Santa Tereża tal-Bambin Ġesù (1873 – 1897)


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, hija l-qaddisa, li minkejja li ma għamlitx ħwejjeġ straordinarji saret duttura tal-Knisja u patruna tal-missjonijiet.

Tereża twieldet fit-2 ta’ Jannar 1873. L-isem sħiħ li tawha fil-magħmudija kien ta’ Marie Franciose Therese. Missierha u ommha kienu tat-tajjeb u rabbew il-familja tagħhom f’ħajja devota. Iċ-ċkejkna Tereża ħadet l-ewwel ispirazzjoni għall-ħajja tagħhom. Iżda fl-1877 ommha mietet u għalhekk il-familja marret toqgħod fil-belt ta’ Liseux. Hemmhekk oħtha l-kbira Pauline kienu tieħu ħsiebha daqs li kieku kienet ommha.

download.jpgMeta Tereża kellha disa’ snin din oħtha daħlet soru fil-kunvent tal-Karmelu. Issa ċ-ċkejkna għaddiet minn perjodu ikrah fejn mhux darba jew tnejn kienet tibki. Kien waqt il-lejl tal-Milied fejn wara t-tqarbina, b’miraklu ġiet imfejjqa minn din il-kundizzjoni. Issa Tereża bħal “ikkonvertiet” u saret aktar matura spiritwalment.

Sadanittant, oħtha oħra Marie daħlet soru fil-Karmelu u għalhekk ix-xewqa taċ-ċkejkna Tereża tkebbset aktar. Missierha kien taha l-permess iżda l-awtoritajiet tal-kunvent u l-Isqof tal-post ma ħallewhiex tidħol billi kienet ta’ eta’ żgħira ħafna. Fil-fatt kellha biss erbatax-il sena. Iżda Tereża kienet għadha deċiza li ssir soru. Ftit xhur wara marret ma’ missierha f’pelleġrinaġġ lejn Ruma u meta kienet f’udjenza mal-Papa Ljun XIII tarfitu bil-ħsieb tagħha biex tkun tista’ tidħol Karmelitana ta’ ħmistax-il sena. Il-Papa għalkemm qalilha biex tobdi lis-superjuri tagħha, madankollu għamlilha kuraġġ u qalilha: “Jekk Alla jrid, inti għad tidħol soru”. Naturalment hija ħarget diżappuntata u lil oħtha Pauline qaltilha li hija qisha ballun f’idejn Ġesu’ li jagħmel bih li jrid.

Fl-aħħar nett l-Isqof ta l-permess tiegħu u fl-1888 Tereża daħlet fil-kunvent tal-Karmelu meta kellha biss ħmistax-il sena. L-isem religjuż tagħha kien Tereża tal-Bambin Ġesu’ u wara tawlitu bil-kelmiet “u tal-wicc qaddis tiegħu” bħala tifkira tat-tbatijiet tiegħu għalina l-bnedmin.

L-ewwel snin tagħha fil-Karmelu ma kinux ward u żgħar u kif qalet hija sabet aktar xewk milli ward. Il-Prijura Madre Marija Gonzaga kienet tittrattata b’ċerta ħruxija filwaqt li ġarrbet dubji fil-vokazzjoni tagħha. Missierha ġarrab diversi attakki li affettwawlu moħħu u kellu jgħaddi tliet snin f’istituzzjoni. Infatti qatt ma rnexxielu jfiq u miet fl-1894. Oħtha Celine li kienet tieħu ħsieb missierha, issa daħlet fil-Karmelu.

Fil-Kunvent Tereża tgħallmet tħobb aktar lil Sidna Ġesu’ Kristu, b’mod ġdid iżda profond fl-istess ħin. It-triq li ipproponiet hija ġiet imsejjħa t-Tfulija Spiritwali”. Ta’ min jinnota li Santa Tereża qatt ma nqdiet b’din il-frazi. Infatti l-espressjoni “tfulija spiritwali” ġiet mizjuda mal-kitbiet tagħha minn Madre Agnes ta’ Ġesu’ fl-1907 meta kienet qegħda tipprepara edizzjoni ġdida tal-awtobiografija tagħha.

Il-frażi tfulija spiritwali ma għandhiex tiftiehem li Santa Tereża kellha xi mod ta’ ħajja li huwa tat-tfal u għalhekk nieqes mill-maturita’. Tiftiehem li l-qaddisa kienet tgħix l-ispiritwalita tagħha b’mod mill-aktar ħaj, ‘il bogħod mill-kumplikazzjonijiet tal-kotba spiritwali ta’ dak iż-żmien. Infatti hija tgħid li meta kienet taqra xi trattat fuq l-ħajja tar-ruħ, tant kienet issibu tqil li kien jaqbadha uġigħ ta’ ras, b’mod li kellha tħallih u taqbad l-Iskrittura.

Forsi wieħed jistaqsi x’inhija t-tfulija spiritwali. Hija l-umilta’ li wieħed għandu jkollu lejn Alla. Tikteb: “Ġesu’, jiena ċkejkna wisq biex nagħmel ħwejjeg kbar” “Hemm xi ruħ iċken u aktar bla ħila minn din tiegħi”. Kienet konxja li hija sempliċi soru fil-kunvent tagħmel id-dmirijiet tagħha ta’ kuljum. Iżda l-imħabba lejn Alla tant kienet kbira li fiha kellha xewqat kbar u nobbli. Dan narawh minn din il-parti ta’ kitbitha meħuda mill-awtobiografija tagħha: “Minkejja ċ-ċokon tiegħi, jien kieku rrid indawwal l-erwieħ bħall-Profeti u d-Dutturi. Inħoss is-sejħa li nkun Appostlu… Irrid kieku niġri ma’ l-art kollha biex nippriedka Ismek u ħhawwel is-Salib glorjuż tiegħek fuq l-art ta’ dawk li ma jemmnux. Iżda, o maħbub tiegħi, missjoni waħda ma tkunx biżżejjed għalija, għax inkun irrid inxandar l-Evanġelju fl-istess ħin mal-ħames nahħt tad-dinja, sa fil-gżejjer l-aktar imbiegħda. Irrid kieku nkunu missjunarja mhux biss għal ftit snin, imma li kont dan mill-bidu tal-ħolqien u li nissokta nkun dan sat-tmien tas-sekli.. Iżda, fuq kollox, o Maħbub Salvatur tiegħi, irrid kieku nxerred demmi għalik sa l-aħħar qatra”.

Tereża kellha qalb missjunarja mill-aktar kbira. L-interess tagħha ma kienx limitat għal Alla u għal persuni li kienet qegħda tgħix magħhom fil-kunvent iżda għall-bnedmin tad-dinja kollha ta’ kull żmien. Lejn l-aħħar żmien ta’ ħajjitha tħajret biex tmur fil-kunvent Karmelitan f’Hanoi fl-Indocina Franċiża. Iżda saħħitha ma kenitx tippermetti dan. Madankollu Tereża ma ħarġitx deluża imma kompliet titlob għall-missjunarji u bejn is-snin 1896 u 1897 kitbitilhom ittri sbieħ u ta’ inkoraġġiment. Lil wieħed minnhom kitbitlu: “Jiena ċerta b’mod mill-aktar perfett li fil-ġenna mhux se noqgħod ma nagħmel xejn; ix-xewqa tiegħi li nkompli naħdem għall-Knisja u għall-erwieħ”. Sena qabel mietet lil wieħed missjunarju wegħditu: “jekk ma indumx li mmur l-ġenna, jiena nitlob il-permess ta’ Ġesu’ biex niġi nżurek f’Su-Chuen, u hemmhekk inkomplu l-appostolat flimkien”.

Proprju wieħed mill-aħħar ħsibijiet tagħha kien: “Jiena żgura li dawn il-mediċini ma huma ta’ ebda siwi għall-fejqan tiegħi, iżda jien ftehimt ma’ Alla li jkunu ta’ ġid għall-missjunarji fqar u morda u li la għandhom il-ħin u lanqas il-mezzi biex jieħdu ħsieb saħħithom. Tlabtu minn qalbi li jfejjaq lilhom minflok lili, u dan bis-saħħa tal-mediċini u l-mistrieħ li jkolli nieħu jien”. Qabel mietet wegħdet li hija se tkompli titħabat għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ filwaqt li tkompli tixħet il-ward mis-Sema.

Fil-Ġimgħa Mqaddsa ta’ 1896 uriet l-ewwel sinjal tat-tuberkolosi. Minflok tnikket Tereża ferħet għax dan kien is-sinjal li t-tmiem ta’ ħajjitha u għalhekk id-dħul tagħha fis-Sema kien fil-qrib. F’dan iż-żmien sakemm mietet għaddiet minn kull xorta ta’ tbatijiet. Darba qalet lill-Madre Anjeże: “dalwaqt se mmut, imma meta? O, meta? Ma hemmx li jasal dan il-waqt! … li tiġi l-mewt!… Qisni tifel ċkejken li kienu dejjem iwegħduh xi biċċa ħelu. Juruhielu mill-bogħod, imma meta jersaq biex jeħodha, xi id tiġbidha lura .. Iżda, fil-qiegħ ta’ qalbi lesta sew biex ngħix u sew biex immut, jew biex infiq u saħansitra mmur Koncicina, jekk Alla jitlob dan minni”. Wara agunija twila u ta’ tbatija mietet fit-30 ta’ Settembru 1897.

Proprju meta ġew biex jiktbu xi ħaġa fuqha għall-kunvent kif kienu s-soltu jagħmlu kkonfondew x’se jiktbu. L-unika uffiċċju li kellha kienet ta’ assistenta tal-majjistra tan-novizzi. L-aktar li spikkat fiha kienet għall-imħabba li kellha taħraq għas-salvazzjoni tal-bnedmin u li fissret fil-kitbiet tagħha. L-opri tagħha huma l-Istorja ta’ Ruħ li ġiet miktuba taħt ubbidjenza, aktar minn mitejn ittra, drammi għall-kunvent u kollezzjoni ta’ “l-aħħar ħsibijiet”.

Barra l-intervent ta’ Alla, b’mod uman nistgħu ngħidu li l-awtobiografija tagħha kienet li għamlitha daqshekk popolari mad-dinja kollha. L-ewwel darba li ġiet ippubblikata kienet sena wara mewtha u 47,000 kopja ġew mibjugħa sa l-1910. Fil-ħames snin ta’ wara xterdu mal-150,000 kopja filwaqt li s-sorijiet tal-kunvent li fih kienet tgħix kienu qegħdin jirċievu mal-ħames mitt ittra kuljum dwarha. Tant qalgħet grazzji li ma damitx wisq li bdiet il-kawża tal-kanoninazzjoni tagħha mingħajr ma qagħdu jistennew intervalli. Ġiet dikjarat qaddisa mill-Papa Piju XI fl-1925 u fl-1927 ġiet magħmula bħala patruna tal-missjonijiet.

Din il-qaddisa tgħallimna li nwettqu b’imħabba kbira id-dmirijiet tal-ħajja ta’ kuljum filwaqt li mħabbitna tħaddan lill-bnedmin kollha.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.