Diskors tal-Qdusija tiegħu Franġisku fil-Bidu tas-Sinodu ddedikat liż-Żgħażagħ


L-Erbgħa 3 Ta’ Ottubru 2018: Ftuħ Tal-XV-Il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet – Diskors tal-Qdusija tiegħu Franġisku fil-Bidu tas-Sinodu ddedikat liż-Żgħażagħ
fl-Awla tas-Sinodu.

Għeżież Beatitudnijiet, Eminenzi, Eċċellenzi, għeżież ħuti, għeżież żgħażagħ!

Jien u dieħel f’din l-awla biex nitkellem fuq iż-żgħażagħ, diġà stajt inħoss il-qawwa tal-preżenza tagħhom li xxerred pożittività ta’ entużjażmu, li kapaċi tinvadi u tferraħ mhux biss lil din il-miġemgħa, imma l-Knisja u d-dinja kollha.

Ara għaliex ma nistax nibda mingħajr ma ngħidilkom grazzi! Grazzi lilkom preżenti, grazzi lil tant persuni li matul il-mixja ta’ tħejjija ta’ sentejn – hawn fil-Knisja ta’ Ruma u fil-Knejjes kollha tad-dinja – ħadmu b’dedikazzjoni u passjoni biex jgħinuna naslu għal dan il-mument. Grazzi mill-qalb lill-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, lill-Presidenti Delegati, lill-Kardinal Sérgio da Rocha, Relatur Ġenerali; lil Mons. Fabio Fabene, Sotto-Segretarju, lill-Uffiċjali tas-Segreterija Ġenerali u lill-Assistenti; grazzi lilkom kollha, Padri Sinodali, Udituri, Uditriċi, esperti u konsulturi; lid-Delegati fraterni; lit-tradutturi, lill-kanturi, lill-ġurnalisti. Grazzi mill-qalb lilkom kollha tal-parteċipazzjoni attiva u għammiela tagħkom.

Grazzi mill-qalb liż-żewġ Segretarji Speċjali, Patri Giacomo Costa, Ġiżwita, u Dun Rossano Sala, Salesjan, li ħadmu b’ġenerożità u impenn u sagrifiċċju personali. Lagħbu ġildhom, fil-preparazzjoni!

Nixtieq anki nirringrazzja minn qalbi liż-żgħażagħ li qegħdin ikkollegati magħna, f’dan il-mument, u liż-żgħażagħ kollha li b’ħafna modi semmgħu leħinhom. Nirringrazzjahom għax emmnu li jagħmel sens li jħossuhom parti mill-Knisja jew li jidħlu fi djalogu magħha; jagħmel sens li jkollok lill-Knisja bħala omm, bħala għalliema, bħala dar, bħala familja, kapaċi, minkejja d-dgħufijiet umani u d-diffikultajiet, li tibbrilla u tittrasmetti l-messaġġ dejjem ħaj ta’ Kristu; jagħmel sens li tiggranfa mad-dgħajsa tal-Knisja li, minkejja li qalb it-tempesti qliel tad-dinja, tibqa’ toffri kenn u ospitalità; jagħmel sens li nisimgħu lil xulxin; jagħmel sens li ngħumu kontra l-kurrent u li nintrabtu ma’ valuri għoljin: il-familja, il-fedeltà, l-imħabba, il-fidi, is-sagrifiċċju, is-servizz, il-ħajja eterna. Ir-responsabbiltà tagħna hawn fis-Sinodu hi li ma nagħtuhomx tort, anzi, li nuru li għandhom raġun jirriskjaw: tassew jagħmel sens, tassew mhux żmien mitluf!

U nirringrazzja b’mod partikulari lilkom, għeżież żgħażagħ preżenti! Il-mixja ta’ tħejjija għas-Sinodu għallmitna li l-univers taż-żgħażagħ hu hekk varjat li ma jistax jiġi rappreżentat għalkollox, imma intom żgur li intom sinjal importanti tiegħu. Il-parteċipazzjoni tagħkom timliena bil-ferħ u bit-tama.

Is-Sinodu li qed ngħixu hu mument ta’ qsim. Nixtieq mela, fil-bidu tal-mixja tal-Assemblea sinodali, nistieden lil kulħadd biex jitkellem bil-kuraġġ u l-parresia, jiġifieri billi jintegra flimkien libertà, verità u karità. Id-djalogu biss jista’ jgħinna nikbru. Kritika onesta u trasparenti hi kostruttiva u tgħin, waqt li ma jagħmlux hekk it-tpaċpiċ bla siwi, il-qlajjiet, l-ispekulazzjoni jew il-preġudizzji.

U mal-kuraġġ li nitkellmu għandha tikkorrispondi l-umiltà li nisimgħu. Kont qed ngħid liż-żgħażagħ fil-Laqgħa pre-sinodali: “Jekk jitkellem dak li ma jogħġobnix, iżjed għandi nisimgħu, għax kulħadd għandu d-dritt li jkun mismugħ, kif kulħadd għandu d-dritt li jitkellem”. Dan is-smigħ miftuħ jitlob minna kuraġġ biex nitkellmu u nsiru leħen għal tant żgħażagħ tad-dinja li mhumiex preżenti hawn. Hu dan is-smigħ li jiftaħ l-ispazju għad-djalogu. Is-Sinodu għandu jkun taħriġ ta’ djalogu, fuq kollox bejn dawk li qed jieħdu sehem fih. U l-ewwel frott ta’ dan id-djalogu hu li kull wieħed u waħda jinfetaħ għall-ġdid, biex ibiddel il-fehma tiegħu grazzi għal dak li jkun sema’ mill-oħrajn. Dan hu importanti għas-Sinodu. Ħafna minnkom diġà ħejjew l-intervent tagħhom qabel ma ġew – u nirringrazzjakom ta’ dan ix-xogħol –, imma nistedinkom tħossukom liberi li tikkunsidraw dak li ppreparajtu bħala abbozz proviżorju miftuħ għal integrazzjonijiet u modifiki li l-mixja sinodali taf tissuġġerixxi lil kull wieħed u waħda. Inħossuna liberi li nilqgħu u nifhmu lill-oħrajn u għalhekk li nibdlu l-konvinzjonijiet u l-pożizzjonijiet tagħna: dan hu sinjal ta’ maturità umana u spiritwali kbira.

Is-Sinodu hu taħriġ ekkleżjali ta’ dixxerniment. Il-frankezza fid-diskors u l-ftuħ fis-smigħ huma fundamentali biex is-Sinodu jkun proċess ta’ dixxerniment. Id-dixxerniment mhuwiex biss slogan pubbliċitarju, mhux xi teknika organizzattiva, u lanqas moda ta’ dan il-pontifikat, imma atteġġjament interjuri li għandu għeruqu f’att ta’ fidi. Id-dixxerniment hu l-metodu u fl-istess waqt l-għan li qed nipproponu għalina: jissejjes fuq il-konvinzjoni li Alla qed jaħdem fl-istorja tad-dinja, fil-ġrajjiet tal-ħajja, fil-persuni li niltaqa’ magħhom u li jkellmuni. Għalhekk aħna msejħin biex nagħtu widen għal dak li l-Ispirtu jissuġġerilna, b’modi u f’direzzjonijiet spiss imprevedibbli. Id-dixxerniment għandu bżonn ta’ spazji u ta’ żminijiet. Għalhekk, nixtieq li matul il-ħidmiet, fl-assemblea plenarja u fil-gruppi, wara kull ħames interventi jiġi osservat mument ta’ skiet – xi tliet minuti – biex kulħadd jista’ jkun attent għar-riżonanzi li dak li jkun sema’ jqanqal f’qalbu, biex jinżel fil-fond u jilqa’ dak li jolqtu l-iżjed. Din l-attenzjoni għall-interjorità hi l-muftieħ biex nifhmu l-mixja tal-għarfien, l-interpretazzjoni u l-għażla.

Aħna sinjal ta’ Knisja li tisma’ u li timxi. L-atteġġjament tas-smigħ ma jistax jillimita ruħu għall-kliem li naqsmu ma’ xulxin fil-ħidmiet sinodali. Il-mixja ta’ tħejjija għal dan il-mument uriet Knisja “fid-dmir li tisma’” anki liż-żgħażagħ, li spiss fl-oriġinalità tagħhom iħossuhom mhux mifhuma mill-Knisja u allura mhux milqugħa għal dak li huma tassew, u xi drabi anki miċħuda. Dan is-Sinodu għandu l-opportunità, il-ħidma u d-dmir li jkun sinjal tal-Knisja li tassew kapaċi tisma’, li tħalli jisfidawha l-ġrajjiet ta’ dawk li tiltaqa’ magħhom, li mhux dejjem għandha tweġiba lesta. Knisja li ma tismax turi li hi magħluqa għall-ġdid, magħluqa għas-sorpriżi ta’ Alla, u ma tkunx kredibbli, b’mod partikulari għaż-żgħażagħ, li bla dubju jispiċċaw jitbiegħdu minnha flok jersqu lejha.

Noħorġu mill-preġudizzji u l-isterjotipi.. L-ewwel pass fid-direzzjoni tas-smigħ hu li neħilsu l-ħsieb tagħna u l-qlub tagħna mill-preġudizzji u l-isterjotipi: meta naħsbu li diġà nafu min hu l-ieħor u xi jrid, allura veru ħa nbatu biex nisimgħuh bis-serjetà. Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet huma art fejn il-preġudizzji u l-isterjotopi jabqdu għeruqhom b’faċilità liema bħalha, tant li spiss lanqas nintebħu. Iż-żgħażagħ huma ttentati jikkunsidraw lill-adulti bħala ħaġa superata; l-adulti huma ttentati jaħsbu li ż-żgħażagħ huma inesperti, li diġà jafu kif inhuma u fuq kollox kif għandhom ikunu u jġibu ruħhom. Dan kollu jista’ jsir xkiel qawwi għad-djalogu u għal-laqgħa bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-parti l-kbira ta’ dawk preżenti mhijiex ġejja mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, u allura hu ċar li rridu noqogħdu għajnejna miftuħa beraħ fuq kollox għar-riskju li nitkellmu fuq iż-żgħażagħ ibda minn kategoriji u skemi mentali li llum ġew superati. Jekk nagħrfu naħarbu dan il-periklu, allura nkunu nagħtu sehemna biex nagħmlu possibbli patt bejn il-ġenerazzjonijiet. L-adulti jridu jegħlbu t-tentazzjoni li jissottovalutaw il-ħiliet taż-żgħażagħ u li jiġġudikawhom negattivament. Darba kont qrajt li l-ewwel darba li ssemma dan il-fatt kien lejn is-sena 3000 qk u nstabet fuq vażun tal-fuħħar tal-Babilonja tal-qedem, fejn hemm miktub li ż-żgħażagħ huma immorali u li ż-żgħażagħ mhumiex kapaċi jsalvaw il-kultura tal-poplu. Hi tradizzjoni qadima tagħna x-xjuħ! Imma ż-żgħażagħ għandhom jegħlbu t-tentazzjoni li ma jagħtux widen għall-adulti u li jqisu l-anzjani “ħaġa tal-qedem, li għaddiet u li ddejqek”, għax ikunu jinsew li hi bluha li dejjem iridu jibdew mill-bidu nett bħallikieku d-dinja qed tibda biss issa, ma’ kull wieħed u waħda minnhom. Fir-realtà, l-anzjani, minkejja d-dgħufija fiżika tagħhom, jibqgħu dejjem il-memorja tal-umanità tagħna, l-għeruq tas-soċjetà tagħna, il-“polz” taċ-ċiviltà tagħna. Li nkasbruhom, narmuhom, nagħlquhom f’riservi iżolati jew inxammru mneħirna magħhom ifisser li nkunu qed inċedu għall-mentalità tad-dinja li qed tibla’ d-djar tagħna minn ġewwa. Li nittraskuraw it-teżor ta’ esperjenzi li kull ġenerazzjoni tiret u tgħaddi lil oħra hu att ta’ qerda tagħna nfusna.

Mela, minn naħa, irridu negħlbu b’determinazzjoni l-pjaga tal-klerikaliżmu. Fil-fatt, is-smigħ u l-ħruġ mill-isterjotipi huwa anki antidotu qawwi kontra r-riskju tal-klerikaliżmu, li għalih assemblea bħal din ma tistax ma tkunx esposta, huma x’inhuma l-intenzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan jiġi minn viżjoni elitarjana u eskludenti tal-vokazzjoni, li tinterpreta l-ministeru li rċivejna bħala poter li rridu nħaddmu pjuttost milli bħala qadi b’xejn u ġeneruż li għandna noffru; u dan iwassalna naħsbu li aħna nagħmlu parti minn grupp li għandu t-tweġibiet kollha u m’għandux iżjed bżonn li jisma’ u jitgħallem xejn, jew jagħmel tabirruħu li qed jisma’. Il-klerikaliżmu hu tagħwiġ pervers u hu l-għerq ta’ tant ħażen ieħor fil-Knisja: għalih irridu nitolbu umilment maħfra u fuq kollox noħolqu l-kundizzjonijiet biex ma jirripetix ruħu.

Imma, min-naħa l-oħra, jeħtieġ nikkuraw il-virus tal-awtosuffiċjenza u tal-konklużjonijiet mgħaġġla ta’ ħafna żgħażagħ. Hemm qawl Eġizzjan li jgħid: “Jekk fid-dar tiegħek m’hemmx l-anzjan, ixtrih, għax tiġi bżonnu”. Li nwarrbu u narmu dak kollu li ġie mgħoddi lilna tul is-sekli jġib biss telfa perikoluża li b’xorti ħażina qed thedded l-umanità tagħna; iwassal biss għall-istat ta’ diżillużjoni li invadiet il-qlub ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-ħżin ta’ esperjenzi umani, matul l-istorja, hu t-teżor l-iżjed prezzjuż u affidabbli li l-ġenerazzjonijiet jirtu minn xulxin. Mingħajr ma ninsew qatt ir-Rivelazzjoni divina, li ddawwal u tagħti sens lill-istorja u lill-eżistenza tagħna.

Ħuti, jalla s-Sinodu jqajjem lil qlubna! Il-preżent, anki dak tal-Knisja, jidher mimli taħbit, problemi, toqol. Imma l-fidi tgħidilna li huwa wkoll il-kairos li fih il-Mulej jiġi jiltaqa’ magħna biex iħobbna u jsejħilna għall-milja tal-ħajja. Il-futur mhuwiex theddida biex nibżgħu minnha, imma ż-żmien li l-Mulej qed iwegħedna biex nistgħu nagħmlu esperjenza tal-komunjoni tagħna miegħu, ma’ ħutna u mal-ħolqien kollu. Għandna bżonn insibu mill-ġdid ir-raġunijiet tat-tama tagħna u fuq kollox li ngħadduhom liż-żgħażagħ, li huma għatxana għat-tama; kif afferma tajjeb ħafna l-Konċilju Vatikan II: “Bir-raġun nistgħu naħsbu li l-ġejjieni tal-bnedmin qiegħed f’idejn dawk li għandhom il-ħila jagħtu lill-ġenerazzjoniet li ġejjin raġunijiet ta’ ħajja u ta’ tama” (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 31).

Il-laqgħa bejn il-ġenerazzjonijiet tista’ tkun tassew għammiela skont kemm tnissel tama. Dan jgħallimhulna l-profeta Ġoel f’dik li – fakkartha wkoll liż-żgħażagħ fil-Laqgħa pre-sinodali – inqisha bħala l-profezjoni ta’ żminijietna: “Ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet” (3:1) u jipprofetizzaw.

Ma hemmx bżonn ta’ argumentazzjonijiet teoloġiċi sofistikati biex nuru d-dmir tagħna li ngħinu lid-dinja ta’ żmienna u nimxu lejn is-saltna ta’ Alla, bla tamiet qarrieqa u bla ma naraw biss rovini u gwaj. Fil-fatt, San Ġwann XXIII, meta tkellem fuq il-persuni li jiżnu l-fatti mingħajr biżżejjed oġġettività u lanqas ġudizzju prudenti, stqarr: “Fil-kundizzjonijiet attwali tas-soċjetà umana, huma ma jaraw xejn aktar ħlief rovina u nkwiet; joħorġu jgħidu li żminijietna huma wisq agħar meta nqabbluhom mas-sekli ta’ qabel; u jaslu wkoll sal-punt li jġibu ruħhom bħallikieku ma kellhom xejn x’jitgħallmu mill-istorja, li hi l-għalliema tal-ħajja” (Diskors għall-ftuħ solenni tal-Konċilju Vatikan II, 11 ta’ Ottubru 1962).

Mela ejjew ma nħallux jittentawna l-“profeziji ta’ diżastri”, ma naħlux enerġiji “biex noqogħdu nikkontjaw il-fallimenti u nimtlew bl-imrar”, imma nżommu msammra ħarsitna fuq il-ġid li “ħafna drabi t-tajjeb ma jagħmilx ħsejjes, mhuwiex it-tema tal-blogs u lanqas ma jasal sal-paġni ta’ quddiem”, u ma nibżgħux “quddiem il-feriti tal-laħam ta’ Kristu, dejjem kawża tad-dnub u, kif sikwit jiġri, minn ulied il-Knisja” (ara Diskors lill-Isqfijiet maħtura dan l-aħħar li ħadu sehem fil-kors li sar għalihom mill-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet u għall-Knejjes Orjentali, 13 ta’ Settembru 2018).

Mela ejjew inħabirku biex infittxu li “niffrekwentaw il-futur”, u li minn dan is-Sinodu noħorġu mhux biss dokument – li ġeneralment jinqara mill-ftit u jiġi kkritikat mill-ħafna –, imma fuq kollox proposti pastorali konkreti, li kapaċi jwettqu l-ħidma tas-Sinodu nnifsu, jiġifieri dik li jnibbtu ħolmiet ġodda, iqanqlu profeziji u viżjonijiet, iwarrdu t-tamiet, jistimulaw fiduċja, jinfaxxaw il-ġrieħi, jinsġu relazzjonijiet, itellgħu żerniq ta’ tama, jgħallmu lil xulxin, u joħolqu pożittiv immaġinarju li jdawwal l-imħuħ, isaħħan il-qlub, irodd il-qawwa lid-dirgħajn, u jnebbaħ liż-żgħażagħ – liż-żgħażagħ kollha, ħadd barra – bil-viżjoni ta’ futur mimli bil-ferħ tal-Vanġelu. Grazzi.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.