L-Evanġelju tal-Ħadd 30 ta’ Settembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 9, 38-43.45.47-48

Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”.

Ġesù Kristu ma hu ta’ ħadd iżda dawk li jemmnu fih huma tiegħu. Il-ġid f’isem Ġesù hu għal kulħadd u għandu jagħmlu kulħadd għax l-għemil għall-ġid ma hu monopolju ta’ ħadd. Ġesù juri lil Ġwanni, li tkellem, u lid-dixxipli l-oħra li semgħuh, li qatt ma għandna nwaqqfu lil min jagħmel il-ġid f’isem Ġesù, għax il-ġid huwa meħtieġ biex jagħraf il-kobor tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, il-mirakli jsiru bil-qawwa tal-fidi f’Ġesù Kristu. Kif wieħed jista jemmen b’qawwa daqshekk kbira f’isem Ġesù u mbagħad ikun kontrih. Jekk wieħed jinvoka lil Ġesù għax tassew jemmen fih, u jwettqu, dak hu ma’ Ġesù mhux kontrih.

Min mhux kontra tagħna huwa magħna. Twissija serja għalina li kultant nippruvaw nagħmlu għedewwa anke minn fost dawk li huma magħna, ta’ ġewwa. Dudu qerriedi huwa dak li fil-Knisja jdawwarna kontra xulxin, li jikkonvinċina li mingħajrna l-imħabba ta’ Alla u l-ġid li jwettaq ma jaslux għand il-bnedmin. Is-sabiħ tal-knisja hi li hija magħmula minn qawsalla ta’ gruppi u għaqdiet li Alla juża l-kariżmi tagħhom biex jasal fi qlub dawk imxennqin għalih. Tkun kontradizzjoni kbira jekk aħna filwaqt li nagħmlu minn kollox biex inqarrbu l-bnedmin lejn Alla, bi ħsibna, kliemna u anke b’għemilna nkunu qed nitbiegħdu minn xulxin.

Tazza ilma lil min jemmen għax jemmen ma tibqax mingħajr il-ħlas tagħha u Ġesù ma jgħidx dak il-ħlas x’inhu.

Iżda l-ħlas lil min ifixkel lil xi ħadd milli jgħix il-fidi skont il-valuri mwasslin minn Ġesù, huwa iebes u kiefer. Mhux biss ħaqqu l-mewt iżda lanqas biss għandu jibqa’ jidher fuq wiċċ l-art; postu hu qiegħ il-baħar. Fit-Testment il-Ġdid, il-baħar huwa d-dagħbien bla tarf mhux magħruf li fih jinħeba l-ħażen tant li l-awtur tal-Apokalissi, meta jitkellem fuq sema ġdid u art ġdida, jgħid li ma jkunx hemm iżjed baħar, sewwa sew għax ħażen ma jkunx hemm iktar. M’hemmx kantunieri u m’hemmx skużi.

Il-qerq li jwassal għall-iskandlu huwa l-prerogattiva tal-Ħażin li bil-gideb tiegħu għandu l-ħila jfixkel anke l-iktar kuxjenza fina. Il-gidba tiegħu twassal biex min jagħmel il-ħażin ikun konvint li qed jagħmel it-tajjeb; min joqtol ikollu l-ħila jemmen li qed jagħti l-ħajja; min jobgħod jasal biex jemmen li qed jobgħod għax iħobb. Il-qerq huwa l-illużjoni tal-ksib tal-milja ta’ kollox billi jniżżel fil-eqqel qiegħ tal-ħama. U m’hux biss il-Ħażin li jqarraq. Biex jieħu post Alla il-bniedem ukoll kapaċi jivvinta kull qerq u jidħaq hu u jiftaħar bil-qerq li vvinta. Il-qarrieq jistħoqqlu jissieħeb ma’ min hu bħalu u ma’ Missier il-Gidba fil-qiegħ tal-baħar, għax wara li jisraq il-libertà għall-imħabba, isieħeb miegħu lil min jaħdem id f’id miegħu.

Mela ibżgħu għal xulxin. Ħudu ħsieb xulxin. Ikkultivaw it-tajjeb li hemm f’xulxin u ifirħu bih biex tingħeleb id-dgħufija bil-qawwa ta’ kulħadd u l-qarrieq li jattakka billi jfixkel jsib quddiemu s-sur tal-imħabba li tgħaqqad.

Ibżgħu ukoll għalikom infuskom. Jekk tħares lilek innifsek tqkun qed issalva lilek innifsek, anke jekk tiċċaħħad minn xi parti jew oħra ta’ ħajtek. Mal-qarrieq ma tiddiskutix, mal-gidba ma tirraġunax. Dak li jxekklek u jfixklek eħles minnu. Għandna bżonn kollox biex ngħixu iżda mhux kollox hu essenzjali għall-ksib tal-ħajja ta’ dejjem. Nista’ nxejjer idejja t-tnejn bil-ferħ tal-ksib ta’ dak li mhux tiegħi, imma malajr jinżlu meta nagħaraf li dak li ksibt m’hux jiswieli biex nikseb l-hena veru. Ibża’ għalik innifsek.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading