Adozzjoni

Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras

L-adozzjoni tal-ulied f’familja barranija kienet magħrufa u kienet issir fil-Mesopotamja. Madankollu fil-liġijiet ta’ Iżrael, li għandhom ħafna mill-influwenza tal-kultura tal-Mesopotamja, ma nsibu l-ebda riferenza għal-liġi tal-adozzjoni. Imma nsibu eżempji li jixhdu li l-adozzjoni kienet magħrufa wkoll, bħall-każ tal-adozzjoni ta’ Mosè minn bint il-Fargħun (Eż 2,10) u l-każ ta’ Ester adottata minn zijuha Mardokaj (Est 2,7). L-għażla ta’ Iżrael minn Alla biex ikun il-poplu tiegħu u l-aċċettazzjoni tiegħu bħala ibnu (Eż 4,22-23; Ħos 11,1 ) fiha s-sens tal-adozzjoni. Hekk ukoll il-fatt li Alla għażel lil David u ’l ibnu biex hu jkun Missieru (2 Sam 7,14; Salm 2,7).

Fost il-privileġġi ta’ Iżrael San Pawl isemmi wkoll l-adozzjoni, imfissra bil-kelma ħyiothesìa (Rum 9,4). Din kienet il-kelma teknika għall-adozzjoni tal-ulied fil-liġi Griega-Rumana. Pawlu nqeda biha biex ifisser l-għażla ta’ Iżrael bħala l-poplu li Alla adottah b’ibnu. Il-privileġġ tal-adozzjoni għadda għal Iżrael il-ġdid, il-poplu l-ġdid ta’ Alla fit-Testment il-Ġdid. Issa dawk kollha li jingħaqdu ma’ Ġesù Kristu, l-Iben naturali ta’ Alla, bih, miegħu u fih isiru wlied adottivi ta’ Alla. Għalhekk Alla bagħat ʼl Ibnu fostna, “biex ikollna l-adozzjoni tal-ulied” (ħyiothesìa – Gal 4,5; Rum 8,15 ). San Pawl ifisser id-differenza kbira bejn il-filjazzjoni divina ta’ Ġesù, li hu l-Iben mogħni “bin-natura ta’ Alla” (Fil 2,6) u, għalhekk, hu l-Iben naturali ta’ Alla, u l-filjazzjoni divina tal-insara, li min-natura tagħhom mhumiex ulied Alla – “minna nfusna aħna wlied il-korla” (Ef 2,3) – imma Alla għoġbu jadottana b’uliedu u jagħmilna werrieta tiegħu ma’ Ibnu (Rum 8,15ss; Gal 4,4ss). Bil-grazzja tar-redenzjoni, bil-prezz tad-demm ta’ Ibnu Ġesù Kristu (1 Pt 1,18-19), Alla ma ħelisniex biss mill-jasar tad-dnub, iżda għamilna wkoll uliedu. Minn ilsiera sirna wlied, u wlied fil-familja ta’ Alla, mogħnija bil-libertà tal-ulied ta’ Alla (Rum 8,21). Għalhekk, lil Alla nsejħulu “Abbà! Missier!” (Rum 8,15; Gal 4,6), kif kien isejjaħlu Ibnu Ġesù fuq din l-art (Mk 14,36). Dan kollu timplika l-grazzja tal-adozzjoni, li biha Alla jagħmilna wliedu.

Awturi oħra tat-Testment Ġdid ma jsemmux il-kelma ħyiothesìa, imma jgħallmu l-istess realtà tal-filjazzjoni divina tan-nisrani fl-għaqda tiegħu ma’ Ġesù Kristu. Hu l-aktar San Ġwann, li jgħallem dan il-fatt misterjuż b’qawwa u b’ċarezza kbira. Il-bniedem li jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu u jilqgħu bil-fidi jitwieled mill-ġdid, jitwieled “minn Alla” (Ġw 1,13; 3,3.5); għalhekk isir “bin Alla” (Ġw 1,12). Il-ħsieb tat-twelid ġdid insibuh ukoll fl-Ittra ta’ Pawlu lil Titu; il-magħmudija hi “l-ħasil ta’ twelid ġdid”, tar-riġenerazzjoni (palingenesìa – Tit 3,5). Bil-magħmudija twelidna mill-ġdid u sirna wlied Alla. Il-ħsieb ta’ San Ġwann jinżel aktar fil-fond; jgħid li aħna wlied Alla, imweldin minn Alla, għax għandna fina “ż-żerriegħa ta’ Alla” (spérma– 1 Ġw 3,9 ) – aħna mnisslin minn Alla (Ġw 1,13). Dan il-fatt Ġwanni jaffermah b’qawwa kbira u jara fih il-misteru tal-imħabba bla tarf ta’ Alla lejna: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew” (1 Ġw 3,1). Hu mbagħad San Pietru wasal biex jagħtina l-implikazzjoni misterjuża tal-fatt tal-adozzjoni divina tagħna bl-affermazzjoni kuraġġuża, li bil-ġrazzja tal-adozzjoni aħna “nissieħbu fin-natura ta’ Alla” (theias koinonoi physeos– 2 Pt 1,4).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading