Id-devozzjoni Marjana matul ix-xahar ta’ Mejju għandha għeruq fondi li jmorru lura għas-seklu tmintax. Kienet bdiet f’Ruma u dak li huwa meqjus bħala l-promotur tagħha kien ċertu Padre Latomia, Ġiżwita li kien prefett fil-Kulleġġ Ruman tas-Soċjetà ta’ Ġesù.
Huwa kien imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ fidi u kif ukoll dwar l-imġiba xejn xierqa fost l-istudenti tal-kulleġġ. Għalhekk, fit-talb tiegħu, huwa għamel wegħda li jiddedika x-xahar kollu ta’ Mejju lill-Madonna, bl-għan li jrawwem fl-istudenti devozzjoni aktar qawwija u ħajja.
Il-prattika xterdet u malajr u bdiet tinfirex mill-Kulleġġ Ruman għal kulleġġi oħra mmexxija mill-Ġiżwiti fl-Italja, u eventwalment fl-Ewropa kollha u fil-bqija tal-Knisja Latina.
Fil-bidu, id-devozzjoni kienet tinkludi l-bini ta’ artali żgħar imżejna bil-fjuri, kant ta’ innijiet Marjani, u riflessjonijiet fuq il-virtujiet ta’ Marija. Kien żmien meta fil-Knisja bdiet tixtered id-drawwa li jkunu ddedikati xhur sħaħ għal devozzjonijiet partikolari, bħal per eżempju ix-xahar ta’ Ġunju, li ġie ddedikat għad-devozzjoni lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
Ir-rabta bejn il-Ġiżwiti u l-Madonna baqgħet b’saħħitha matul is-snin, tant li malajr f’Malta wkoll, il-Ġiżwiti kienu minn tal-ewwel li introduċew u saħħew din id-devozzjoni fil-knejjes u l-iskejjel tagħhom. Kien hemm ukoll diversi papiet li għenu biex tissaħħaħ id-devozzjoni lejn il-Madonna.
Il-Papa Piju VII (1800–1823): Kien wieħed mill-ewwel li approva indulġenzi għal min jieħu sehem fid-devozzjonijiet Marjana ta’ Mejju, u b’hekk ta l-barka uffiċjali tas-Santa Sede għal din il-prattika.
Il-Papa Piju IX (1846–1878): Saħħaħ din id-devozzjoni Marjana globalment, speċjalment wara d-definizzjoni tal-domma tal-Immakulata Konċezzjoni.
Il-Papa Ljun XIII (1878–1903): Bil-kitbiet tiegħu, dan il-Papa, magħruf ukoll bħala l-Papa tar-Rużarju, ħeġġeġ it-talb Marjan, u kkonferma Mejju bħala xahar speċjali ta’ qima.
Il-Papa Piju XII (1939–1958): Fl-1945, huwa ddikjara Mejju bħala xahar Marjan u stabbilixxa l-festa ta Marija Reġina fil-31 ta’ Mejju. Aktar tard kienet imċaqalqa għat-22 ta’ Awwissu. Huwa saħaq li l-poplu Nisrani, fi żminijiet ta’ kriżi jew trijonf, dejjem dar lejn il-Madonna.
Il-Papa Pawlu VI (1963–1978): Fl-1965 huwa kiteb l-enċiklika Mense Maio dwar ix-xahraar ta’ Mejju. Fiha ħeġġeġ biex matul dan ix-xahar isir aktar mis-soltu, talb għall-paċi fid-dinja. Dakinhar kien żmien il-gwerra tal-Vjetnam. Huwa ddeskriva Mejju bħala “żmien ta’ ġieħ ferventi u ta’ mħabba” li l-insara joffru lil Marija.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II (1978–2005): Ma setax jonqos li dak il-Papa li għażel bħala motto tiegħu, id-dikjarazzjoni lil Marija, “Totus Tuus – Kollni Tiegħek”, jippromwovi huwa wkoll id-devozjoni Marjana. Spiss mexxa huwa stess ċelebrazzjonijiet ta’ qima lill-Madonna, l-aktar matul Mejju u enfasizza r-rabta bejn ir-Rużarju u x-xahar. Fost l-Enċikliċi tiegħu insibu, “Redemptoris Mater – Omm il-Feddej“, u “Rosarium Virginis Mariae – Ir-Rużarju tal-Verġni Marija“. Barra minn hekk, bejn l-1995 u l-1997, waqt l-Udjenzi Ġenerali tiegħu, huwa ta 70 katekeżi dwar il-Verġni Marija.
Imma forsi fost l-aktar sinifikanti u drammatiċi matul il-pontifikat tiegħu kien dak li seħħ f’okkażjoni minnhom fi Pjazza San Pietru, f’Ruma meta t-Tork Mehmet Ali Ağca spara erba’ tiri, u ħalla lill-Papa ferut serjament f’diversi partijiet ta’ ġismu. Hu tilef ħafna demm, iżda wara operazzjoni ta’ emerġenza huwa baqa’ ħaj. Kien it-13 ta’ Mejju 1981, Festa tal-Madonna ta’ Fatima.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II nnifsu dejjem emmen li kienet il-Madonna ta’ Fatima li dakinhar salvatlu ħajtu, u aktar tard offra l-bullet li laqtu biex jitpoġġa fil-kuruna tal-istatwa tal-Madonna f’Fatima.
Il-Papa Benedittu XVI (2005-2013): Dan il-Papa kellu devozzjoni profonda lejn il-Verġni Marija, li kien iħares lejha bħala mudell ta’ fidi, umiltà u ubbidjenza lejn Alla. Fil-kitbiet u d-diskorsi tiegħu, spiss enfasizza r-rwol ta’ Marija fil-misteru tas-salvazzjoni u l-importanza tagħha fil-ħajja tal-Knisja. Huwa ħeġġeġ lill-insara biex jersqu lejn Marija bħala omm spiritwali li tmexxihom eqreb lejn Kristu, u biex jimitaw il-fiduċja sħiħa tagħha fil-pjan divin. Referenzi partikular huma l-katekeżi li ta fit-2 ta’ Jannar 2008 u l-omelija li għamel fil-festa tal-Assunzjoni tas-sena 2012.
Il-Papa Franġisku (2013-2025): Sabiex jindirizza l-kriżijiet li d-dinja kienet għaddejja minnhom, fosthom il-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda fil-migrazzjoni, u l-instabbiltà globali, fl-20 ta’ Ġunju 2020, il-Papa Franġisku żied tliet invokazzjonijiet ġodda lill-Verġni Mqaddsa Marija fil-Litanija Lawretana. L-invokazzjonijiet li huma “Omm tal-Ħniena” “Omm it-Tama”, u “Faraġ tal-Migranti” għandhom l-għan li joffru faraġ u tama, filwaqt li jenfasizzaw ir-rwol ta’ Marija fil-kura ta’ dawk li qed jiffaċċjaw inċertezza u tbatija.
