedem; imma qiegħda wkoll tgħid “hawn jien” lill-bnedmin fid-diffikultajiet tagħhom. Fil-fatt, fil-Vanġeli nsibu li Marija qalet “hawn jien” lil Eliżabetta u Żakkarija; qalet “hawn jien” lill-koppja għarajjes ta’ Kana; qalet “hawn jien” lil Ġesù meta kien fuq il-Kalvarju; u reġgħet tenniet “hawn jien” lill-Appostli magħluqa u mbeżżgħa fiċ-Ċenaklu!

Marija hija xbieha tal-Knisja. Kif jikteb il-Beatu Papa Pawlu VI, “l-azzjoni tal-Knisja fid-dinja hija l-prolungament tal-attenzjoni materna ta’ Marija” (Marialis cultus, 28). Għalhekk l-attitudni tagħha trid tkun l-attitudni tagħna bħala komunità ekkleżjali. Kif tagħmel il-qalb meta tkun mitluf imbagħad tisma’ lil xi ħadd jgħidlek “hawn jien”, hekk kapaċi jieħu r-ruħ min huwa mitluf fid-deżert tas-solitudni u jisma’ l-leħen ta’ xi ħadd jgħidlu hawn jien! F’dan il-kuntest ta’ solitudni li twaħħax, il-komunità Nisranija jrid ikollha fuq fommha din il-frażi rassiguranti. Il-kult huwa importanti, imma l-liturġija mingħajr din l-azzjoni ta’ karità u ta’ solidarjetà tkun liturġija bla sens. Hemm diversi oqsma fejn huwa urġenti li tidwi l-frażi hawn jien.

Il-familja, daqskemm tista’ toffri esperjenza ta’ komunjoni, daqshekk ieħor nistgħu nirrenduha bħala hostel fejn jgħammru individwi li jiġu minn xulxin. Meta wieħed jikkunsidra li ħafna drabi anki l-ġenituri huma assenti għal uliedhom (mhux bilfors minħabba raġunijiet ħżiena), huma l-ġenituri li jeħtiġilhom ilissnu hawn jien għal uliedhom. Anki l-ulied għandhom bżonn jitgħallmu jgħidu hawn jien lill-ġenituri tagħhom, partikularment meta dawn jikbru fl-età. Ħasra li llum l-anzjani qed jitqiesu bħala piż żejjed u ħafna għandhom seba’ mitt sena sakemm iqalftuhom ’il barra f’xi home.

Ma għandniex għalfejn noqogħdu naħsbuha biex ngħidu hawn jien lill-foqra ta’ żminijietna. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “in-nuqqas ta’ solidarjetà mal-bżonnijiet tal-fqir jolqot direttament ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla” (EG, 187). Jekk irridu nkunu Knisja kredibbli, it-triq hija waħda: li nkunu Knisja li, jiswielna kemm jiswielna, ngħidu hawn aħna biex ngħinu lil kull min hu fqir. Li nagħlqu l-bieb f’wiċċ il-fqir huwa dnub.

Irridu nkunu lesti li ngħidu hawn aħna lil kull min qiegħed ibati minn xi stigma soċjali bħalma huwa l-każ tad-drogati, persuni li jkunu ħarġu mill-ħabs, persuni li għandhom xi diżordni mentali, u oħrajn. Filwaqt li għal xi wħud l-istigma hija motiv validu biex jeskludu jew iqiegħdu fil-ġenb lil dawn il-persuni, għalina d-dixxipli ta’ Kristu din hija opportunità biex nilqgħuhom u ngħinuhom fil-proċess ta’ riabilitazzjoni. Anki jekk kulħadd, inkluż l-Istat, ikun qata’ qalbu minn xi ħadd, bħala Knisja aħna rridu nibqgħu noffru messaġġ ta’ tama.

Fuq kollox, għandna bżonn ngħidu hawn jien lil dawk li jinsabu f’miżerja spiritwali. Ħafna drabi bgħattna l-messaġġ li l-komunità Nisranija hija ffurmata biss minn nies perfetti. Konsegwenza ta’ dan, dawk li ma humiex perfetti (fil-fehma tiegħi din hija r-regola) setgħu tilfu kull tama li jistgħu jsibu posthom fil-ġemgħa Nisranija. Huwa fatt li ladarba ħafna għandhom il-fantasija li huma “perfetti”, allura faċli jassumu atteġġjamenti li jbarru lil min mhux. Għall-kuntrarju ta’ dan, lil dawn l-aħwa l-komunità Nisranija trid ittennilhom hawn jien, biex minkejja li għandhom passi tqal, timxi magħhom wara Ġesù. Aħna jrid ikollna l-kuraġġ li ngħidu hawn aħna wkoll lil dawk li għandhom diffikultà biex jaċċettaw lil Ġesù f’ħajjithom – hija din is-solidarjetà tagħna magħhom li ddewwaqhom il-benna ta’ Ġesù!

Mill-bieraħ dan it-tempju huwa Santwarju Marjan. Xieraq li għalhekk hawnhekk isir ċentru ta’ pellegrinaġġi fejn l-Insara jiġu jistkennu taħt il-mant ta’ Marija Reġina tal-Qalb ta’ Ġesù; imma nirrakkomandalkom ukoll biex tagħmlu minn dan is-santwarju dar għal dawk li huma milquta mill-pjaga tas-solitudni. Inżommu quddiem għajnejna dak li jikteb San Ġwann Damaxxenu dwar id-devozzjoni Marjana: “Lil Marija aħna nqimuha bil-miżerikordja u s-solidarjetà lejn il-foqra” (It-II Omelija dwar id-Dormizzjoni).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.